Eżekjel 40:1-49
40 Fis-sena ħamsa u għoxrin taʼ l-eżilju tagħna,+ fil-bidu tas-sena, fl-għaxar jum tax-xahar, fis-sena erbatax wara li l-belt kienet waqgħet,+ f’dik il-ġurnata stess id Ġeħova ġiet fuqi,+ biex hekk hu ħadni f’dak il-post.+
2 Fil-viżjonijiet t’Alla ħadni fl-art taʼ Israel u niżżilni fuq muntanja għolja ħafna,+ li fuqha kien hemm bħal struttura taʼ belt lejn in-nofsinhar.+
3 U ħadni hemmhekk fejn kien hemm raġel li kien jidher qisu tar-ram aħmar,+ u kellu ħabel tal-kittien f’idu, u qasba tal-kejl,+ u kien wieqaf fil-bieb.
4 U r-raġel beda jkellimni u jgħidli: “Bin il-bniedem,+ ara b’għajnejk, u ismaʼ b’widnejk, u kun moħħok f’kulma se nurik, għax biex nurik int inġibt hawnhekk. Għid lil dar Israel b’kulma qed tara.”+
5 U kien hemm ħajt fuq barra tad-dar, dawramejt magħha. U f’id ir-raġel kien hemm qasba tal-kejl twila sitt kubiti, li kull kubitu huwa kubitu u wisaʼ taʼ id.* U beda jkejjel il-ħxuna tal-ħajt, qasba waħda; u l-għoli, qasba waħda.
6 Imbagħad wasal ħdejn il-bieb, li n-naħa taʼ quddiem tiegħu tħares lejn il-lvant,+ u telaʼ mit-taraġ. U beda jkejjel l-għatba tal-bieb,+ wiesgħa qasba, u l-għatba l-oħra, wiesgħa qasba.
7 U l-kamra taʼ l-għassa kienet twila qasba u wiesgħa qasba, u bejn il-kmamar taʼ l-għassa+ kien hemm ħames kubiti; u l-għatba tal-bieb ħdejn il-loġġa tal-bieb lejn in-naħa taʼ ġewwa kienet qasba.
8 U beda jkejjel il-loġġa tal-bieb lejn in-naħa taʼ ġewwa, u l-qjies tagħha kien qasba.+
9 U kejjel il-loġġa tal-bieb, tmien kubiti; u l-pilastri tagħha tal-ġenb, żewġ kubiti; u l-loġġa tal-bieb kienet lejn in-naħa taʼ ġewwa.
10 U l-kmamar taʼ l-għassa tal-bieb li jħares lejn il-lvant kienu tlieta fuq naħa u tlieta fuq in-naħa l-oħra. It-tlieta li huma kienu ndaqs, u l-pilastri tal-ġenb kienu ndaqs, fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra.
11 Imbagħad kejjel il-wisaʼ tad-daħla tal-bieb, għaxar kubiti; il-wisaʼ tal-bieb kienet tlettax-il kubitu.
12 U l-ispazju magħluq b’ċint quddiem il-kmamar taʼ l-għassa kien kubitu, u kien hemm spazju magħluq b’ċint taʼ kubitu fuq iż-żewġ naħat. U l-kamra taʼ l-għassa kienet sitt kubiti fuq naħa u sitt kubiti fuq in-naħa l-oħra.
13 U mar ikejjel il-bieb mis-saqaf taʼ kamra taʼ l-għassa waħda sas-saqaf taʼ l-oħra, wisaʼ taʼ ħamsa u għoxrin kubitu;+ id-daħla taʼ waħda kienet faċċata tad-daħla taʼ l-oħra.
14 Imbagħad stabbilixxa li l-pilastri tal-ġenb kienu sittin kubitu, kif ukoll il-pilastri tal-ġenb fil-bibien dawramejt mal-bitħa.
15 U min-naħa taʼ quddiem tal-bieb san-naħa taʼ quddiem tal-loġġa tad-daħla taʼ ġewwa kien hemm ħamsin kubitu.
16 U l-kmamar taʼ l-għassa u l-pilastri tagħhom tal-ġenb kellhom twieqi b’fetħa li tidjieq+ u li jħarsu lejn in-naħa taʼ ġewwa tal-bieb mad-dawra kollha, u hekk ukoll kellhom il-loġoġ. U t-twieqi kienu mad-dawra kollha jħarsu ’l ġewwa, u mal-pilastri tal-ġenb kien hemm tinqix taʼ siġar tal-palm.+
17 U ħadni lejn il-bitħa taʼ barra fejn kien hemm il-kmamar taʼ l-ikel,+ u mad-dawra kollha tal-bitħa kien hemm paviment. Kien hemm tletin kamra taʼ l-ikel fuq il-paviment.+
18 U l-paviment—il-paviment taʼ taħt—maġenb il-bibien kien twil eżatt daqs il-bibien.
19 U hu kejjel il-wisaʼ minn quddiem il-bieb taʼ taħt san-naħa taʼ quddiem tal-bitħa taʼ ġewwa. Barra kien mitt kubitu, u l-wisaʼ mill-bieb tal-lvant u mill-bieb tat-tramuntana kienet l-istess.
