Ester 3:1-15

  • Ħaman jiġi onorat mir-re (1-4)

  • Il-pjan taʼ Ħaman biex jeqred lil-Lhud (5-15)

3  Wara dan, ir-Re Aħasweru ta iktar unur lil Ħaman bin Ħammedata l-Agagi u tah pożizzjoni iktar għolja mill-mexxejja l-oħrajn kollha.  U l-qaddejja kollha tar-re li kienu fil-bieb tal-palazz tar-re kienu jmilu u jinxteħtu fl-art quddiem Ħaman, għax ir-re hekk kien ikkmanda dwaru. Imma Mordekaj ma riedx jagħmel hekk.  Għalhekk, il-qaddejja tar-re li kienu fil-bieb tal-palazz qalu lil Mordekaj: “Għala m’intix tobdi l-kmand tar-re?”  Huma kienu jkellmuh dwar dan kuljum imma hu ma kienx jismaʼ minnhom, minflok qalilhom li hu Lhudi. Imbagħad huma kellmu lil Ħaman biex jaraw jekk kienx se jħalli lil Mordekaj jaġixxi b’dan il-mod.  Meta Ħaman ra li Mordekaj ma riedx imil u jinxteħet fl-art quddiemu, tgħidx kemm irrabja.  Imma għalih ma kienx biżżejjed li joqtol lil* Mordekaj biss, għax kienu qalulu li Mordekaj kien Lhudi. Għalhekk Ħaman beda jipprova jeqred għalkollox lil-Lhud mis-saltna kollha t’Aħasweru, in-nies kollha taʼ Mordekaj.  Fl-ewwel xahar, jiġifieri fix-xahar taʼ Nisan,* fit-12-il sena tat-tmexxija tar-Re Aħasweru, huma tefgħu l-Pur (jiġifieri x-Xorti) quddiem Ħaman biex jaraw f’liema jum u xahar għandhom jagħmlu dan. U telaʼ bix-xorti t-12-il xahar, jiġifieri x-xahar t’Adar.*  Imbagħad Ħaman qal lir-Re Aħasweru: “Hemm ċertu nies imxerrdin fost il-popli fil-provinċji* kollha tas-saltna tiegħek li l-liġijiet tagħhom huma differenti minn tan-nies l-oħrajn kollha. Huma ma jobdux il-liġijiet tiegħek, u int ma jaqbillekx tibqaʼ tittollerahom.  Jekk hu tajjeb għalik, ħa tinkiteb liġi biex huma jinqerdu. Jien se nagħti 10,000 talent* fidda lill-uffiċjali biex iqegħduhom fil-post fejn jinżammu t-teżori tiegħek.”* 10  Għal dan, ir-re neħħa ċ-ċurkett tas-siġill u tah lil Ħaman it-tifel taʼ Ħammedata l-Agagi, li kien l-għadu tal-Lhud. 11  Ir-re qal lil Ħaman: “Il-fidda* u n-nies huma f’idejk, agħmel bihom dak li jidhirlek li hu tajjeb.” 12  Imbagħad fit-13-il jum tal-ewwel xahar għajtu lis-segretarji tar-re. Huma niżżlu bil-miktub il-kmandi kollha li Ħaman ta lis-satrapi tar-re,* lill-gvernaturi li kienu fuq il-provinċji, u lill-mexxejja tal-popli differenti. Lil kull provinċja kitbulha bl-istil taʼ kitba tagħha u lil kull poplu bil-lingwa tiegħu. Dawn inkitbu f’isem ir-Re Aħasweru u ġew issiġillati biċ-ċurkett tas-siġill tiegħu. 13  L-ittri ntbagħtu permezz taʼ messaġġiera fil-provinċji kollha tar-re. Fihom kien hemm il-kmand biex joqtlu u jeqirdu għalkollox lil-Lhud kollha, iż-żgħar u l-kbar, it-tfal u n-nisa. Dan kellhom jagħmluh f’jum wieħed, fit-13 tat-12-il xahar, jiġifieri x-xahar t’Adar. Kien hemm miktub ukoll biex jiħdulhom kulma għandhom. 14  Dak li kien hemm miktub fl-ittri kellu jsir liġi f’kull provinċja, u n-nies kollha kellhom isiru jafu b’dan ħalli jkunu ppreparati għal dan il-jum. 15  Il-messaġġiera marru malajr bħalma kkmandahom ir-re. Il-liġi ħarġet mill-palazz* taʼ Susan.* Imbagħad ir-re u Ħaman poġġew bilqiegħda jixorbu, imma n-nies tal-belt taʼ Susan* kienu f’konfużjoni.

Noti taʼ taħt

Letteralment “imidd idu fuq.”
Jew “fid-distretti.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Jew forsi “Jien se nqiegħed 10,000 talent fidda fil-post fejn jinżammu t-teżori tiegħek għal dawk li jagħmlu dan.”
Jistaʼ jkun qed jirreferi għall-fidda li kien se jieħu mingħand il-Lhud.
Jiġifieri l-mexxejja prinċipali tar-re.
Jew “mill-fortizza; miċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “Susa.”