Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 6:1-17
6 U jien rajt il-Ħaruf jiftaħ l-ewwel wieħed mis-sebaʼ siġilli, u smajt wieħed mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin jgħid b’leħen qisu ragħad: “Ejja!”
2 U rajt żiemel abjad, u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws. Lilu ngħatatlu kuruna, u hu mar jirbaħ lill-għedewwa tiegħu.
3 Meta fetaħ it-tieni siġill, jien smajt it-tieni ħliqa ħajja tgħid: “Ejja!”
4 U ħareġ żiemel ieħor aħmar, u lil min kien riekeb fuqu ngħatawlu xabla kbira u l-awtorità li jneħħi l-paċi minn fuq l-art biex in-nies joqtlu lil xulxin.
5 Meta fetaħ it-tielet siġill, jien smajt it-tielet ħliqa ħajja tgħid: “Ejja!” U rajt żiemel iswed, u dak li kien riekeb fuqu kellu miżien f’idu.
6 U smajt bħal leħen f’nofs l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin jgħid: “Kilo* qamħ jiswa dinar,* u tliet kilogrammi xgħir* dinar; u ibżgħu għaż-żejt taż-żebbuġa u l-inbid.”
7 Meta fetaħ ir-rabaʼ siġill, jien smajt il-leħen tar-rabaʼ ħliqa ħajja. Din qalet: “Ejja!”
8 U jien rajt żiemel aħdar fl-isfar, u dak li kien riekeb fuqu kien jismu Mewt. U l-Qabar* kien miexi eżatt warajh. U lilhom ingħatatilhom l-awtorità fuq kwart tal-art, biex joqtlu b’xabla twila, b’nuqqas t’ikel, b’mard qerried, u b’bhejjem slavaġ.
9 Meta fetaħ il-ħames siġill, jien rajt taħt l-artal id-demm* taʼ dawk maqtulin minħabba li kienu jobdu l-kelma t’Alla u x-xhieda li taw.
10 Huma għajtu b’leħen għoli: “Sid taʼ Kollox,* l-Alla qaddis u veru, kemm se ddum biex tiġġudika lil dawk li jgħixu fuq l-art u biex tivvendika d-demm tagħna?”
11 U ngħatat libsa bajda lil kull wieħed minnhom, u ntqalilhom biex jistrieħu ftit ieħor, sakemm ikun hemm l-ammont kollu taʼ sħabhom l-ilsiera, jiġifieri ħuthom li kienu se jinqatlu bħalma nqatlu huma.
12 U rajtu jiftaħ is-sitt siġill, u seħħ terremot kbir. Ix-xemx swiedet bħal drapp tal-ixkora magħmul mis-suf,* il-qamar sar qisu demm,
13 u l-istilel waqgħu fl-art bħalma jaqaʼ tin mhux misjur minn siġra li taqlaʼ ħafna riħ.
14 U s-sema ma baqgħetx tidher bħal skroll li jiġi rrumblat, u kull muntanja u kull gżira tneħħew minn posthom.
15 Imbagħad ir-rejiet tal-art, l-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja, il-kmandanti militari, is-sinjuri, dawk b’saħħithom, kull ilsir, u kull persuna ħielsa nħbew fl-għerien u fost il-blat tal-muntanji.
16 U baqgħu jgħidu lill-muntanji u lill-blat: “Aħbuna u pproteġuna mill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron u mir-rabja l-kbira tal-Ħaruf,
17 għax wasal il-jum il-kbir tar-rabja tagħhom, u min jistaʼ jibqaʼ ħaj?”
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri barley.
^ Jew “’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “l-erwieħ.”
^ Jew “Mulej Sovran.”
^ Probabbilment “suf tal-mogħoż.”