Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 4:1-37
4 Waqt li Pietru u Ġwanni kienu qed jitkellmu man-nies, marru ħdejhom il-qassisin, il-kap tat-tempju, u s-Sadduċej.
2 Dawn kienu rrabjati għax l-appostli kienu qed jgħallmu lin-nies u jxandru li Ġesù ġie rxoxtat mill-mewt.
3 Għalhekk qabduhom u żammewhom arrestati sal-għada, għax kien diġà filgħaxija.
4 Imma ħafna minn dawk li semgħuhom bdew jemmnu, u l-ammont taʼ rġiel li saru dixxipli kien madwar 5,000.
5 L-għada, il-mexxejja, l-anzjani,* u l-iskribi tal-Lhud inġabru flimkien f’Ġerusalemm
6 m’Anna l-qassis importanti, Kajfa, Ġwanni, Alessandru, u dawk kollha li jiġu mill-qassis importanti.
7 Huma ġabu lil Pietru u lil Ġwanni u bdew jistaqsuhom: “Min takom l-awtorità biex tagħmlu dan, u f’isem min qed tagħmluh?”
8 Imbagħad Alla bagħat l-ispirtu qaddis fuq Pietru, u dan qalilhom:
“Mexxejja tal-poplu u anzjani,
9 tridu tkunu tafu x’għamilna għal dan ir-raġel li ma setax jimxi, u kif fieq?
10 Kunu afu intom u n-nies kollha t’Iżrael, li dan ir-raġel ġie mfejjaq f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu. Hu qiegħed wieqaf quddiemkom u b’saħħtu grazzi għal Ġesù, il-wieħed li intom qtiltu maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-mewt.
11 Hu ‘l-ġebla li warrabtu intom il-bennejja u li saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini.’
12 Barra minn hekk, ħadd iktar ma jistaʼ jsalvana ħlief hu, għax fuq l-art m’hemm ebda isem ieħor fost in-nies li bih nistgħu niġu salvati.”
13 Meta raw lil Pietru u lil Ġwanni jitkellmu bil-kuraġġ* u ndunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola,* baqgħu mistagħġbin. Huma rrealizzaw li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù.
14 Waqt li kienu qed iħarsu lejn ir-raġel li ġie mfejjaq u li kien magħhom, ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidu.
15 Għalhekk, ikkmandawhom joħorġu ’l barra mis-sala tas-Sinedriju, u bdew jitkellmu bejniethom
16 u jgħidu: “X’se nagħmlu b’dawn l-irġiel? Għax huwa fatt li dawn għamlu xi ħaġa tal-għaġeb li saru jafu biha n-nies taʼ Ġerusalemm kollha, u aħna ma nistgħux ngħidu li mhux veru.
17 Biex ma jsirux jafu iktar nies dwar dan, ejja nhedduhom u ngħidulhom biex ma jitkellmux iktar f’isem dan ir-raġel.”
18 Imbagħad, għajtulhom u kkmandawhom biex ma jibqgħux jitkellmu jew jgħallmu dwar isem Ġesù.
19 Imma Pietru u Ġwanni wiġbuhom: “Araw intom jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nobdu lilkom minflok lilu.
20 Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”
21 Għalhekk wara li reġgħu heddewhom, ħelsuhom, għax ma sabux fuqiex jikkastigawhom u kienu jibżgħu min-nies. Dan kien għax in-nies kollha kienu qed ifaħħru lil Alla minħabba dak li ġara.
22 Ir-raġel li ġie mfejjaq b’dan il-miraklu kellu iktar minn 40 sena.
23 Wara li ġew meħlusin, marru għand id-dixxipli l-oħra u rrakkontawlhom x’kienu qalulhom il-qassisin importanti u l-anzjani.
24 Meta semgħu dan, huma talbu lil Alla flimkien:
“Sid taʼ Kollox,* int il-Wieħed li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom.
25 Int il-Wieħed li permezz tal-ispirtu qaddis użajt lill-antenat tagħna David, il-qaddej tiegħek, biex jgħid: ‘Il-popli għala huma mifxulin u n-nies għala qed jaħsbu fuq affarijiet bla sens?
26 Ir-rejiet tal-art ħadu l-waqfa tagħhom u l-mexxejja nġabru flimkien kontra Ġeħova* u l-magħżul* tiegħu.’
27 Għax fil-fatt, Erodi, Ponzju Pilatu, in-nies tal-popli, u n-nies t’Iżrael inġabru flimkien f’din il-belt kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int għażilt.*
28 Huma għamlu hekk biex isir dak li għedt int minn qabel, għax int għandek il-qawwa* u għax hekk trid.
29 U issa, Ġeħova,* agħti kas it-theddid tagħhom, u għin lilna, l-ilsiera tiegħek, biex nibqgħu nippritkaw bil-kuraġġ,
30 waqt li int tfejjaq il-morda bis-saħħa tiegħek u tagħmel affarijiet tal-għaġeb u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù.”
31 Wara li talbu bil-ħniena,* il-post fejn kienu miġburin theżżeż, u l-ispirtu qaddis ġie fuqhom kollha u bdew jippritkaw il-kelma t’Alla bil-kuraġġ.
32 Iktar minn hekk, id-dixxipli kollha kienu jaħsbuha l-istess* u ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu, imma kienu jaqsmu kollox bejniethom.
33 L-appostli komplew jippritkaw b’mod effettiv dwar l-irxoxt tal-Mulej Ġesù, u Alla berikhom bil-kbir.
34 Fil-fatt, ħadd minnhom ma kien fil-bżonn, għax dawk kollha li kellhom xi għalqa jew dar kienu jbigħuha u dak li jaqilgħu
35 jagħtuh lill-appostli. Imbagħad, dan kien jitqassam bejn kulħadd skont il-bżonn.
36 Hekk għamel Ġużeppi, Levita minn Ċipru, li l-appostli kienu jgħidulu wkoll Barnaba (li jfisser Wieħed li Jinkuraġġixxi).*
37 Hu kellu biċċa art, biegħha, u ta l-flus lill-appostli.
Noti taʼ taħt
^ Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
^ Jew “bla tlaqliq.”
^ Dan ma jfissirx li ma kinux jafu jiktbu u jaqraw, imma li ma marrux fi skejjel tal-mexxejja reliġjużi.
^ Jew “Mulej Sovran.”
^ Jew “il-Kristu.” Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “dlikt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “minħabba idek.”
^ Letteralment “qalb u ruħ waħda.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “Bin il-Faraġ.”