Numri 15:1-41
15 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
2 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom biex tgħixu fiha,
3 u tagħmlu offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova mill-merħla tal-baqar jew tan-nagħaġ bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, kemm jekk tkun offerta tal-ħruq, sagrifiċċju biex jagħmlu xi wegħda speċjali, offerta volontarja, jew offerta matul il-festi tal-istaġuni tagħkom,
4 dak li jippreżenta l-offerta tiegħu jrid jippreżenta wkoll lil Ġeħova offerta taċ-ċereali.* Din għandha tkun għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt.
5 Għandek toffri wkoll kwart taʼ ħinn inbid bħala offerta tax-xorb, flimkien mal-offerta tal-ħruq jew mas-sagrifiċċju taʼ kull ħaruf.
6 Maʼ muntun għandek toffri offerta taċ-ċereali. Din għandha tkun 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat maʼ terz taʼ ħinn żejt.
7 U għandek tippreżenta terz taʼ ħinn inbid bħala offerta tax-xorb b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
8 “‘Imma jekk toffri barri bħala offerta tal-ħruq jew bħala sagrifiċċju biex tagħmel wegħda speċjali jew sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova,
9 trid tippreżenta wkoll flimkien mal-barri offerta taċ-ċereali. Din għandha tkun 30 fil-100 taʼ kejl t’efa taʼ dqiq fin imħallat maʼ nofs ħinn żejt.
10 Għandek tippreżenta wkoll nofs ħinn inbid bħala offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
11 Hekk għandu jsir għal kull barri, muntun, ħaruf, jew mogħża.
12 Toffru kemm toffru annimali, hekk għandkom tagħmlu għal kull wieħed minnhom.
13 Dan hu l-mod kif kull Iżraeli għandu jippreżenta offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
14 “‘Jekk barrani li qed jgħix magħkom jew wieħed li ilu jgħix magħkom żmien twil, ikun irid joffri offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova, għandu jagħmel bħalkom.
15 Liġi waħda jkun hemm għalikom il-kongregazzjoni t’Iżrael u l-barranin li qed jgħixu magħkom. Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. Ir-residenti barranin għandhom ikunu l-istess bħalkom quddiem Ġeħova.
16 Għandu jkun hemm liġi u deċiżjoni ġudizzjali waħda għalikom u għall-barranin li qed jgħixu magħkom.’”
17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:
18 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li se niħodkom fiha
19 u tieklu mill-prodott* tal-art, għandkom tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova.
20 Għandkom tagħtu bħala kontribuzzjoni l-ewwel dqiq mhux irfinut u tippreżentawh forma taʼ ftajjar. Għandkom tagħtuha bħall-kontribuzzjoni li ssir mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*
21 Ftit mill-ewwel dqiq mhux irfinut għandkom tagħtuh bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.
22 “‘Issa ejja ngħidu li tagħmlu xi żball u ma tobdux dawn il-kmandamenti kollha li Ġeħova qal lil Mosè,
23 jiġifieri kulma Ġeħova kkmandakom permezz taʼ Mosè. Dawn il-kmandamenti huma għalikom u għall-familji tagħkom biex tobduhom minn dakinhar li Ġeħova tahomlkom.
24 Jekk intom bħala ġemgħa għamiltu dan l-iżball bla ma ndunajtu, imma wara ndunajtu bih, tridu toffru barri żgħir* bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova, flimkien mal-offerta taċ-ċereali u l-offerta tax-xorb li joffru miegħu skont il-proċedura regolari, u gidi bħala offerta għad-dnub.
25 Il-qassis jagħmel tpattija għall-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u jinħafrilhom, għaliex kien żball, u huma ħadu bħala l-offerta tagħhom offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova u offerta għad-dnub quddiem Ġeħova għall-iżball tagħhom.
26 U jinħafer lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u lill-barranin li qed jgħixu f’nofshom, għaliex sar bi żball min-naħa tal-poplu kollu.
27 “‘Jekk xi ħadd jidneb bi żball, irid jippreżenta mogħża fl-ewwel sena tagħha bħala offerta għad-dnub.
28 U l-qassis jagħmel tpattija għal dak li għamel żball minħabba li dineb mhux apposta quddiem Ġeħova, u dan jinħafirlu.
29 Għandu jkun hemm liġi waħda għalikom u għall-barranin li qed jgħixu fostkom meta tagħmlu xi ħaġa mhux apposta.
30 “‘Imma dak li jagħmel xi ħaġa apposta, kemm jekk ikun Iżraeli u kemm jekk ikun resident barrani, ikun qed jidgħi* b’Ġeħova u għandu jiġi maqtul.*
31 Peress li maqdar il-kelma taʼ Ġeħova u kiser il-kmandament tiegħu, dan żgur li għandu jiġi maqtul. Irid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.’”
32 Waqt li l-Iżraelin kienu fid-deżert, sabu raġel jiġbor il-ħatab f’jum is-Sabat.
33 Dawk li sabuh jiġbor il-ħatab ħaduh għand Mosè, Aron, u l-ġemgħa kollha.
34 Huma żammewh maqful għax kien għadu ma ntqalx b’mod speċifiku x’għandhom jagħmlulu.
35 U Ġeħova qal lil Mosè: “Ir-raġel żgur li għandu jinqatel, u l-ġemgħa kollha għandha twaddablu l-ġebel ’il barra mill-kampijiet.”
36 Għalhekk, il-ġemgħa kollha ħarġitu ’l barra mill-kampijiet u waddbitlu l-ġebel sa ma miet, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
37 Ġeħova kompla jgħid dan lil Mosè:
38 “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom li matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom iridu jagħmlu frenża fit-tarf t’isfel tal-libsa tagħhom u jqiegħdu lazz blu ’l fuq minn din il-frenża.
39 ‘Irid ikollkom din il-frenża sabiex tarawha u tiftakru l-kmandamenti kollha taʼ Ġeħova u tobduhom. M’għandkomx timxu skont ix-xewqat taʼ qalbkom u għajnejkom, li qed iwaqqfukom milli tkunu leali lejja.*
40 Din se tgħinkom tiftakru l-kmandamenti kollha tiegħi biex tobduhom u tkunu qaddisin għall-Alla tagħkom.
41 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu sabiex nurikom li jien l-Alla tagħkom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’”
Noti taʼ taħt
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “mill-ħobż.”
^ Jew “mill-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “għoġol.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”
^ Jew “iġegħlukom tagħmlu prostituzzjoni spiritwali.”