20 U l-bitħa taʼ barra kellha bieb li n-naħa taʼ quddiem tiegħu kienet tħares lejn it-tramuntana. U hu kejjillu t-tul u l-wisaʼ tiegħu.
21 U kellu tliet kmamar taʼ l-għassa fuq naħa u tlieta fuq in-naħa l-oħra. U l-qisien tal-pilastri tal-ġenb u l-loġġa tiegħu kienu daqs taʼ l-ewwel bieb. Kien twil ħamsin kubitu, u wiesaʼ ħamsa u għoxrin kubitu.
22 U t-twieqi u l-loġġa u t-tinqix taʼ siġar tal-palm+ tiegħu kienu daqs dawk tal-bieb li n-naħa taʼ quddiem tiegħu kienet tħares lejn il-lvant. U n-nies setgħu jitilgħu għalih b’sebaʼ tarġiet, u l-loġġa tiegħu kienet quddiem it-taraġ.
23 U l-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa kien faċċata tal-bieb lejn it-tramuntana; hekk ukoll kien fil-każ taʼ dak li kien iħares lejn il-lvant. U minn bieb sa bieb kejjel mitt kubitu.
24 U ħadni lejn in-nofsinhar fejn kien hemm bieb iħares lejn in-nofsinhar,+ u kejjel il-pilastri tal-ġenb u l-loġġa tiegħu u l-qisien tagħhom kienu daqs tal-bibien l-oħrajn.
25 U l-bieb u l-loġġa tiegħu kellhom it-twieqi mad-dawra kollha, bħat-twieqi l-oħrajn. Kien twil ħamsin kubitu, u wiesaʼ ħamsa u għoxrin kubitu.
26 U kien hemm sebaʼ tarġiet biex titlaʼ għalih,+ u l-loġġa tiegħu kienet quddiem it-taraġ. U kien hemm tinqix taʼ siġar tal-palm, fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra mal-pilastri tal-ġenb.
27 U l-bitħa taʼ ġewwa kellha bieb iħares lejn in-nofsinhar. U mill-bieb sal-bieb l-ieħor lejn in-nofsinhar hu kejjel mitt kubitu.
28 U ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa mill-bieb tan-nofsinhar. U kejjel il-bieb tan-nofsinhar u l-qisien tiegħu kienu daqs taʼ l-oħrajn.
29 U l-qisien tal-kmamar taʼ l-għassa u l-pilastri tal-ġenb u l-loġġa tiegħu kienu daqs tal-bibien l-oħrajn. U l-bieb u l-loġġa tiegħu kellhom it-twieqi mad-dawra kollha. Kien twil ħamsin kubitu, u wiesaʼ ħamsa u għoxrin kubitu.+
30 U kien hemm loġoġ dawramejt; it-tul kien ħamsa u għoxrin kubitu, u l-wisaʼ ħames kubiti.
31 U l-loġġa tiegħu kienet tħares lejn il-bitħa taʼ barra, u mal-pilastri tal-ġenb kien hemm tinqix taʼ siġar tal-palm,+ u kien hemm tmien tarġiet+ biex titlaʼ għalih.
32 U ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa min-naħa tal-lvant, u kejjel il-bieb u kien daqs l-oħrajn.
33 U l-qisien tal-kmamar taʼ l-għassa u l-pilastri tal-ġenb u l-loġġa tiegħu kienu daqs taʼ l-oħrajn, u l-bieb u l-loġġa tiegħu kellhom it-twieqi mad-dawra kollha. It-tul kien ħamsin kubitu, u l-wisaʼ ħamsa u għoxrin kubitu.
34 U l-loġġa tiegħu kienet tħares lejn il-bitħa taʼ barra, u mal-pilastri tal-ġenb kien hemm tinqix taʼ siġar tal-palm fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra. U kien hemm tmien tarġiet biex titlaʼ għalih.
