Numri 12:1-16

  • Mirjam u Aron jopponu lil Mosè (1-3)

    • Mosè l-iktar ġwejjed mill-bnedmin (3)

  • Ġeħova jiddefendi lil Mosè (4-8)

  • Mirjam joħorġilha l-ġdiem (9-16)

12  Issa Mirjam u Aron bdew jitkellmu kontra Mosè minħabba l-mara Kusija li kien iżżewweġ.  Bdew jgħidu: “Jaqaw Ġeħova tkellem permezz taʼ Mosè biss? Mhux permezz tagħna wkoll tkellem?” U Ġeħova kien qed jismaʼ kollox.  Mosè kien l-iktar raġel ġwejjed mill-bnedmin kollha* fuq wiċċ l-art.  Ġeħova qal minnufih lil Mosè, lil Aron, u lil Mirjam: “Oħorġu lejn it-tinda tal-laqgħa, it-tlieta li intom.” Għalhekk, it-tlieta li huma ħarġu.  U Ġeħova niżel fil-kolonna tas-sħab, qagħad fid-daħla tat-tinda, u għajjat lil Aron u lil Mirjam. U t-tnejn li huma resqu ’l quddiem.  Ġeħova mbagħad qal: “Isimgħu kliemi, jekk jogħġobkom. Kieku kien hemm xi profeta tiegħi fostkom, kont nurih min jien f’viżjoni u kont inkellmu f’ħolma.  Imma jien m’għamiltx hekk mal-qaddej tiegħi Mosè! Hu qed jiġi fdat bil-poplu tiegħi.*  Wiċċ imb wiċċ inkellmu, b’mod ċar u mhux b’xi ħaġa moħġaġa. Hu jara d-dehra tiegħi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Allura, għala ma bżajtux titkellmu kontra Mosè, il-qaddej tiegħi?”  Għalhekk, Ġeħova kien irrabjat magħhom, u telaq minn quddiemhom. 10  Is-sħaba telqet minn fuq it-tinda, u Mirjam ħarġilha l-ġdiem abjad daqs is-silġ. Imbagħad, Aron dar lejn Mirjam u ra li kellha l-ġdiem. 11  Fil-pront, Aron qal lil Mosè: “Nitolbok sidi! Jekk jogħġbok, tħalliniex niġu kkastigati għal dan id-dnub li għamilna! Aġixxejna bi bluha. 12  Jekk jogħġbok, tħallihiex tibqaʼ bħal tarbija li twieldet mejta b’ġisimha nofsu mikul!” 13  U Mosè beda jgħajjat lil Ġeħova għall-għajnuna u jgħidlu: “Alla tiegħi, jekk jogħġbok fejjaqha! Jekk jogħġbok!” 14  Ġeħova wieġeb lil Mosè: “Kieku missierha kellu jobżqilha f’wiċċha, ma kinitx hi tiġi umiljata għal sebat ijiem? Ħa tinżamm kwarantina għal sebat ijiem ’il barra mill-kampijiet, u mbagħad tkun tistaʼ tiġi milqugħa lura.” 15  Għalhekk, Mirjam inżammet kwarantina għal sebat ijiem ’il barra mill-kampijiet, u l-poplu ma telaqx qabel ma ġiet milqugħa lura. 16  Imbagħad il-poplu telaq minn Ħaserot u beda jikkampja fid-deżert tal-Faran.

Noti taʼ taħt

Jew “kien vera umli, ħafna iktar minn kull bniedem ieħor.”
Letteralment “F’dari kollha, hu qed juri li hu leali.”