Levitiku 13:1-59
13 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:
2 “Jekk xi ħadd ikollu nefħa, qoxra, jew tebgħa fil-ġilda tiegħu u din tistaʼ ssir il-marda tal-ġdiem* fil-ġilda tiegħu, irid jinġieb għand Aron il-qassis jew għand wieħed mit-tfal tiegħu l-qassisin.
3 Il-qassis jeżamina l-infezzjoni fil-ġilda. Meta s-suf jew ix-xagħar fl-infezzjoni jibjad u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, din tkun il-marda tal-ġdiem. Il-qassis jeżaminaha u jiddikjarah mhux nadif.
4 Imma jekk it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u s-suf jew ix-xagħar ma jkunx bjad, il-qassis iżomm kwarantina għal sebat ijiem lil dak li għandu l-infezzjoni.
5 Imbagħad il-qassis jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk ikun jidher li l-infezzjoni baqgħet kif kienet u ma nfirxitx fil-ġilda, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem oħra.
6 “Il-qassis għandu jerġaʼ jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk l-infezzjoni tkun iċċarat u ma tkunx infirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah nadif; din kienet biss qoxra. L-individwu mbagħad jaħsel ħwejġu u jkun nadif.
7 Imma jekk il-qoxra* tkun infirxet fil-ġilda wara li jkun deher quddiem il-qassis biex jiddikjarah nadif, jerġaʼ jidher* quddiem il-qassis.
8 Il-qassis jeżaminaha, u jekk il-qoxra tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis imbagħad jiddikjarah mhux nadif. Dan ikun ġdiem.
9 “Jekk xi ħadd toħroġlu l-marda tal-ġdiem irid jinġieb għand il-qassis,
10 u l-qassis jeżaminah. Jekk ikun hemm nefħa bajda fil-ġilda u s-suf jew ix-xagħar jibjad minħabba fiha u jkun hemm ferita fin-nefħa,
11 dan ikun ġdiem kroniku fil-ġilda tiegħu, u l-qassis jiddikjarah mhux nadif. M’għandux iżommu kwarantina, għax mhuwiex nadif.
12 Issa jekk il-ġdiem jinfirex mal-ġilda kollha u l-ġdiem jiksi l-ġilda tal-marid minn rasu sa saqajh, sa fejn jistaʼ jara l-qassis,
13 u l-qassis ikun eżaminah u jara li l-ġdiem ksielu l-ġilda kollha, imbagħad jiddikjara li l-marda tar-raġel ma titteħidx.* Kollha bjadet, u hu jkun nadif.
14 Imma meta tidher ferita fiha, hu ma jkunx nadif.
15 Meta l-qassis jara l-ferita, hu jiddikjarah mhux nadif. Il-ferita mhix nadifa. Din tkun ġdiem.
16 Imma jekk il-ferita terġaʼ tibjad, hu jmur għand il-qassis.
17 Il-qassis jeżaminah, u jekk l-infezzjoni tkun saret bajda, il-qassis jiddikjara lir-raġel infettat nadif. Hu jkun nadif.
18 “Jekk xi ħadd joħroġlu xi musmar fil-ġilda tiegħu u jfiqlu,
19 imma minflok il-musmar titlagħlu nefħa bajda jew tebgħa bajda ħamranija, hu jrid jidher quddiem il-qassis.
20 Il-qassis jeżaminaha, u jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u s-suf taʼ ġo fiha jkun bjad, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din tkun il-marda tal-ġdiem li tkun ħarġet fil-musmar.
21 Imma jekk il-qassis jeżaminaha u jara li m’hemmx suf abjad fiha u mhijiex iktar fonda mill-ġilda u tidher ċara, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem.
22 U jekk ikun jidher ovvju li nfirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din tkun marda.
23 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet u ma tkunx infirxet, din tkun biss infjammazzjoni tal-musmar, u l-qassis jiddikjarah nadif.
24 “Jew jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar u l-laħam misluħ tal-ħarqa jsir tebgħa bajda ħamranija jew bajda,
25 il-qassis jeżaminaha. Jekk is-suf fit-tebgħa jkun sar abjad u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, dan ikun ġdiem li jkun ħareġ fil-ferita li tkun saret bin-nar, u l-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem.
