Neħemija 1:1-11

  • Aħbar minn Ġerusalemm (1-3)

  • It-talba taʼ Neħemija (4-11)

1  Dan hu l-kliem taʼ Neħemija* bin Ħakalija: Fix-xahar taʼ Kislew,* fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse,* jien kont fil-palazz* taʼ Susan.*  F’dak iż-żmien ġie Ħanani, wieħed minn ħuti, maʼ xi rġiel oħrajn minn Ġuda. Jien staqsejthom dwar il-Lhud li kien fadal u li kienu ħarbu mill-jasar, u dwar Ġerusalemm.  Huma wieġbu: “In-nies li ġew lura mill-jasar u li issa qed jgħixu fid-distrett taʼ Ġuda* qegħdin f’sitwazzjoni kerha ħafna u tal-mistħija. Is-swar taʼ Ġerusalemm huma mwaqqgħin u l-bibien tagħha maħruqin.”  Malli smajt dan il-kliem, jien poġġejt u bdejt nibki. Għamilt ġranet sħaħ bid-dwejjaq, insum, u nitlob lill-Alla tas-sema.  Jien għedt: “Ġeħova, int l-Alla tas-sema u l-Alla l-kbir li taʼ min jibżaʼ minnek u jirrispettak. Int iżżomm il-patt tiegħek u turi mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuk u jobdu l-kmandamenti tiegħek.  Jekk jogħġbok, ħares lejja u ismaʼ t-talba li qed nitolbok illum. Jien qed nitolbok lejl u nhar dwar il-qaddejja tiegħek l-Iżraelin u dwar id-dnubiet li l-poplu għamel kontrik. Aħna dnibna, kemm jien u kemm dar missieri.  Aħna żgur li aġixxejna ħażin ħafna miegħek għax m’obdejniex il-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li int tajt lill-qaddej tiegħek Mosè.  “Jekk jogħġbok, ftakar f’dak li għedt* lill-qaddej tiegħek Mosè: ‘Jekk ma tkunux leali, jien se nxerridkom fost il-popli.  Imma jekk terġgħu lura għandi u żżommu mal-kmandamenti tiegħi u tobduhom, anki jekk tkunu mxerrdin sa tarf l-art, jien se niġborkom minn hemm u nġibkom fil-post li għażilt biex jiġi mfaħħar ismi.’ 10  Huma l-qaddejja u l-poplu tiegħek, li int ħlist* bis-saħħa kbira u l-qawwa tiegħek. 11  Jekk jogħġbok Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi, il-qaddej tiegħek, u t-talba tal-qaddejja tiegħek li minn qalbhom jirrispettaw ħafna lil* ismek. Jekk jogħġbok, għinni ħalli r-re jurini ħniena u jħallini nagħmel dak li se nitolbu llum.” Dak iż-żmien jien kont il-wieħed li nservi l-inbid lir-re.

Noti taʼ taħt

Ifisser “Jah Jagħti l-Faraġ.”
Letteralment “fis-sena 20.” Ara Ne 2:1.
Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “fil-provinċja.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “fit-twissija li tajt.”
Letteralment “fdejt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jibżgħu minn.”