Levitiku 9:1-24

  • Aron jagħmel l-offerti (1-24)

9  Fit-tmien jum, Mosè għajjat lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-anzjani* t’Iżrael.  Hu qal lil Aron: “Ħu għalik barri żgħir* bħala offerta għad-dnub u muntun bħala offerta tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u ppreżentahom quddiem Ġeħova.  Imma lill-Iżraelin għidilhom: ‘Ħudu bodbod bħala offerta għad-dnub, barri żgħir* u muntun żgħir, kull wieħed taʼ sena u bla difett, bħala offerta tal-ħruq,  u barri u muntun għas-sagrifiċċji tal-paċi, biex toffruhom bħala sagrifiċċju quddiem Ġeħova. Ħudu wkoll offerta taċ-ċereali* mħallta biż-żejt, għaliex illum Ġeħova se jidher lilkom.’”  Għalhekk, ħadu quddiem it-tinda tal-laqgħa dak li kien ikkmanda Mosè. Imbagħad il-ġemgħa kollha resqet qrib u qagħdet quddiem Ġeħova.  U Mosè qal: “Dan ikkmandakom tagħmlu Ġeħova, sabiex taraw il-glorja taʼ Ġeħova.”  Imbagħad Mosè qal lil Aron: “Mur ħdejn l-artal u ppreżenta l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq tiegħek, u agħmel tpattija għalik u għal familtek.* Wara, ippreżenta l-offerta tan-nies u agħmel tpattija għalihom, bħalma kkmanda Ġeħova.”  Aron minnufih mar ħdejn l-artal u qatel il-barri żgħir* tal-offerta għad-dnub li kienet għalih.  Imbagħad it-tfal t’Aron ippreżentawlu d-demm u hu bell sebgħu fid-demm u poġġieh fuq il-qrun tal-artal, u l-bqija tad-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal. 10  Hu ħaraq fuq l-artal ix-xaħam u l-kliewi u x-xaħam tal-fwied mill-offerta għad-dnub, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 11  U l-laħam u l-ġilda ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet. 12  Imbagħad Aron qatel l-offerta tal-ħruq, u t-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal. 13  Huma newlulu l-biċċiet tal-offerta tal-ħruq u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal. 14  Barra minn hekk, ħasel l-imsaren u s-saqajn* u ħaraqhom fuq l-offerta tal-ħruq taʼ fuq l-artal. 15  Imbagħad hu ppreżenta l-offerta tan-nies u ħa l-bodbod tal-offerta għad-dnub li kien għalihom u qatlu u għamel offerta għad-dnub bih bħalma għamel bl-ewwel wieħed. 16  Hu ppreżenta l-offerta tal-ħruq u offrieha skont il-proċedura tas-soltu. 17  Imbagħad hu ppreżenta l-offerta taċ-ċereali u mela idu bi ftit minnha u ħarqu fuq l-artal, flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu. 18  Wara, Aron qatel il-barri u l-muntun tas-sagrifiċċju tal-paċi li kien għan-nies. Imbagħad it-tfal tiegħu newlulu d-demm u hu raxxu fuq kull naħa tal-artal. 19  Dwar il-biċċiet tax-xaħam tal-barri, id-denb imxaħħam tal-muntun, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, il-kliewi, u x-xaħam tal-fwied, 20  huma poġġew dawn il-biċċiet kollha tax-xaħam fuq l-isdra, u mbagħad hu ħaraq il-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal. 21  Imma l-isdra u s-sieq il-leminija, Aron xejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmanda Mosè. 22  Imbagħad Aron għolla jdejh lejn in-nies u berikhom u niżel minn ħdejn l-artal wara li offra l-offerta għad-dnub, l-offerta tal-ħruq, u s-sagrifiċċji tal-paċi. 23  Fl-aħħar, Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa, imbagħad ħarġu u bierku lin-nies. Issa l-glorja taʼ Ġeħova dehret lin-nies kollha, 24  u Ġeħova bagħat nar u beda jaħraq l-offerta tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam fuq l-artal. Meta n-nies kollha raw dan, bdew jgħajtu u nxteħtu wiċċhom fl-art.

Noti taʼ taħt

Jew “għoġol.”
Jew “għoġol.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “għat-tribù tiegħek.”
Jew “l-għoġol.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.