Eżodu 14:1-31

  • Iżrael jasal ħdejn il-baħar (1-4)

  • Il-Fargħun imur wara Iżrael (5-14)

  • Iżrael jaqsam il-Baħar l-Aħmar (15-25)

  • L-Eġizzjani jegħrqu fil-baħar (26-28)

  • Iżrael jafda f’Ġeħova (29-31)

14  Ġeħova issa qal lil Mosè:  “Għid lill-Iżraelin li għandhom iduru lura u jikkampjaw quddiem Piħaħirot, bejn Migdol u l-baħar, faċċata taʼ Bagħal-sefon. Għandkom tikkampjaw faċċata tiegħu, ħdejn il-baħar.  Imbagħad il-Fargħun jgħid dwar l-Iżraelin, ‘Qegħdin iduru u jagħqdu fl-art mitlufin. M’għandhomx minn fejn jaħarbu fid-deżert.’  Jien se nħalli lill-Fargħun iwebbes rasu,* u hu jitlaq għal warajhom, u jien nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun u l-armati kollha tiegħu. L-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.” Għalhekk, l-Iżraelin hekk għamlu.  Iktar tard, ir-re tal-Eġittu waslitlu l-aħbar li n-nies kienu ħarbu. Minnufih, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu ddispjaċiehom li ħallewhom jitilqu. B’hekk qalu: “X’għamilna b’idejna? Għala ħlisna lill-Iżraelin milli jaqduna bħala lsiera?”  Għalhekk, lesta l-karrijiet tal-gwerra, u ħa miegħu lin-nies tiegħu.  Hu ħa l-aqwa 600 karru u l-karrijiet l-oħrajn kollha tal-Eġittu bil-gwerriera fuqhom.  B’hekk, Ġeħova ħalla lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, iwebbes rasu, u dan telaq għal wara l-Iżraelin, waqt li dawn kienu ħerġin bla biżaʼ.*  L-Eġizzjani telqu għal warajhom, u ż-żwiemel bil-karrijiet kollha tal-Fargħun u s-suldati tal-kavallerija tiegħu u l-armata tiegħu kważi waslu ħdejhom waqt li kienu kkampjati ħdejn il-baħar, ħdejn Piħaħirot, faċċata taʼ Bagħal-sefon. 10  Meta l-Fargħun resaq qrib, l-Iżraelin raw l-Eġizzjani ġejjin għalihom. L-Iżraelin twerwru u bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna. 11  Huma staqsew lil Mosè: “Jaqaw m’hemmx post fejn nindifnu fl-Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-deżert? Għala għamiltilna hekk u ħriġtna mill-Eġittu? 12  Aħna għednielek biex tħallina bi kwietna ħalli naqdu lill-Eġizzjani. Għax aħjar naqdu lilhom milli mmutu fid-deżert.” 13  Imbagħad Mosè qal lin-nies: “Tibżgħux. Kunu kuraġġużi u araw kif Ġeħova se jsalvakom illum. Għax l-Eġizzjani li qed taraw illum, qatt iktar ma terġgħu tarawhom. 14  Ġeħova stess se jiġġieled għalikom, u intom tibqgħu kwieti.” 15  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għala tibqaʼ tgħajjatli għall-għajnuna? Għid lill-Iżraelin biex iżarmaw il-kampijiet u jitilqu. 16  U int, aqbad il-bastun tiegħek u oħroġ idek lejn il-baħar u l-baħar jinqasam ħalli l-Iżraelin jgħaddu minn nofsu fuq art niexfa. 17  U jien qed inħalli lill-Eġizzjani jwebbsu rashom sabiex imorru warajhom. B’hekk, nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun u l-armata kollha tiegħu, jiġifieri l-karrijiet tal-gwerra u s-suldati tal-kavallerija tiegħu. 18  U l-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova meta nigglorifika lili nnifsi permezz tal-Fargħun, tal-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u tas-suldati tal-kavallerija tiegħu.” 19  Imbagħad l-anġlu tal-Alla l-veru li kien qed jimxi quddiem l-Iżraelin telaq u mar warajhom, u l-kolonna tas-sħab li kienet quddiemhom resqet u qagħdet warajhom. 20  B’hekk, ġiet bejn l-Eġizzjani u l-Iżraelin. Fuq naħa, is-sħaba kienet imdallma, u fuq in-naħa l-oħra, kienet qed iddawwal il-lejl. U l-Eġizzjani ma resqux qrib l-Iżraelin il-lejl kollu. 21  Mosè issa ħareġ idu lejn il-baħar, u Ġeħova bagħat riħ qawwi mil-Lvant il-lejl kollu, u b’hekk l-ilmijiet inqasmu u qiegħ il-baħar ġie art niexfa. 22  Għalhekk, l-Iżraelin għaddew minn nofs il-baħar fuq art niexfa, waqt li l-ilmijiet ifformaw ħajt fuq il-lemin u fuq ix-xellug. 23  L-Eġizzjani telqu jiġru għal warajhom, u ż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u s-suldati tal-kavallerija tiegħu marru warajhom f’nofs il-baħar. 24  Matul l-għassa taʼ filgħodu,* Ġeħova ħares lejn l-Eġizzjani minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħab, u tefagħhom f’konfużjoni. 25  Hu beda jaqlgħalhom ir-roti minn mal-karrijiet, u b’hekk bdew isuquhom bit-tbatija. U l-Eġizzjani bdew jgħidu: “Ejja naħarbu mill-Iżraelin, għax Ġeħova qed jiġġieled għalihom kontrina.” 26  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Oħroġ idek lejn il-baħar ħalli l-ilmijiet jerġgħu lura għal fuq l-Eġizzjani, fuq il-karrijiet tal-gwerra tagħhom, u fuq is-suldati tal-kavallerija tagħhom.” 27  Mosè minnufih ħareġ idu lejn il-baħar, u malli kien se jisbaħ, il-baħar ġie lura għan-normal. Hekk kif l-Eġizzjani kienu qed jaħarbu minnu, Ġeħova kaxkarhom f’nofs il-baħar. 28  L-ilmijiet li ġew lura għattew il-karrijiet tal-gwerra, is-suldati tal-kavallerija, u l-armata kollha tal-Fargħun li kienu marru fil-baħar għal warajhom. Lanqas wieħed minnhom ma baqaʼ ħaj. 29  Iżda l-Iżraelin imxew fuq art niexfa f’nofs qiegħ il-baħar, u l-ilmijiet ifformaw ħajt fuq il-lemin u fuq ix-xellug. 30  B’hekk, dakinhar Ġeħova salva lil Iżrael minn taħt idejn l-Eġizzjani, u l-Iżraelin raw lill-Eġizzjani mejtin fuq xatt il-baħar. 31  Huma raw ukoll il-qawwa* kbira li Ġeħova uża kontra l-Eġizzjani, u n-nies bdew jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova u jpoġġu l-fidi f’Ġeħova u fil-qaddej tiegħu Mosè.

Noti taʼ taħt

Letteralment “iwebbes qalbu.”
Letteralment “b’idhom merfugħa.”
Jiġifieri madwar is-2 a.m. sas-6 a.m.
Letteralment “l-id.”
Letteralment “jibżgħu minn.”