Lill-Kolossin 2:1-23

  • Is-sigriet qaddis t’Alla hu Kristu (1-5)

  • Oqogħdu attenti minn dawk li jqarrqu (6-15)

  • L-affarijiet li għandhom jiġu se jitwettqu permezz tal-Kristu (16-23)

2  Għax irridkom tirrealizzaw kemm qed naħdem iebes biex ngħin lilkom, lil dawk f’Laodiċija, u lil dawk li ma rawnix personalment.  Dan għamiltu biex ikunu inkuraġġiti, ikunu magħqudin flimkien bl-imħabba, u jkollhom il-barkiet kollha li jiġu minn fehma ċara u eżatta. B’hekk, ikollhom għarfien eżatt dwar is-sigriet qaddis t’Alla, jiġifieri Kristu.  Permezz tiegħu, aħna nistgħu naraw l-għerf u l-għarfien kollu t’Alla li huma moħbijin bħal teżor.  Qed ngħid hekk biex ħadd ma jidħaq bikom b’argumenti konvinċenti.  Għalkemm m’iniex magħkom b’mod fiżiku, jien qiegħed magħkom fil-ħsieb,* u nifraħ meta nara kemm qed timxu bl-ordni u kemm għandkom fidi soda fi Kristu.  Għalhekk, peress li għandkom fidi fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, għandkom tibqgħu tgħixu bħalu.  Bħalma tgħallimtu, il-fidi tagħkom fi Kristu għandu jkollha l-għeruq fil-fond, mibnija fuqu, u soda. Ukoll, għandkom dejjem tirringrazzjaw lil Alla.  Oqogħdu attenti li ħadd ma jaqbadkom f’nassa* bil-filosofiji u r-raġunar falz tiegħu, li huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet u l-mentalità tad-dinja u mhux fuq it-tagħlim taʼ Kristu;  għax hu għandu l-kwalitajiet kollha t’Alla. 10  Għalhekk, ma jonqoskom xejn permezz tiegħu, għax hu l-kap taʼ kull gvern u awtorità. 11  Permezz tal-ħbiberija tagħkom miegħu, intom ma ġejtux ċirkonċiżi minn xi ħadd, imma għamiltu dan billi nżajtu l-ġisem midneb, għax dan hu l-mod taʼ kif il-qaddejja taʼ Kristu jiġu ċirkonċiżi. 12  Għax intom kontu midfunin miegħu peress li tgħammidtu bħalu. U minħabba l-ħbiberija tagħkom miegħu, ġejtu mqajmin permezz tal-fidi tagħkom bil-qawwa t’Alla li qajmu mill-mewt. 13  Iktar minn hekk, għalkemm kontu bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħkom u minħabba li ma kontux ċirkonċiżi, Alla takom il-ħajja biex tkunu maʼ Kristu. Hu b’qalb tajba ħafrilna dnubietna kollha 14  u ħassar il-Liġi li kixfet li aħna midinbin.* Hu neħħieha min-nofs billi sammarha maz-zokk tat-tortura.* 15  Permezz taz-zokk tat-tortura,* hu għeleb il-gvernijiet u l-awtoritajiet. Hu ħadhom quddiem kulħadd biex juri li rebħilhom u li huma lsiera tiegħu. 16  Għalhekk, tħallu lil ħadd jgħidilkom x’għandkom tieklu u tixorbu jew li għandkom tiċċelebraw xi festa, il-qamar ġdid, jew li għandkom tistrieħu fis-sabat. 17  Dawn jirrappreżentaw l-affarijiet li għandhom jiġu, imma dawn l-affarijiet jitwettqu permezz tal-Kristu. 18  Oqogħdu attenti minn dawk li taparsi huma umli u li jqimu lill-anġli,* għax jistgħu jwaqqfukom milli tirċievu l-premju. Huma jinsistu fuq dak li jaraw u jiftaħru bil-ħsibijiet tagħhom li ma jiswew għal xejn. 19  Uħud bħal dawn ma jimxux wara l-kap, jiġifieri l-Kristu li jagħti lill-ġisem kollu dak li għandu bżonn, li jgħaqqad il-ġisem flimkien permezz tal-ġogi u l-ligamenti, u li permezz tiegħu Alla qed ikabbar il-ġisem. 20  Jekk intom mittu maʼ Kristu billi rrifjutajtu l-mentalità tad-dinja, allura għala qed tgħixu bħallikieku intom parti mid-dinja u għala għadkom tobdu kmandi bħal: 21  “Taqbadx, idduqx, u tmissx”? 22  Dawn il-kmandi li għallem il-bniedem jirreferu għall-affarijiet li jiġu fix-xejn meta jintużaw. 23  Dawn il-kmandi jidhru li jagħtu xi għerf, imma ma jgħinux in-nies biex jiġġieldu kontra x-xewqat tal-ġisem tagħhom. Dan jiġri għax in-nies jiddeċiedu għalihom infushom kif iqimu lil Alla. Huma jagħmlu ħsara lil ġisimhom għax iridu jidhru umli.

Noti taʼ taħt

Letteralment “fl-ispirtu.”
Jew “jaħtafkom taħt difrejh.”
Jew “li nagħmlu d-dnub.”
Jew forsi “Permezz taʼ Kristu.”
Jew “li jqimu bħalma jagħmlu l-anġli.”