26 Imma jekk il-qassis jeżaminaha u jara li ma jkunx hemm xagħar abjad fit-tebgħa u li din ma tkunx iktar fonda mill-ġilda u tkun ċara, il-qassis iżommu kwarantina għal sebat ijiem.
27 Il-qassis jeżaminah fis-sebaʼ jum, u jekk ikun jidher ovvju li nfirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem.
28 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet u ma tkunx infirxet fil-ġilda u tkun ċara, tkun biss nefħa tal-ħarqa bin-nar, u l-qassis jiddikjarah nadif, għaliex tkun infjammazzjoni tal-ħarqa.
29 “Meta xi ħadd, raġel jew mara, ikollu infezzjoni f’rasu jew f’geddumu,
30 il-qassis jeżamina l-infezzjoni. Jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u x-xagħar* ikun isfar u rqiq, il-qassis jiddikjarah mhux nadif. Hi infezzjoni fil-qorriegħa jew fid-daqna. Dan ikun ġdiem fir-ras jew fil-geddum.
31 Imma jekk il-qassis jara li l-infezzjoni ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis irid iżomm kwarantina għal sebat ijiem lil dak infettat.
32 Il-qassis irid jeżamina l-infezzjoni fis-sebaʼ jum, u jekk ma tkunx infirxet u ma jkunx ħareġ xagħar isfar fiha u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda,
33 dak li għandu l-infezzjoni jrid iqaxxar xagħru u d-daqna, imma ma jqaxxarx il-parti infettata. Imbagħad il-qassis irid iżommu kwarantina għal sebat ijiem.
34 “Il-qassis jerġaʼ jeżamina l-parti infettata fis-sebaʼ jum, u jekk l-infezzjoni fil-qorriegħa u fid-daqna ma tkunx infirxet fil-ġilda u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah nadif, u hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif.
35 Imma jekk ikun jidher ċar li l-infezzjoni nfirxet fil-ġilda wara li jkun ġie ddikjarat nadif,
36 il-qassis jeżaminah, u jekk l-infezzjoni tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis ma jkollux għalfejn jara jekk hemmx xagħar isfar għax ma jkunx nadif.
37 Imma jekk wara li jeżaminah jara li l-infezzjoni ma tkunx infirxet u jkun kiber xagħar iswed fiha, l-infezzjoni tkun fieqet. Hu jkun nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif.
38 “Jekk xi ħadd, raġel jew mara, ikollu tbajjaʼ fil-ġilda u dawn ikunu bojod,
39 il-qassis irid jeżaminahom. Jekk it-tbajjaʼ fil-ġilda jkunu bojod ċari, dan ma jkunx raxx li jagħmel il-ħsara. L-individwu jkun nadif.
40 “Jekk raġel jaqagħlu xagħru u jsir qargħi, hu jkun nadif.
41 Jekk jaqagħlu xagħru min-naħa taʼ quddiem u jitfartas minn hemm, hu jkun nadif.
42 Imma jekk toħroġ ferita bajda ħamranija fuq il-parti bla xagħar tal-qorriegħa jew fuq il-parti taʼ quddiem taʼ rasu, dan ikun ġdiem li ħareġ fil-qorriegħa tiegħu jew fil-parti taʼ quddiem taʼ rasu.
43 Il-qassis jeżaminah, u jekk in-nefħa mill-infezzjoni tkun bajda ħamranija fil-parti bla xagħar tal-qorriegħa tiegħu jew tal-parti taʼ quddiem taʼ rasu u tidher bħall-ġdiem fil-ġilda,
44 hu jkollu l-ġdiem. Ma jkunx nadif, u l-qassis għandu jiddikjarah mhux nadif minħabba l-marda fuq rasu.
45 Fil-każ taʼ dak li għandu l-marda tal-ġdiem, irid jilbes ħwejjeġ imqattgħin u xagħru għandu jkun imħabbel u għandu jgħatti l-mustaċċi u jgħajjat, ‘Mhux nadif, mhux nadif!’
