Imħallfin 9:1-57
9 Maż-żmien, Abimelek bin Ġerubbagħal mar għand ħut ommu f’Sikem, u hu qal lilhom u lill-familja kollha taʼ nannuh:*
2 “Jekk jogħġobkom, staqsu lill-mexxejja kollha* taʼ Sikem, ‘X’inhu l-aħjar għalikom, li jmexxu fuqkom is-70 tifel taʼ Ġerubbagħal, jew li jmexxi fuqkom raġel wieħed? U ftakru li jien niġi minnkom.’”*
3 Għalhekk, ħut ommu qalu dan il-kliem għan-nom tiegħu lill-mexxejja kollha taʼ Sikem, u b’hekk ġew konvinti jsegwu lil* Abimelek, għax qalu: “Ħuna hu.”
4 Imbagħad tawh 70 biċċa tal-fidda mit-tempju taʼ Bagħal-berit, u Abimelek użahom biex jikri rġiel għażżenin u insolenti biex imorru miegħu.
5 Wara dan, hu mar lejn dar missieru f’Għofra u qatel lil ħutu, 70 raġel, fuq ġebla waħda. Ġotam biss baqaʼ ħaj, l-iżgħar wieħed mit-tfal taʼ Ġerubbagħal, għax staħba.
6 Imbagħad il-mexxejja kollha taʼ Sikem u Bet-millo kollha nġabru flimkien u għamlu lil Abimelek re, qrib is-siġra l-kbira, ħdejn il-pilastru li kien f’Sikem.
7 Meta rrapportaw dan lil Ġotam, hu minnufih telaʼ fuq il-quċċata tal-Muntanja Geriżim u b’leħen għoli qalilhom: “Isimgħuni mexxejja taʼ Sikem, u mbagħad Alla jismaʼ lilkom.
8 “Darba kien hemm xi siġar li marru jagħżlu* re għal fuqhom. Għalhekk qalu liż-żebbuġa, ‘Mexxi fuqna.’
9 Imma ż-żebbuġa qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi ż-żejt tiegħi, li jintuża biex jiġu gglorifikati Alla u l-bnedmin, biex immur inxejjer il-friegħi tiegħi fuq is-siġar l-oħrajn?’
10 Imbagħad is-siġar qalu lit-tina, ‘Ejja u mexxi fuqna.’
11 Imma t-tina qaltilhom, ‘Sejra jien inċedi l-ħlewwa tiegħi u l-frott tajjeb tiegħi biex immur inxejjer il-friegħi tiegħi fuq is-siġar l-oħrajn?’
12 Wara dan, is-siġar qalu lid-dielja, ‘Ejja u mexxi fuqna.’
13 Id-dielja wiġbithom, ‘Sejra jien inċedi l-inbid ġdid tiegħi li jferraħ lil Alla u lill-bnedmin biex immur inxejjer il-friegħi tiegħi fuq is-siġar?’
14 Fl-aħħar, is-siġar l-oħrajn kollha qalu lill-għollieqa, ‘Ejja u mexxi fuqna.’
15 Għal dan l-għollieqa qalet lis-siġar, ‘Jekk verament qed tagħżluni* biex immexxi fuqkom, ejjew u fittxu l-kenn taħt delli. Imma jekk le, ħa joħroġ in-nar minni u jaħraq is-siġar taċ-ċedri tal-Libanu.’
16 “Issa meta għamiltu lil Abimelek re, taħsbu li aġixxejtu bis-sinċerità u kif jixraq? U wrejtu qalb tajba maʼ Ġerubbagħal u n-nies taʼ daru, u ttrattajtuh kif kien jistħoqqlu?
17 Meta missieri ġġieled għalikom, hu ssogra ħajtu biex jeħliskom minn id Midjan.
18 Imma llum intom qomtu kontra n-nies taʼ dar missieri u qtiltu lit-tfal tiegħu, 70 raġel, fuq ġebla waħda. Imbagħad għamiltu lil Abimelek, bin l-ilsira tiegħu, re fuq il-mexxejja taʼ Sikem sempliċement għax hu ħukom.
