Ester 7:1-10

  • Ester tikxef lil Ħaman (1-6a)

  • Ħaman jiġi mdendel maz-zokk li għamel hu (6b-10)

7  Għalhekk, ir-re u Ħaman marru għall-ikla tar-Reġina Ester.  Waqt li kienu qed jixorbu l-inbid, ir-re reġaʼ staqsa lil Ester: “X’tixtieq, Reġina Ester? Għidli u nagħtihulek! Xi trid? Anki jekk titlob nofs is-saltna, nagħtihielek!”  Ir-Reġina Ester wieġbet: “Re, jekk għandek pjaċir bija u jidhirlek li hu tajjeb, jekk jogħġbok salva lili u l-poplu tiegħi.  Għax jien u l-poplu tiegħi ġejna mibjugħin biex ninqatlu u niġu meqrudin għalkollox. Li kieku ġejna mibjugħin biex inkunu lsiera, ma kont ngħid xejn. Imma din it-tbatija m’għandhiex titħalla ssir għax se tkun taʼ ħsara għalik ukoll.”  Imbagħad ir-Re Aħasweru qal lir-Reġina Ester: “Min hu dan, u fejn hu dan ir-raġel li ażżarda jagħmel xi ħaġa bħal din?”  Ester qalet: “L-għadu hu dan ir-raġel ħażin Ħaman.” U Ħaman tgħidx kemm beżaʼ minħabba r-re u r-reġina.  Ir-re telaq mill-ikla rrabjat ħafna u mar fil-ġnien tal-palazz, imma Ħaman beda jitlob bil-ħniena lir-Reġina Ester biex issalvalu ħajtu, għax hu nduna li r-re kien determinat li jikkastigah.  Ir-re reġaʼ daħal fejn kien hemm l-ikla u ra lil Ħaman mitfugħ fuq is-sufan fejn kien hemm Ester. Ir-re qal: “Jaqaw beħsiebu jistupra lir-reġina f’dari stess ukoll?” Malli qal dan il-kliem, il-qaddejja għattew wiċċ Ħaman.  Ħarbona, wieħed mill-uffiċjali tal-palazz tar-re, qal: “Ħaman ipprepara wkoll zokk twil 50 kubitu* għal Mordekaj, il-wieħed li salvak permezz taʼ dak li kixef. Dan qiegħed fid-dar taʼ Ħaman.” Għalhekk ir-re qal: “Dendluh miegħu.” 10  Għalhekk dendlu lil Ħaman maz-zokk li kien lesta għal Mordekaj, u r-re ma baqax daqshekk irrabjat.

Noti taʼ taħt

Madwar 22.3 metri. Ara App. B14.