Lir-Rumani 5:1-21

  • Nistgħu nkunu ħbieb t’Alla permezz taʼ Kristu (1-11)

  • Il-mewt permezz t’Adam, u l-ħajja permezz taʼ Kristu (12-21)

    • Il-bnedmin kollha jmutu u jidinbu (12)

    • Azzjoni ġusta waħda (18)

5  Issa li ġejna kkunsidrati ġusti minħabba l-fidi, nistgħu ngawdu l-paċi m’Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 2  Il-fidi tagħna f’Ġesù tagħmilhielna possibbli li nkunu ħbieb m’Alla u li jkun ferħan bina.* Nistgħu nkunu ferħanin għax għandna t-tama li Alla jagħtina pożizzjoni għolja. 3  Mhux hekk biss, imma nistgħu nkunu ferħanin meta nbatu, għax nafu li t-tbatija tgħinna nissaportu. 4  Meta nissaportu, Alla jkun ferħan bina, u dan jagħtina tama. 5  Din it-tama mhux se tiddiżappuntana, għax permezz tal-ispirtu qaddis, Alla juri li jħobbna. 6  Waqt li konna għadna dgħajfin, Kristu miet fiż-żmien magħżul għal nies ħżiena. 7  Jistaʼ jkun li xi ħadd ikun lest li jmut għal min hu tajjeb, imma hu rari li xi ħadd imut għal min hu ġust. 8  Madankollu, Alla wriena li jħobbna għax waqt li konna għadna midinbin,* Kristu miet għalina. 9  Għalhekk, la ġejna kkunsidrati ġusti permezz tad-demm taʼ Ġesù, nistgħu nkunu iktar ċerti li se niġu salvati meta Alla jikkastiga lin-nies. 10  Għalkemm konna għedewwa t’Alla, sirna ħbieb tiegħu permezz tal-mewt taʼ Ibnu. Mela, kemm iktar nistgħu nkunu ċerti li se niġu salvati permezz tal-ħajja taʼ Ġesù, issa li sirna ħbieb t’Alla! 11  Aħna nifirħu b’dak li Alla għamel permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax permezz tiegħu aħna sirna ħbieb t’Alla. 12  Id-dnub* daħal fid-dinja permezz taʼ bniedem wieħed, u d-dnub ġab il-mewt. B’hekk il-bnedmin kollha jmutu, għax kollha jidinbu. 13  Id-dnub kien fid-dinja qabel ma kien hemm il-Liġi, imma ħadd ma jistaʼ jiġi kkunsidrat ħati tad-dnub jekk ma jkunx hemm liġi. 14  Il-mewt ikkontrollat lin-nies* minn Adam sa Mosè. Saħansitra kkontrollat lil dawk li ma dinbux bl-istess mod t’Adam, li kien jixbah lil dak li kellu jiġi iktar tard. 15  Ħafna nies mietu minħabba d-dnub taʼ bniedem wieħed, Adam, imma r-rigal t’Alla mhuwiex bħal dan id-dnub. Permezz taʼ dan ir-rigal b’xejn u l-qalb tajba kbira* t’Alla u taʼ bniedem wieħed, Ġesù Kristu, se jibbenefikaw ħafna nies. 16  Il-benefiċċji tar-rigal b’xejn t’Alla mhumiex bħall-konsegwenzi tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Għax id-dnub wassal għal ġudizzju taʼ kundanna, imma r-rigal t’Alla, wara li saru ħafna dnubiet, wassal biex in-nies jiġu kkunsidrati innoċenti. 17  Il-mewt ikkontrollat lin-nies* permezz tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Imma l-qalb tajba kbira t’Alla u r-rigal b’xejn tiegħu biex niġu kkunsidrati ġusti jgħinuna nkunu ċerti li se ngħixu grazzi għal bniedem wieħed, Ġesù Kristu, u mmexxu bħala rejiet. 18  Bħalma dnub wieħed ġab kundanna għan-nies kollha, azzjoni ġusta waħda wasslet biex in-nies kollha jiġu kkunsidrati ġusti u jkunu jistgħu jgħixu. 19  Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, bl-ubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna se jsiru ġusti. 20  Il-Liġi ngħatat biex turi kemm in-nies huma midinbin. Imma hekk kif deher ċar kemm hemm dnubiet, Alla wera ħafna iktar qalb tajba kbira. 21  Id-dnub ikkontrolla lin-nies* u ġab il-mewt, imma l-qalb tajba kbira t’Alla ġġib il-ġustizzja. U din se twassal għall-ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.

Noti taʼ taħt

Jew “ingawdu l-qalb tajba kbira tiegħu.”
Jew “nagħmlu d-dnub.”
Letteralment ”‏saltnet.”‏
Jew ”‏il-qalb tajba mhix mistħoqqa.”‏ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “saltnet.”
Letteralment “saltan.”