Ittra lil-Lhud 11:1-40

  • Xi tfisser il-fidi (1, 2)

  • Eżempji taʼ wħud li wrew fidi (3-40)

    • Ma jistax ikun li nogħġbu lil Alla jekk ma jkollniex fidi (6)

11  Il-fidi tfisser li nkunu ċerti li dak li nittamaw għalih se jiġri. Il-fidi hi l-evidenza konvinċenti* li l-affarijiet li ma jidhrux jeżistu. 2  Għax peress li n-nies tal-qedem* kellhom din il-fidi, Alla wera li kien kuntent bihom. 3  Bil-fidi nifhmu li l-affarijiet fis-sema u fuq l-art* tpoġġew fl-ordni bil-kelma t’Alla, għalhekk dak li jidher beda jeżisti mill-affarijiet li ma jidhrux. 4  Bil-fidi, Abel offra sagrifiċċju lil Alla aħjar minn dak taʼ Kajjin, u permezz ta’ din il-fidi hu ngħata xhieda li kien ġust, għax Alla aċċetta r-rigali* tiegħu. Għalkemm miet, nistgħu nkomplu nitgħallmu mill-fidi tiegħu. 5  Bil-fidi, Enok ittieħed biex ma jbatix meta jmut, u ma setaʼ jinstab imkien għax Alla kien ħadu;* imma qabel ġara hekk, hu ngħata xhieda li kien għoġob sew lil Alla. 6  Iktar minn hekk, ma jistax ikun li nogħġbu lil Alla sew jekk ma jkollniex fidi, għax kull min jersaq lejn Alla għandu jemmen li jeżisti u li jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa. 7  Bil-fidi, Noè wera li jirrispetta ħafna lil* Alla u bena arka biex isalva lill-familja tiegħu meta ġie mwissi minn qabel dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux. Permezz taʼ din il-fidi, hu kkundanna d-dinja, u hu ġie ddikjarat ġust għax kellu l-fidi. 8  Bil-fidi, Abraham obda meta ntalab biex imur f’post li kien se jirċievi bħala wirt, avolja ma kienx jaf fejn kien sejjer. 9  Bil-fidi għex bħala barrani fl-art li ġie mwiegħed. Hu għex fit-tined maʼ Iżakk u Ġakobb, li anki lilhom Alla kien wiegħed li se jagħtihom din l-art. 10  Għax Abraham kien qed jistenna l-belt mibnija fis-sod, li ddisinjaha u bnieha* Alla. 11  Bil-fidi anki Sara rċiviet il-qawwa biex toħroġ tqila,* saħansitra meta għadda ż-żmien li setaʼ jkollha t-tfal, għax hi emmnet li dak li għamlilha l-wegħda kien leali.* 12  Minħabba f’hekk, minn Abraham, raġel wieħed li deher li ma setax ikollu iktar tfal,* twieldu tfal daqs l-istilel fis-sema u li ma jingħaddux daqs ir-ramel f’xatt il-baħar. 13  Huma kollha baqgħu leali sal-mewt, għalkemm ma ngħatawx dak li ġie mwiegħed lilhom. Minkejja li dawn il-wegħdi kienu se jitwettqu fil-futur, għalihom kienu qishom diġà rawhom u ferħu bihom, u qalu pubblikament li huma kienu barranin u residenti temporanji fejn kienu qed jgħixu. 14  Għax dawk kollha li jitkellmu b’dan il-mod juru li qed ifittxu bil-ħeġġa li jkollhom post tagħhom. 15  Imma kieku baqgħu jaħsbu dwar il-post li telqu minnu, kien ikollhom opportunità jerġgħu jmorru. 16  Imma huma qed jirsistu għal post aħjar, jiġifieri wieħed tas-sema. Għalhekk, Alla ma jistħix jgħid li hu l-Alla tagħhom, għax hu pprepara għalihom belt. 17  Bil-fidi, Abraham daqslikieku offra lil Iżakk meta Alla ttestjah. Iva, ir-raġel li aċċetta bil-ferħ il-wegħda pprova joffri lill-uniku tifel tiegħu, 18  għalkemm kien intqallu: “Id-dixxendenti tiegħek* se jiġu minn Iżakk.” 19  Hu kien jemmen li Alla setaʼ jqajmu mill-mewt, u għalhekk hu kien qisu rċivieh lura mill-mewt. Dan wera x’kien se jiġri fil-futur. 20  Bil-fidi, Iżakk bierek lil Ġakobb u lil Għesaw u qalilhom x’kien se jiġri fil-futur. 