Eżodu 36:1-38

  • Tingħata iktar kontribuzzjoni milli hemm bżonn (1-7)

  • Il-bini tat-tabernaklu (8-38)

36  “Besalel se jaħdem flimkien m’Oħolijab u kull raġel tas-sengħa* li Ġeħova tah l-għerf u l-abbiltà li jifhem biex ikun jaf kif jagħmel ix-xogħol kollu tas-servizz qaddis bħalma kkmanda Ġeħova.”  Mosè mbagħad għajjat lil Besalel u lil Oħolijab u lil kull raġel tas-sengħa li Ġeħova kien tah l-għerf, jiġifieri lil kull min qalbu qanqlitu u offra biex jagħmel ix-xogħol.  Imbagħad ħadu mingħand Mosè l-kontribuzzjoni kollha li l-Iżraelin kienu taw għax-xogħol tas-servizz qaddis. Madankollu, dawn baqgħu jagħtuh offerti volontarji kull filgħodu.  Wara li bdew jagħmlu x-xogħol qaddis, il-ħaddiema tas-sengħa kollha bdew imorru wieħed wara l-ieħor  u jgħidu lil Mosè: “In-nies qed iġibu ħafna iktar milli hemm bżonn għax-xogħol li Ġeħova kkmanda li jsir.”  Għalhekk, Mosè kkmanda li jsir avviż mal-kampijiet kollha, li jgħid: “Irġiel u nisa, iġġibux iktar affarijiet għall-kontribuzzjoni qaddisa.” B’hekk, in-nies ma tħallewx iġibu iżjed,  għax kien hemm biżżejjed biex isir ix-xogħol kollu, anzi żżejjed.  Allura, il-ħaddiema tas-sengħa kollha għamlu t-tabernaklu minn għaxar biċċiet drapp tat-tined tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat. Hu* għamilhom b’kerubini rrakkmati fuqhom.  Kull biċċa drapp kienet twila 28 kubitu* u wiesgħa erbaʼ kubiti. Id-drapp kollu kien tal-istess qies. 10  Imbagħad hu għaqqad ħames biċċiet drapp waħda m’oħra, u għamel l-istess bil-ħames biċċiet drapp l-oħra. 11  U fuq kull biċċa drapp kbira, mat-tarf tal-ġenb, ħiet ħoloq mill-ħajt blu sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. 12  Hu għamel 50 ħolqa fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u 50 ħolqa f’tarf il-biċċa l-oħra tad-drapp tat-tined sabiex ikunu faċċata taʼ xulxin fejn jingħaqdu. 13  Fl-aħħar, għamel 50 ganċ tad-deheb u għaqqad id-drappijiet tat-tined ma’ xulxin bil-ganċijiet, u b’hekk saru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu. 14  Wara għamel biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Għamel 11-il biċċa drapp tat-tined. 15  Kull biċċa drapp kienet twila 30 kubitu, u wiesgħa erbaʼ kubiti. Il-11-il biċċa drapp kienu tal-istess qies. 16  U minnhom għaqqad ħames biċċiet flimkien u għamel l-istess bis-sitta l-oħra. 17  Imbagħad għamel 50 ħolqa fit-tarf nett taʼ waħda mid-drappijiet tat-tinda, u 50 ħolqa fit-tarf tal-biċċa drapp l-oħra u għaqqadhom flimkien. 18  U għamel 50 ganċ tar-ram biex jgħaqqad id-drappijiet tat-tinda flimkien u jsiru biċċa drapp waħda. 19  U għatta t-tinda bil-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u fuqhom qiegħed ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien. 20  Imbagħad għamel frejms weqfin magħmulin minn twavel tal-injam tal-akaċja għat-tabernaklu. 21  Kull frejm kien twil għaxar kubiti u wiesaʼ kubitu u nofs. 22  Kull frejm kellu żewġ minċotti* mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għamilhom il-frejms kollha tat-tabernaklu. 23  Hu għamel 20 frejm għan-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 24  Imbagħad għamel 40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom taħt l-20 frejm: żewġ pedestalli taħt kull frejm għaż-żewġ minċotti tiegħu. 25  U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tat-Tramuntana, għamel 20 frejm 26  bl-40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 27  Għan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent, hu għamel sitt frejms magħmulin mit-twavel. 28  Hu għamel żewġ frejms bħala pilastri għaż-żewġ kantunieri tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 29  Dawn il-frejms kellhom żewġ twavel minn isfel sa fuq, li jmissu flimkien fejn hemm l-ewwel ħolqa. Hekk għamilhom iż-żewġ pilastri tal-kantunieri. 30  Għalhekk, b’kollox kien hemm tmien frejms bis-16-il pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 31  Imbagħad għamel lasti mill-injam tal-akaċja, ħamsa għall-frejms taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 32  ħamsa għall-frejms tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, u ħamsa għall-frejms tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent. 33  Imbagħad għamel il-lasta tan-nofs biex tgħaddi minn nofs il-frejms minn tarf sa tarf. 34  Hu kesa bid-deheb il-frejms magħmulin mit-twavel, u għamlilhom ħoloq tad-deheb biex iżommu l-lasti, u kesa l-lasti bid-deheb. 35  Imbagħad għamel purtiera minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Għamilha bil-kerubini rrakkmati fiha. 36  Imbagħad għamlilha erbaʼ kolonni tal-akaċja miksijin bid-deheb u ganċijiet tad-deheb. Hu għamel erbaʼ pedestalli tal-fidda b’toqba fihom għall-kolonni. 37  Wara għamel purtiera għad-daħla tat-tabernaklu minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien, 38  u għamlilha wkoll il-ħames kolonni bil-ganċijiet tagħhom. Hu ksielhom il-parti taʼ fuq u l-irbit* bid-deheb, imma l-ħames pedestalli bit-toqob fihom kienu tar-ram.

Noti taʼ taħt

Letteralment “kull raġel għaref f’qalbu.”
Milli jidher Besalel.
Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
Jew “injamiet vertikali.”
Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”