35 U ħadni fil-bieb tat-tramuntana,+ u beda jkejjel, u kien daqs l-oħrajn,+
36 bil-kmamar taʼ l-għassa tiegħu, il-pilastri tiegħu tal-ġenb u l-loġġa tiegħu. U kellu t-twieqi mad-dawra kollha. It-tul kien ħamsin kubitu, u l-wisaʼ ħamsa u għoxrin kubitu.
37 U l-pilastri tiegħu tal-ġenb kienu jħarsu lejn il-bitħa taʼ barra, u kien hemm tinqix taʼ siġar tal-palm mal-pilastri tiegħu tal-ġenb fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra.+ U kien hemm tmien tarġiet biex titlaʼ għalih.
38 U ħdejn il-pilastri tal-ġenb tal-bibien kien hemm kamra taʼ l-ikel bid-daħla tagħha. Hemmhekk kienu jlaħalħu l-offerta sħiħa tal-ħruq.+
39 U fil-loġġa tal-bieb kien hemm żewġ imwejjed fuq naħa u żewġ imwejjed fuq in-naħa l-oħra, biex fuqhom joqtlu l-offerta sħiħa tal-ħruq+ u l-offerta għad-dnub+ u l-offerta għall-ħtija.+
40 Fuq barra, int u tielaʼ lejn id-daħla tal-bieb tat-tramuntana, kien hemm żewġ imwejjed. U fuq in-naħa l-oħra tal-loġġa tal-bieb kien hemm żewġ imwejjed.
41 Kien hemm erbaʼ mwejjed lil hawn u erbaʼ mwejjed lil hemm ħdejn il-bieb—tmien imwejjed, li fuqhom kienet issir il-qatla.
42 U l-erbaʼ mwejjed għall-offerta sħiħa tal-ħruq kienu tal-ġebel minġur. It-tul kien kubitu u nofs, u l-wisaʼ kubitu u nofs, u l-għoli kubitu. Fuqhom kienu jqiegħdu wkoll l-għodod li bihom kienu joqtlu l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċju.
43 U l-ixkafef biex iħallu l-affarijiet fuqhom kienu wisaʼ taʼ id, imwaħħlin sew fuq ġewwa, dawramejt; u fuq l-imwejjed kienu jqiegħdu l-laħam taʼ l-offerta li ssir bħala għotja.+
44 U fuq in-naħa taʼ barra tal-bieb taʼ ġewwa kien hemm il-kmamar taʼ l-ikel taʼ l-għannejja,+ fil-bitħa taʼ ġewwa, maġenb il-bieb tat-tramuntana. U n-naħa taʼ quddiem tagħhom kienet tħares lejn in-nofsinhar. Kien hemm ukoll kamra taʼ l-ikel maġenb il-bieb tal-lvant li n-naħa taʼ quddiem tagħha kienet tħares lejn it-tramuntana.
45 U kellimni u qalli: “Din, il-kamra taʼ l-ikel li n-naħa taʼ quddiem tagħha tħares lejn in-nofsinhar, hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb l-obbligu tad-dar.+
46 U l-kamra taʼ l-ikel li n-naħa taʼ quddiem tagħha tħares lejn it-tramuntana hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb l-obbligu taʼ l-artal.+ Dawn huma wlied Sadok,+ minn ulied Levi, li jersqu lejn Ġeħova biex jaqduh.”+
47 U kejjel il-bitħa taʼ ġewwa. It-tul kien mitt kubitu, u l-wisaʼ mitt kubitu, u b’hekk kienet kwadra. U l-artal kien quddiem id-dar.
48 U ħadni fil-loġġa tad-dar,+ u beda jkejjel il-pilastru tal-ġenb tal-loġġa, ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti fuq in-naħa l-oħra. U l-wisaʼ tal-bieb kienet tliet kubiti fuq naħa u tliet kubiti fuq in-naħa l-oħra.
49 Il-loġġa kienet twila għoxrin kubitu, u wiesgħa ħdax-il kubitu. U kienu jitilgħu għaliha bit-taraġ. U kien hemm il-kolonni ħdejn il-pilastri tal-ġenb, waħda naħa u waħda n-naħa l-oħra.+
Noti taʼ taħt
^ Kubitu taʼ 44.5 ċentimetru u wisaʼ taʼ id taʼ 7.4 ċentimetri kienu jammontaw għal madwar 51.8 ċentimetru u kienu jirrappreżentaw il-kubitu t-twil. Għalhekk, “qasba tal-kejl twila sitt kubiti” kienet 3.11 metri.