19 Iva, jekk illum qed taġixxu bis-sinċerità u kif jixraq maʼ Ġerubbagħal u n-nies taʼ daru, ifirħu b’Abimelek u ħa jifraħ hu wkoll bikom.
20 Imma jekk le, ħa joħroġ nar minn Abimelek u jaħraq il-mexxejja taʼ Sikem u lil Bet-millo, u ħa joħroġ nar mill-mexxejja taʼ Sikem u minn Bet-millo u jaħraq lil Abimelek.”
21 Imbagħad Ġotam ħarab lejn Bir, u għex hemmhekk minħabba ħuh Abimelek.
22 Abimelek mexxa* fuq Iżrael għal tliet snin.
23 Imbagħad Alla ħalla li tiżviluppa mibegħda* bejn Abimelek u l-mexxejja taʼ Sikem, u huma aġixxew bi tradiment m’Abimelek.
24 Dan kien biex il-vjolenza li saret fuq is-70 tifel taʼ Ġerubbagħal tkun tistaʼ tiġi vvendikata u biex dawk li huma ħatja jħallsu talli xerrdu d-demm: Abimelek talli qatel lil ħutu, u l-mexxejja taʼ Sikem talli għenuh joqtolhom.
25 Għalhekk, il-mexxejja taʼ Sikem qegħdulu xi rġiel mistoħbijin fuq il-qċaċet tal-muntanji, u kienu jisirqu lil kull min kien jgħaddi minn ħdejhom fit-triq. Maż-żmien, dan ġie rrapportat lil Abimelek.
26 Imbagħad Gagħal bin Għebed u ħutu s-subien marru Sikem, u l-mexxejja taʼ Sikem bdew jafdawh.
27 L-irġiel taʼ Sikem ħarġu fl-għelieqi tad-dwieli tagħhom u ġabru l-għeneb, għaffġuh, u għamlu festa. Wara dan, daħlu fid-dar tal-alla tagħhom, kielu u xorbu, u seħtu lil Abimelek.
28 Imbagħad Gagħal bin Għebed qal: “Min hu Abimelek bin Ġerubbagħal? U min hu Żebul l-uffiċjal tiegħu taʼ Sikem? Min huma biex naqduhom? Minflok, aqdu lill-irġiel taʼ Ħamor, missier Sikem! Għala għandna naqdu lil Abimelek?
29 Li kieku kien f’idi dan il-poplu, lil Abimelek kont inneħħih.” Imbagħad qal: “Ħa jkabbar l-armata tiegħu Abimelek u joħroġ jiġġieled kontrija.”
30 Meta Żebul il-mexxej tal-belt semaʼ kliem Gagħal bin Għebed, irrabja ħafna.
31 Għalhekk, bagħat bil-moħbi* messaġġiera għand Abimelek, li qalu: “Gagħal bin Għebed u ħutu ġew Sikem, u qed ixewxu lin-nies tal-belt kontrik.
32 Issa ejja billejl, int u l-irġiel tiegħek, u oqgħod għassa fl-għelieqi.
33 Malli titlaʼ x-xemx, qum u attakka l-belt. U meta hu u l-irġiel tiegħu joħorġu kontrik, agħmel kulma tistaʼ biex tirbħilhom.”*
34 Għalhekk, Abimelek u n-nies kollha li kienu miegħu qamu billejl, u qagħdu għassa kontra Sikem f’erbaʼ gruppi.
35 Meta Gagħal bin Għebed ħareġ u qagħad fid-daħla taʼ bieb il-belt, Abimelek u n-nies li kienu miegħu qamu minn fejn kienu mistoħbijin.
36 Meta Gagħal ra lin-nies, qal lil Żebul: “Ara! Hemm in-nies neżlin minn fuq il-qċaċet tal-muntanji.” Imma Żebul qallu: “Int qed tara d-dellijiet tal-muntanji u qed taħsibhom nies.”
37 Imbagħad Gagħal qal: “Ara! Hemm in-nies neżlin minn nofs l-art, u grupp minnhom ġej min-naħa tas-siġra l-kbira taʼ Meonenim.”
38 Żebul wieġbu: “Fejn hu issa l-ftaħir li għedt, ‘Min hu Abimelek biex naqduh?’ Mhumiex dawn in-nies li maqdart? Issa oħroġ u ġġieled kontrihom.”