46 Sakemm ikollu din il-marda hu ma jkunx nadif. Peress li mhux nadif għandu jgħix maqtugħ minn kulħadd. Il-post fejn jgħix ikun ’il barra mill-kampijiet.
47 “Jekk il-marda tal-ġdiem tikkontamina libsa, sew jekk tkun libsa tas-suf jew tal-għażel,
48 sew fid-drapp minsuġ* tal-għażel jew tas-suf, sew f’xi materjal tal-ġilda jew f’xi ħaġa magħmula mill-ġilda,
49 u t-tebgħa tal-marda ħadra safranija jew ħamranija tikkontamina l-libsa, il-materjal tal-ġilda, id-drapp minsuġ, jew kwalunkwe ħaġa magħmula mill-ġilda, din tkun ikkontaminata bil-ġdiem, u trid tintwera lill-qassis.
50 Il-qassis jeżamina l-marda, u jrid iżomm kwarantina l-ħaġa li jkollha l-marda fuqha għal sebat ijiem.
51 Meta jeżamina l-marda fis-sebaʼ jum u jara li nfirxet fil-libsa, fid-drapp minsuġ, jew fil-materjal tal-ġilda (ikun xi jkun l-użu tal-ġilda), il-marda tkun ġdiem bla fejqan, u l-ħaġa ma tkunx nadifa.
52 Hu jrid jaħraq il-libsa jew id-drapp minsuġ tas-suf jew tal-għażel, jew kull ħaġa tal-ġilda li fiha toħroġ il-marda, għaliex dan ikun ġdiem bla fejqan. Il-ħaġa għandha tinħaraq fin-nar.
53 “Imma jekk il-qassis jeżaminaha u l-marda ma tkunx infirxet fil-libsa jew fid-drapp minsuġ jew f’xi ħaġa tal-ġilda,
54 il-qassis jikkmanda li għandhom jaħslu l-ħaġa kkontaminata, u jżommha kwarantina għal sebat ijiem oħra.
55 Il-qassis jeżamina l-ħaġa kkontaminata wara li tkun ġiet maħsula sew. Jekk il-kontaminazzjoni baqgħet tidher l-istess, anki jekk il-marda ma tkunx infirxet, din ma tkunx nadifa. Għandek taħraqha fin-nar għax din tkun therriet, sew jekk minn ġewwa jew minn barra.
56 “Imma jekk il-qassis eżaminaha u l-parti kkontaminata tkun iċċarat wara li ġiet maħsula sew, imbagħad hu jaqtagħha mil-libsa jew mill-ġilda jew mid-drapp minsuġ.
57 Madankollu, jekk tkun għadha tidher f’parti oħra tal-libsa jew fid-drapp minsuġ jew f’xi ħaġa tal-ġilda, mela tkun qed tinfirex, u għalhekk għandek taħraq kwalunkwe ħaġa kkontaminata.
58 Imma meta l-kontaminazzjoni titlaq għalkollox mil-libsa jew mid-drapp minsuġ jew minn xi ħaġa tal-ġilda li taħsel, il-ħaġa għandha tiġi maħsula għat-tieni darba, u tkun nadifa.
59 “Din hi l-liġi dwar il-marda tal-ġdiem f’libsa tas-suf jew tal-għażel, jew fid-drapp minsuġ, jew f’xi ħaġa tal-ġilda, sabiex tiġi ddikjarata nadifa jew mhix nadifa.”
Noti taʼ taħt
^ Il-kelma Ebrajka tradotta “ġdiem” għandha diversi tifsiriet u tistaʼ tinkludi diversi mard tal-ġilda li jittieħed. Tistaʼ tinkludi wkoll ċerti infezzjonijiet fil-ħwejjeġ u fid-djar.
^ Jew “l-infezzjoni.”
^ Jew “jidher għat-tieni darba.”
^ Jew “jiddikjara lir-raġel infettat nadif.”
^ Jew “id-daqna.”
^ Letteralment “fil-ħjut mimdudin u weqfin taʼ biċċa drapp.”