Lir-Rumani 11:1-36
11 Allura nistaqsi, Warrab Alla lill-poplu tiegħu? Żgur li le! Għax anki jien Iżraeli u niġi minn Abraham, mit-tribù taʼ Benjamin.
2 Alla ma warrabx lill-poplu tiegħu, li għażlu l-ewwel. Ma tafux x’tgħid l-Iskrittura dwar Elija meta talab bil-ħniena lil Alla u akkuża lil Iżrael? Hu qal:
3 “Ġeħova,* huma qatlu lill-profeti tiegħek u kissru l-artali tiegħek. Jien biss baqaʼ u issa qed jipprovaw joqtluni.”
4 Imma Alla kif wieġbu? “Jien għad għandi 7,000 ruħ li ma milux quddiem Bagħal.”
5 Hekk ukoll issa. Hemm grupp żgħir* li għażel minħabba l-qalb tajba kbira tiegħu.
6 Allura la dan sar minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla, ma ntgħażilniex għax ħdimna għal dan; inkella ma tkunx qalb tajba kbira.
7 Allura x’nistgħu ngħidu? Dak li l-Iżraelin vera riedu ma ħaduhx, imma ħaduh biss il-ftit li Alla għażel. Il-bqija ma ridux jisimgħu.
8 Hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Alla ġegħelhom jorqdu fil-fond sal-lum, ħalli għajnejhom ma jarawx u widnejhom ma jisimgħux.”
9 Ukoll, David qal: “Jalla l-mejda* tagħhom issir nassa u nasba ħalli jaqgħu u jiġu kkastigati.
10 Jalla ma jibqgħux jaraw, u jalla daharhom ikun dejjem mgħawweġ bit-toqol li jġorru.”
11 Allura nistaqsi, Meta l-Lhud tfixklu, waqgħu għalkollox? Żgur li le! Imma għax kisru l-Liġi, in-nies taʼ popli oħra jistgħu jiġu salvati, u b’hekk il-Lhud bdew jgħiru.
12 Peress li kisru l-Liġi, ġabu barkiet għad-dinja, u t-tnaqqis tagħhom ġab iktar barkiet għan-nies taʼ popli oħra. Allura, ara kemm se tkun ikbar il-barka meta huma* jinġabru kollha!
13 Issa qed nitkellem magħkom, nies taʼ popli oħra. Peress li jien appostlu tal-popli, jien napprezza ħafna s-servizz li nagħti lil Alla.*
14 Nittama wkoll li b’xi mod inġiegħel lill-poplu tiegħi jgħir għal dak li qed tirċievu intom u b’hekk insalva lil xi wħud minnhom.
15 Il-fatt li tkeċċew għen lil xi wħud fid-dinja biex isiru ħbieb m’Alla. Issa jekk hu jaċċetta xi wħud minnhom* lura, ikun qisu qed iqajjimhom mill-mewt.
16 Iktar minn hekk, jekk il-parti mill-għaġina li tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel prodott hi qaddisa, l-għaġina kollha tkun qaddisa. U jekk l-għeruq taʼ siġra huma qaddisin, il-friegħi huma qaddisin ukoll.
17 Madankollu, xi friegħi ġew imqaċċtin. Imbagħad intom ġejtu mlaqqmin maʼ friegħi oħra avolja kontu friegħi taʼ siġra taż-żebbuġ salvaġġa. Issa intom qed tieħdu min-nutrimenti tal-għeruq tas-siġra taż-żebbuġ.
18 Imma taħsbux li intom aħjar mill-friegħi l-oħra. Jekk taħsbu li intom aħjar ftakru li mhux intom qed iżżommu l-għeruq, imma l-għeruq qed iżommu lilkom.
19 Xi wħud minnkom se jgħidu: “Xi friegħi ġew imqaċċtin biex nitlaqqam jien.”
20 Dan hu veru! Huma ġew imqaċċtin għax ma kellhomx fidi, imma intom tibqgħu f’postkom għax għandkom il-fidi. Għalhekk titkabbrux u oqogħdu attenti.
21 La Alla ma ħelishiex lill-friegħi propja, mhux se jeħlisha lilkom.
22 Tistgħu taraw li Alla jistaʼ jkun kemm qalbu tajba u kemm aħrax. Hu aħrax mal-friegħi li waqgħu minħabba li ma kellhomx fidi, imma Alla jurikom qalb tajba sakemm jibqaʼ jistħoqqilkom il-qalb tajba tiegħu. Inkella jqaċċat lilkom ukoll mis-siġra.
23 U jekk il-Lhud jibdew juru l-fidi, Alla jlaqqamhom lura fis-siġra, għax jistaʼ jagħmel dan.
24 Intom ġejtu maqtugħin mis-siġra taż-żebbuġ salvaġġa u kuntrarju għal dak li jsir is-soltu ġejtu mlaqqmin fis-siġra taż-żebbuġ ikkultivata. Mela kemm hu iktar faċli li l-friegħi propja jiġu mlaqqmin lura fis-siġra taż-żebbuġ tagħhom stess!
25 Ħuti, irridkom tkunu tafu b’dan is-sigriet qaddis, ħalli ma taħsbux li intom għorrief. Infatti, dak li Alla żamm sigriet hu dan: Xi wħud mill-Iżraelin webbsu rashom sakemm inġabru l-magħżulin kollha mill-popli l-oħra,
26 u b’dan il-mod l-Iżraelin kollha se jiġu salvati. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Dak li jsalva* se jiġi minn Sijon u se jneħħi minn Ġakobb* il-ħażen kollu.
27 U dan hu l-patt li se nagħmel magħhom meta naħfrilhom id-dnubiet.”
28 Veru, huma għedewwa tal-aħbar tajba, u dan kien taʼ benefiċċju għalikom. Imma huma ntgħażlu minn Alla, u hu jħobbhom minħabba l-antenati tagħhom.
29 Alla mhux se jiddispjaċih għall-affarijiet li ta u lanqas mhu se jiddispjaċih li għajjat lil ċertu wħud.
30 Għax intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa ntwerejtu ħniena għax il-Lhud m’obdewhx.
31 Issa, huma l-uħud li ma jobdux u Alla wera ħniena magħkom. Imma anki huma jistgħu jintwerew ħniena.
32 Għax Alla ttrattahom bħala priġunieri minħabba d-diżubbidjenza tagħhom sabiex jurihom ħniena.
33 Kemm huma kbar il-barkiet, l-għerf, u l-għarfien t’Alla! Il-ġudizzji tiegħu ma jistgħux jiġu spjegati u dak li jagħmel ma nistgħux nifhmuh!
34 Għax “min jistaʼ jkun jaf il-ħsibijiet taʼ Ġeħova,* u min jistaʼ jagħtih parir?”
35 Jew, “Min ta xi ħaġa lil Alla, biex Alla jkollu jagħtih xi ħaġa lura?”
36 Għax l-affarijiet kollha ġejjin mingħandu, u jeżistu permezz tiegħu u għall-iskop tiegħu. Hu jistħoqqlu li jiġi gglorifikat għal dejjem. Ammen.
Noti taʼ taħt
^ Jew “fdal.”
^ Jew “il-festa.”
^ Jew “il-Lhud u n-nies tal-popli l-oħra.”
^ Jew “nigglorifika l-ministeru tiegħi.”
^ Jew “xi Lhud.”
^ Jew “jeħles.”
^ Jiġifieri l-Iżraelin.