39 Għalhekk, Gagħal ħareġ bil-mexxejja taʼ Sikem warajh u ġġieled kontra Abimelek.
40 Abimelek telaq għal warajh, u Gagħal ħarab minnu. U nqatlu ħafna sad-daħla taʼ bieb il-belt.
41 U Abimelek kompla jgħix f’Aruma, u Żebul keċċa lil Gagħal u lil ħutu minn Sikem.
42 L-għada n-nies ħarġu fl-għelieqi, u lil Abimelek qalulu b’dan.
43 Għalhekk, hu ħa lin-nies u qassamhom fi tliet gruppi u qagħad għassa fl-għelieqi. Meta ra n-nies ħerġin mill-belt, attakkahom u qatilhom.
44 Abimelek u l-gruppi li kienu miegħu telqu jiġru u qagħdu fid-daħla taʼ bieb il-belt, waqt li żewġ gruppi attakkaw lil dawk kollha li kienu fl-għelieqi u qatluhom.
45 Abimelek iġġieled kontra l-belt dak il-jum kollu u rebaħha. Hu qatel lin-nies li kienu fiha, u wara waqqaʼ l-belt u xerred il-melħ fiha.
46 Meta l-mexxejja kollha tat-torri taʼ Sikem semgħu b’dan, huma minnufih marru fil-kantina* tat-tempju t’El-berit.
47 Malli ġie rrapportat lil Abimelek li l-mexxejja kollha tat-torri taʼ Sikem kienu nġabru flimkien,
48 Abimelek u l-irġiel kollha tiegħu telgħu fuq il-Muntanja Żalmon. Abimelek qabad mannara u qataʼ fergħa minn siġra, refagħha fuq spalltu, u qal lin-nies li kienu miegħu: “Ħaffu u agħmlu bħalma rajtuni nagħmel!”
49 Għalhekk, in-nies kollha qatgħu fergħa u marru wara Abimelek. Imbagħad qegħduhom ħdejn il-kantina, u tawha n-nar. B’hekk, in-nies kollha tat-torri taʼ Sikem mietu wkoll, madwar 1,000 raġel u mara.
50 Imbagħad, Abimelek mar Tebes, assedjaha, u rebaħha.
51 Fiha kien hemm torri b’saħħtu f’nofs il-belt, u l-irġiel, in-nisa, u l-mexxejja kollha tal-belt ħarbu hemmhekk. Huma ngħalqu hemm u telgħu fuq il-bejt tat-torri.
52 Abimelek mar lejn it-torri u attakkah. Hu mar ħdejn id-daħla tat-torri biex jaħarqu.
53 Imbagħad waħda min-nisa xeħtet ġebla taʼ mitħna* għal fuq Abimelek u faqgħatlu rasu.
54 Hu għajjat malajr lill-qaddej li kien iġorrlu l-armi u qallu: “Oħroġ ix-xabla u oqtolni, ħalli ma jgħidux li qatlitni mara.” Għalhekk, il-qaddej tiegħu niffdu, u miet.
55 Meta l-irġiel t’Iżrael raw li Abimelek kien miet, telqu kollha lejn darhom.
56 B’hekk, Alla ra li Abimelek iħallas għall-ħażen li kien għamel lil missieru billi qatel lil ħutu, 70 raġel.
57 Ukoll, il-ħażen kollu tal-irġiel taʼ Sikem, Alla ġabu lura fuqhom. Għalhekk, ġiet fuqhom is-saħta taʼ Ġotam bin Ġerubbagħal.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “lill-familja kollha taʼ dar missier ommu.”
^ Jew forsi “lis-sidien kollha tal-art.”
^ Letteralment “għadamkom u laħamkom.”
^ Letteralment “qalbhom inġibdet lejn.”
^ Letteralment “jidilku.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “tidilkuni.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “lagħabha taʼ prinċep.”
^ Letteralment “bagħat spirtu ħażin.”
^ Jew “biex iqarraq bih, bagħat.”
^ Jew “agħmillu kulma jiġi għal idejk.”
^ Jew “fil-fortizza.”
^ Jiġifieri ġebla taʼ fuq taʼ mitħna tal-idejn.