Lir-Rumani 13:1-14

  • Nobdu lil dawk li qegħdin fl-awtorità (1-7)

    • Inħallsu t-taxxi (6, 7)

  • Min iħobb ikun qed jagħmel dak li tgħid il-Liġi (8-10)

  • Naġixxu bħallikieku fid-dawl tal-ġurnata (11-14)

13  Aħna għandna nobdu lil dawk li qegħdin fl-awtorità.* M’hemm ebda awtorità jekk ma jippermettihiex Alla. L-awtoritajiet li hawn bħalissa ngħataw il-pożizzjoni li għandhom minn Alla.  Għalhekk, kull min jopponi l-awtorità jkun qed jiħodha kontra l-arranġament t’Alla. Min jagħmel hekk se jiġi ġġudikat.*  In-nies tajbin ma jibżgħux mill-mexxejja imma l-ħżiena iva. M’għandekx għalfejn tibżaʼ mill-awtoritajiet. Jekk tagħmel dak li hu tajjeb, se jfaħħruk.  Huma l-qaddejja* t’Alla biex tibbenefika minnhom int. Imma għandek tibżaʼ jekk tagħmel xi ħaġa ħażina, għax huma għandhom id-dritt u l-awtorità li jikkastigaw lil* dawk li jagħmlu l-ħażin. Huma jaqdu lil Alla billi jikkastigaw lil min jagħmel il-ħażin.  Hemm raġunijiet tajbin biex tobdu, mhux biss biex tevitaw ir-rabja tagħhom imma wkoll biex ikollkom kuxjenza tajba.  Huwa għalhekk li tħallsu t-taxxi, għax Alla juża l-awtoritajiet biex jaqdu lin-nies il-ħin kollu.  Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu: agħtu t-taxxa lil min jitlob it-taxxa; id-dazju lil min jitlob id-dazju; ir-rispett lil min jitlob ir-rispett; u l-unur lil min jitlob l-unur.  Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin. Għax min iħobb lil ħaddieħor ikun qed jagħmel dak li tgħid il-Liġi.  Għax il-Liġi, li tinkludi l-kmandamenti, “Tagħmilx adulterju, toqtolx, tisraqx, tixtieqx l-affarijiet taʼ ħaddieħor,” u l-kmandamenti l-oħrajn kollha, hi miġbura f’dan il-kmand: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” 10  Min iħobb ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn. Permezz taʼ din l-imħabba, ikun qed jagħmel dak li tgħid il-Liġi. 11  Intom għandkom tagħmlu dan, għax tafu li wasal iż-żmien biex tqumu mill-irqad. Iż-żmien li niġu salvati hu eqreb minn meta sirna dixxipli. 12  Il-lejl kważi għadda; dalwaqt se jisbaħ. Għalhekk, għandna nieqfu nagħmlu dak li għandu x’jaqsam mad-dlam u nilbsu l-armatura li tintuża fid-dawl. 13  Ejja naġixxu b’mod xieraq,* bħalma jagħmlu n-nies fid-dawl tal-ġurnata. Aħna m’għandniex nixxalaw,* niskru, nagħmlu affarijiet immorali, inġibu ruħna b’mod ħażin bla mistħija,* niġġieldu, jew ngħiru. 14  Minflok, imitaw bl-aħjar mod l-eżempju tal-Mulej Ġesù Kristu, u tippjanawx minn qabel biex tissodisfaw xewqat midinba.

Noti taʼ taħt

Jew “l-awtoritajiet superjuri,” jiġifieri l-gvernijiet.
Jew “ikkundannat; ikkastigat.”
Jew “il-ministri.”
Jew “juru r-rabja maʼ.”
Jew “diċenti.”
Jew “nagħmlu parties bla kontroll.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”