Isaija 65:1-25

  • Il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra dawk li jqimu l-idoli (1-16)

    • L-alla tal-Fortuna u tad-Destin (11)

    • “Il-qaddejja tiegħi se jieklu” (13)

  • Sema ġdida u art ġdida (17-25)

    • Se jibnu djar u jħawlu għelieqi bid-dwieli (21)

    • Ħadd mhu se jitħabat għalxejn (23)

65  “Ħallejt lil dawk li ma staqsewx għalija jfittxuni;Ħallejt lil dawk li ma kinux qed ifittxuni jsibuni. Jien għedt, ‘Hawn jien, hawn jien!’ lil poplu li ma kienx qed isejjaħli b’ismi.  2  Jien ftaħt idejja l-ġurnata kollha għal poplu rasu iebsa,Għal dawk li jimxu fi triq ħażinaU jagħmlu dak li jaħsbu huma stess.  3  Poplu li l-ħin kollu joffendini f’wiċċi,Jagħmel sagrifiċċji fil-ġonna, u joffri d-duħħan tas-sagrifiċċji fuq il-briks.  4  Huma jpoġġu fiċ-ċimiterji,Jgħaddu l-lejl f’postijiet sigrieti,*Jieklu l-laħam tal-ħnieżer,U fir-reċipjenti tagħhom għandhom brodu b’affarijiet diżgustanti.*  5  Huma jgħidu, ‘Oqgħod għalik. Tersaqx lejja,Għax jien iktar qaddis minnek.’* Huma jkomplu jirrabjawni* bħan-nar li l-ħin kollu jaqbad.  6  Hu miktub quddiemi;M’iniex se noqgħod kwiet,Imma se nikkastigahom,Se nikkastigahom għal dak kollu li għamlu  7  U għall-iżbalji tagħhom u anki taʼ missirijiethom,” jgħid Ġeħova. “Talli offrew id-duħħan tas-sagrifiċċji fuq il-muntanjiU maqdruni fuq l-għoljiet,Jien se nibda billi nikkastigahom bis-sħiħ.”  8  Hekk jgħid Ġeħova: “Bħal meta jkun hemm għanqud għeneb li minnu tistaʼ tagħmel inbid ġdidU xi ħadd jgħid, ‘Teqirdux, għax hemm xi ħaġa tajba* fih,’ Hekk se nagħmel minħabba l-qaddejja tiegħi;M’iniex se neqridhom kollha.  9  Jien se nieħu tfal mill-poplu taʼ Ġakobb,U mill-poplu taʼ Ġuda se jkun hemm min jiret il-muntanji tiegħi;Se jieħdu l-art dawk li nagħżel jien,U l-qaddejja tiegħi jgħixu hemm. 10  Saron se ssir post fejn imorru jieklu n-nagħaġU l-Wied* t’Għakor se jsir post fejn jistrieħu l-baqar. Dan se nagħmlu għall-poplu tiegħi li qed ifittixni. 11  Imma intom qegħdin fost dawk li qed jabbandunaw lili, Ġeħova,Dawk li qed jinsew il-muntanja qaddisa tiegħi,Li qed jarmaw mejda għall-alla tal-Fortuna,U li qed jimlew it-tazzi bi nbid imħallat għall-alla tad-Destin. 12  Għalhekk, se nħallikom tinqatlu bix-xabla,U kollha kemm intom se tmilu biex tinqatlu,Għax jien għajjattilkom, imma ma wiġibtux,Tkellimt, imma ma tajtux kas. Intom bqajtu tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejja,U għażiltu dak li nobgħod.” 13  Għalhekk, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid: “Il-qaddejja tiegħi se jieklu, imma intom tkunu bil-ġuħ. Il-qaddejja tiegħi se jixorbu, imma intom tkunu bil-għatx. Il-qaddejja tiegħi se jifirħu, imma intom tiġu umiljati. 14  Il-qaddejja tiegħi se jifirħu ħafna minħabba l-ferħ li għandhom f’qalbhom,Imma intom se tibku minħabba l-uġigħ taʼ qalbkomU se tibku ħafna minħabba d-dwejjaq li għandkom. 15  Wara li tkunu tlaqtu, dawk li nagħżel jien se jużaw isimkom bħala saħta,U jien, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, se noqtol lil kull wieħed minnkom,Imma lill-qaddejja tiegħi se ngħajtilhom b’isem ieħor. 16  B’hekk, kull min qed ifittex biex jiġi mbierek fuq l-art,Jiġi mbierek minni, l-Alla tal-verità,*U kull min jaħlef fuq l-art,Se jaħlef bija, l-Alla tal-verità.* Għax it-tbatija* taʼ qabel se tintesa;Jien mhux se nibqaʼ naraha. 17  Jien qed nagħmel sema ġdida u art ġdida. In-nies mhux se jiftakru l-affarijiet taʼ qabel,U dawn mhux se jweġġgħulhom qalbhom. 18  Għalhekk, ifirħu u ibqgħu ferħanin għal dejjem b’dak li qed nagħmel. Intom tistgħu tkunu ferħanin minħabba dak li qed nagħmel għal ĠerusalemmU tistgħu tkunu ferħanin ħafna minħabba dak li qed nagħmel għan-nies tagħha. 19  Jien se nkun ferħan b’Ġerusalemm u nifraħ bil-poplu tiegħi. Fiha mhux se jinstemaʼ iktar biki jew għajjat taʼ dwejjaq.” 20  “Mhux se jkun hemm iktar trabi li jgħixu ftit jiem,Jew xiħ li ma jirnexxilux jgħix ħajtu kollha. Għax kull min imut taʼ 100 sena se jitqies bħallikieku għadu tifel,U midneb* se jmut minħabba li jiġi misħut, avolja jkollu 100 sena.* 21  Huma se jibnu djar u jgħixu fihom,Se jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu l-frott tagħhom. 22  Mhumiex se jibnu u joqgħod xi ħadd ieħor,U mhux se jħawlu biex jiekol ħaddieħor. Għax il-poplu tiegħi se jgħix daqs is-siġar,U l-magħżulin tiegħi se jgawdu dak li jagħmlu bis-sħiħ. 23  Huma mhux se jitħabtu għalxejn,Jew iġibu t-tfal biex jarawhom ibatu,Għax huma u dawk li jiġu minnhom,Huma poplu mberkin minni, Ġeħova. 24  Jien se nwiġibhom saħansitra qabel ma jgħajtuli;Se nismagħhom waqt li jkunu għadhom qed jitkellmu. 25  Il-lupu u l-ħaruf se jieklu flimkien,L-iljun se jiekol it-tiben bħall-barri,U s-serp se jiekol it-trab. Dawn mhu se jweġġgħu lil ħadd u mhu se jagħmlu ebda ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi,” jgħid Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Jew “fit-tined tal-għassiesa.”
Jew “imniġġsin.”
Jew forsi “inkella nagħtik il-qdusija tiegħi.”
Letteralment “Dan hu duħħan fit-toqob taʼ mnieħri.”
Letteralment “barka.”
Jew “il-Pjanura l-Baxxa.”
Jew “il-Mulej Sovran Ġeħova.”
Letteralment “tal-Ammen.” Jew “l-Alla leali.”
Letteralment “tal-Ammen.” Jew “l-Alla leali.”
Jew “l-inkwiet.”
Jew “dak li jagħmel id-dnub.”
Jew forsi “U l-wieħed li ma jgħixx 100 sena se jitqies misħut.”