Lill-Galatin 1:1-24

  • Introduzzjoni tal-ittra (1-5)

  • M’hemmx aħbar tajba oħra (6-9)

  • L-aħbar tajba li xandar Pawlu ġejja minn Alla (10-12)

  • Il-bidliet li għamel Pawlu u dak li għamel fl-ewwel ftit snin bħala Kristjan (13-24)

1  Jien, Pawlu, ġejt inkarigat appostlu mhux mill-bnedmin jew permezz taʼ xi bniedem, imma permezz taʼ Ġesù Kristu u Alla l-Missier, li qajmu mill-mewt.  Jien u l-aħwa kollha li hawn miegħi nsellu għall-kongregazzjonijiet tal-Galazja:  Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.  Hu ta ħajtu biex jinħafrulna dnubietna. B’hekk, ikun jistaʼ jsalvana minn din id-dinja* mill-agħar fi qbil maʼ dak li jrid l-Alla tagħna u Missierna,  li lilu għandha tingħata l-glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.  Jien nistagħġeb li intom kontu lesti daqshekk malajr li titilqu lill-Alla* li għażilkom permezz tal-qalb tajba kbira taʼ Kristu, biex taċċettaw messaġġ ieħor bħallikieku kien l-aħbar tajba.  M’hemmx aħbar tajba oħra. Imma hemm xi wħud li qed jaqilgħulkom l-inkwiet u jridu jgħawġu l-verità tal-aħbar tajba dwar il-Kristu.  Madankollu, anki jekk aħna jew xi anġlu mis-sema kellu jxandrilkom aħbar tajba li hi differenti minn dak li xandarnielkom, ħa jkun misħut.  Ħa nerġaʼ ngħidilkom dak li għedtilkom, Kull min ixandrilkom aħbar tajba differenti minn dik li aċċettajtu, ħa jkun misħut. 10  Qiegħed jien nipprova nogħġob lill-bnedmin jew lil Alla? Kieku għadni nipprova nogħġob lill-bnedmin, m’iniex ilsir taʼ Kristu. 11  Aħwa, nixtieqkom tkunu tafu li l-aħbar tajba li xandartilkom mhix ġejja min-nies; 12  għax la rċivejtha mingħandhom u lanqas għallmuhieli, imma kien Ġesù Kristu li tahieli. 13  Naturalment, intom smajtu dwar kif kont inġib ruħi qabel fil-Ġudaiżmu, li kont nippersegwita bl-aħrax lill-kongregazzjoni t’Alla u nħarbatha. 14  Jien kont qed nagħmel ħafna iktar progress fil-Ġudaiżmu minn ħafna Lhud tampari, għax kont bil-wisq iktar żeluż minnhom għat-tradizzjonijiet taʼ missirijieti. 15  Imma Alla ppermettieli li nitwieled u għażilni permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu. Hu kien kuntent 16  jużani biex inxandar l-aħbar tajba dwaru lin-nies taʼ popli oħra, ħalli huma jsiru jafu lil Ibnu. Meta għażilni biex nagħmel dan, jien ma tlabt il-parir taʼ ħadd.* 17  U lanqas tlajt Ġerusalemm biex nieħu parir mingħand dawk li kienu appostli qabli, imma mort l-Arabja u mbagħad mort lura Damasku. 18  Kien tliet snin wara li tlajt Ġerusalemm biex nara lil Kefa,* u bqajt miegħu 15-il ġurnata. 19  Imma ma rajt lil ħadd mill-appostli l-oħra, ħlief lil Ġakbu ħu l-Mulej. 20  Issa dwar l-affarijiet li qed niktbilkom, naħilfilkom quddiem Alla li m’iniex nigdeb. 21  Wara dan mort fir-reġjuni tas-Sirja u ċ-Ċiliċja. 22  Imma d-dixxipli taʼ Kristu fil-kongregazzjonijiet tal-Lhudija ma kinux jafuni personalment. 23  Huma kienu semgħu dwari: “Ir-raġel li qabel kien jippersegwitana u li kien iħarbat il-kongregazzjonijiet,* issa qed ixandar l-aħbar tajba.” 24  Għalhekk, bdew ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġrali.

Noti taʼ taħt

Jew “is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “li tħallu lil ħaddieħor iwarrabkom mill-Alla.”
Jew “taʼ ebda bniedem.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Letteralment “il-fidi.”