Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 5:1-14
5 U fl-id il-leminija tal-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron rajt skroll bil-kitba fuq iż-żewġ naħat.* Dan kien issiġillat sew b’sebaʼ siġilli.
2 U rajt anġlu b’saħħtu li b’leħen għoli kien qed jgħid: “Min jistħoqqlu jiftaħ l-iskroll u jkisser is-siġilli?”
3 Imma ħadd minn dawk fis-sema, fuq l-art, jew taħt l-art ma setaʼ jiftaħ l-iskroll jew jara x’hemm fih.
4 Jien tgħidx kemm bkejt għax ma kien hemm ħadd li jistħoqqlu jiftaħ l-iskroll jew jara x’hemm fih.
5 Imma wieħed mill-anzjani* qalli: “Tibqax tibki. L-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda, dak mill-familja* taʼ David, rebaħ, u b’hekk se jiftaħ l-iskroll u s-sebaʼ siġilli.”
6 U rajt ħaruf wieqaf fin-nofs ħdejn it-tron, f’nofs l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u f’nofs l-anzjani. Dan kien qisu ġie maqtul u kellu sebat iqrun u sebaʼ għajnejn, u dawn l-għajnejn jirrappreżentaw is-sebaʼ spirti t’Alla li ntbagħtu mal-art kollha.
7 F’daqqa waħda, ġie l-Ħaruf u ħa l-iskroll mill-id il-leminija tal-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron.
8 Meta l-Ħaruf ħa l-iskroll, l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin u l-24 anzjan niżlu għarkopptejhom quddiemu. Kull wieħed minnhom kellu arpa u skutelli tad-deheb mimlijin inċens. (L-inċens jirrappreżenta t-talb tal-qaddisin.)
9 Huma kantaw għanja ġdida u qalu: “Int jistħoqqlok li tieħu l-iskroll u tiftaħ is-siġilli tiegħu, għax qatluk u b’demmek xtrajt għal Alla nies minn kull tribù, lingwa,* poplu, u ġens,
10 u int għamilthom rejiet* u qassisin għall-Alla tagħna, u huma se jmexxu bħala rejiet fuq l-art.”
11 Jien rajt ħafna anġli li kienu madwar it-tron, madwar il-ħlejjaq ħajjin, u madwar l-anzjani, u smajt leħinhom. L-anġli kienu eluf t’eluf, anzi mijiet taʼ miljuni,*
12 u b’leħen għoli bdew jgħidu: “Il-Ħaruf li nqatel jistħoqqlu li jirċievi l-awtorità, il-ġid, l-għerf, is-saħħa, l-unur, il-glorja, u l-barkiet.”
13 U smajt kull ħliqa fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, fil-baħar, u l-affarijiet kollha li hemm fihom jgħidu: “Ħa jingħataw it-tifħir, l-unur, il-glorja, u l-qawwa għal dejjem taʼ dejjem lill-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron u lill-Ħaruf.”
14 L-erbaʼ ħlejjaq ħajjin bdew jgħidu: “Ammen!” u l-anzjani niżlu għarkopptejhom u bdew iqimu lil Alla.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “fuq ġewwa u fuq in-naħa taʼ wara.”
^ Letteralment “mill-għerq.”
^ Letteralment “ilsien.”
^ Letteralment “saltna.”
^ Jew “għaxriet t’eluf għal għaxriet t’eluf.”