Numri 10:1-36

  • It-trumbetti tal-fidda (1-10)

  • Jitilqu mis-Sinaj (11-13)

  • L-ordni ta’ kif jitilqu (14-28)

  • Ħobab jintalab jiggwida lil Iżrael (29-34)

  • It-talba taʼ Mosè meta jżarmaw il-kampijiet biex jitilqu (35, 36)

10  Ġeħova mbagħad qal lil Mosè:  “Agħmel żewġ trumbetti tal-fidda maħdumin bil-martell, u użahom biex tiġbor lill-ġemgħa u biex turi li jridu jżarmaw il-kampijiet biex jitilqu.  Meta jindaqqu t-tnejn, il-ġemgħa kollha trid tinġabar ħdejk fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.  Jekk tindaqq waħda biss, iridu jinġabru ħdejk il-kapijiet biss, jiġifieri l-kapijiet tal-eluf t’Iżrael.  “Meta intom iddoqqu ħsejjes differenti bit-trumbetta, dawk ikkampjati lejn il-Lvant iridu jitilqu.  Meta ddoqqu ħsejjes differenti t-tieni darba, dawk ikkampjati lejn in-Nofsinhar iridu jitilqu. Għandhom idoqqu t-trumbetta b’dan il-mod kull darba li tkun se titlaq waħda mit-taqsimiet.  “Issa meta tiġbru l-ġemgħa, iddoqqux it-trumbetti bi ħsejjes differenti bħal meta jkun il-ħin li titilqu.  It-tfal t’Aron, il-qassisin, għandhom idoqqu t-trumbetti, u jintużaw bħala liġi għalikom għal żmien twil matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.  “Jekk tiggwerraw f’artkom kontra għadu li jkun qed jaħqarkom, tridu ddoqqu l-ħoss għall-gwerra bit-trumbetti, u Ġeħova l-Alla tagħkom jiftakar fikom u jsalvakom mill-għedewwa tagħkom. 10  “Ukoll, f’okkażjonijiet taʼ ferħ, fil-festi, u fil-bidu tax-xhur tagħkom, tridu ddoqqu t-trumbetti meta toffru l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi. Dawn ikunu bħala tifkira għalikom quddiem l-Alla tagħkom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.” 11  Issa fl-20 tat-tieni xahar, fit-tieni sena, is-sħaba għoliet minn fuq it-tabernaklu tat-Testimonjanza. 12  Għalhekk, l-Iżraelin bdew jitilqu mid-deżert tas-Sinaj skont il-mod stabbilit għat-tluq tagħhom, u s-sħaba waqfet fid-deżert tal-Faran. 13  Din kienet l-ewwel darba li telqu skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè. 14  Għalhekk, it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Ġuda telqet l-ewwel skont il-gruppi tagħhom.* Naħson bin Għamminadab kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 15  Netanel bin Sugħar kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Issakar. 16  Eljab bin Ħelon kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Żebulun. 17  Wara li ġie żarmat it-tabernaklu, telqu t-tfal taʼ Gerson u taʼ Merari, li kienu jġorru t-tabernaklu. 18  Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Ruben telqet skont il-gruppi tagħhom.* Elisur bin Sedewr kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 19  Selumjel bin Surisaddaj kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Simegħon. 20  Eljasaf bin Degħwel kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Gad. 21  Imbagħad telqu l-Keħatin, dawk li kienu jġorru l-affarijiet tas-santwarju. It-tabernaklu kellu jkun armat sakemm jaslu huma. 22  Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal t’Efrajm telqet skont il-gruppi tagħhom.* Elisama bin Għammiħud kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 23  Gamaljel bin Pedaħsur kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Manasse. 24  Abidan bin Gidegħoni kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Benjamin. 25  Imbagħad it-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet tat-tfal taʼ Dan telqet skont il-gruppi tagħhom.* Din kienet timxi wara l-kampijiet kollha biex tipproteġihom. Aħigħeżer bin Għammisaddaj kien jieħu ħsieb dawn il-kampijiet. 26  Paggħijel bin Għokran kien jieħu ħsieb it-tribù t’Aser. 27  Aħira bin Għenan kien jieħu ħsieb it-tribù taʼ Naftali. 28  Dan kien il-mod taʼ kif jitilqu l-Iżraelin skont il-gruppi tagħhom.* 29  Imbagħad Mosè qal lil Ħobab, bin il-kunjatu tiegħu Regħwel* il-Midjani: “Aħna se nitilqu lejn il-post li Ġeħova qal li se jagħtina. Ejja magħna, u nittrattawk tajjeb, għaliex Ġeħova wiegħed affarijiet tajbin lil Iżrael.” 30  Imma hu qallu: “Mhux se niġi. Se mmur lura lejn pajjiżi u għand qrabati.” 31  U Mosè qallu: “Jekk jogħġbok, titlaqniex, għax int taf fejn għandna nikkampjaw fid-deżert, u tistaʼ tkun bħala gwida* għalina. 32  U jekk tiġi magħna, kwalunkwe barka li nirċievu mingħand Ġeħova, int ukoll tibbenefika minnha.” 33  Għalhekk, telqu minn ħdejn il-muntanja taʼ Ġeħova għal vjaġġ taʼ tlett ijiem, u matul it-tlett ijiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova kienet qed tinġarr quddiemhom biex ifittxu post taʼ mistrieħ. 34  U s-sħaba taʼ Ġeħova kienet fuqhom matul il-jum meta telqu minn fejn kienu kkampjati. 35  Kull darba li kienet titmexxa l-Arka, Mosè kien jgħid: “Jekk jogħġbok Ġeħova, agħmel xi ħaġa. Ħa jitferrxu l-għedewwa tiegħek u ħa jaħarbu minn quddiemek dawk li jobogħduk.” 36  U meta kienet tieqaf, kien jgħid: “Ġeħova, jalla tkun mal-eluf kbar* t’Iżrael.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “skont l-armati tagħhom.”
Letteralment “skont l-armati tagħhom.”
Letteralment “skont l-armati tagħhom.”
Letteralment “skont l-armati tagħhom.”
Letteralment “skont l-armati tagħhom.”
Jiġifieri Ġetro.
Jew “għajnejn.”
Jew “mal-għaxriet t’eluf.”