21  Bil-fidi, Ġakobb bierek iż-żewġt itfal taʼ Ġużeppi u qiem lil Alla waqt li straħ mal-bastun tiegħu meta kien wasal biex imut. 22  Bil-fidi, Ġużeppi tkellem dwar li l-Iżraelin se joħorġu mill-Eġittu u ta kmand biex jieħdu l-għadam tiegħu minn hemm.* Hu għamel dan meta kien qed imut. 23  Bil-fidi, il-ġenituri taʼ Mosè ħbewh għal tliet xhur wara li twieled, għax raw li kien tifel gustuż u ma beżgħux mill-kmand tar-re. 24  Bil-fidi, Mosè meta kiber irrifjuta li jissejjaħ it-tifel tat-tifla tal-Fargħun 25  u għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok igawdi l-pjaċiri temporanji tad-dnub. 26  Għamel dan għax ikkunsidra t-tmaqdir li bata bħala l-wieħed magħżul minn Alla* ħafna iktar taʼ valur mit-teżori tal-Eġittu, peress li stenna b’qalbu kollha li jirċievi l-wegħda. 27  Bil-fidi, hu ma beżax mir-rabja tar-re u telaq mill-Eġittu, għax baqaʼ jżomm fidi soda bħallikieku qed jara lill-Wieħed li ma jidhirx. 28  Bil-fidi ċċelebra l-Qbiż u raxxax id-demm mal-koxox tal-bieb, biex l-anġlu t’Alla ma joqtolx lill-ewwel imwieled tagħhom. 29  Bil-fidi, l-Iżraelin għaddew mill-Baħar l-Aħmar bħallikieku kienu għaddejjin fuq art niexfa, imma meta pprovaw jgħaddu l-Eġizzjani, għerqu. 30  Bil-fidi, l-Iżraelin immarċjaw madwar is-swar taʼ Ġeriko għal sebat ijiem, imbagħad is-swar waqgħu. 31  Bil-fidi, Raħab il-prostituta ma nqerditx maʼ dawk li m’obdewx lil Alla, għax laqgħet lill-ispiji bil-paċi. 32  Hemm bżonn nagħti iżjed eżempji? Lanqas ikolli biżżejjed ħin kieku kelli nirrakkonta dwar Gidegħon, Barak, Sansun, Ġefta, David, Samwel, u l-profeti l-oħrajn. 33  Permezz tal-fidi rebħu lir-rejiet, ġabu l-ġustizzja, għamlulhom wegħdi, għalqu ħalq l-iljuni, 34  il-qawwa tan-nar m’għamlitilhom xejn, ħelsuha milli jinqatlu bix-xabla, minn dgħajfin saru b’saħħithom, ma beżgħux jiġġieldu fil-gwerer, u ħarbtu l-armati li attakkawhom. 35  Il-maħbubin mejtin taʼ xi nisa ġew irxoxtati, imma rġiel oħra ġew ittorturati għax ma għamlux kompromess biex jinħelsu, ħalli jkollhom ħajja aħjar wara l-irxoxt tagħhom. 36  Iva, oħrajn ġew ipprovati billi ġew imwaqqgħin għaċ-ċajt u msawtin, anzi iktar minn hekk, ġew marbutin bil-ktajjen u mitfugħin il-ħabs. 37  Waddbulhom il-ġebel biex joqtluhom, għaddewhom minn prova, qasmuhom fi tnejn, qatluhom bix-xabla, u kienu jilbsu l-ġlud tan-nagħaġ u l-mogħoż. Huma kienu fil-bżonn, għaddejjin mit-tbatija, u ttrattati ħażin. 38  Id-dinja ma kienx ħaqqha li jkollha nies bħal dawn. Huma għexu fid-deżert, fil-muntanji, fl-għerien, u fil-ħofor fl-art. 39  Imma dawn kollha, għalkemm Alla wriehom li kien kuntent bihom minħabba l-fidi tagħhom, ma ħadux dak li ġie mwiegħed lilhom, 40  għax Alla kellu f’moħħu li l-ewwel jagħti xi ħaġa aħjar lilna, u b’hekk ma jkunux mingħajr dnub qabilna.

Noti taʼ taħt

Jew “it-turija evidenti.”
Jew “l-antenati tagħna.”
Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ta xhieda li kien kuntent bir-rigali.”
Letteralment “ittrasferieh.” Dan jirreferi għal kif Enok miet. Hu possibbli li Alla ħadu u ħallieh imut fil-paċi minflok ma jinqatel mill-għedewwa tiegħu.
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Jew “il-perit u l-bennej tagħha hu.”
Jew “tqila b’dixxendent.”
Jew “taʼ min jafdah.”
Letteralment “li deher diġà mejjet.”
Jew “Nislek; Dawk li se jiġu minnek.”
Jew “ta istruzzjonijiet dwar id-difna tiegħu.”
Letteralment “bħala l-Kristu.”