Eżekjel 32:1-32
32 U ġara fis-sena tnax, fit-tnax-il xahar, fl-ewwel jum tax-xahar, li l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid:
2 “Bin il-bniedem, għanni għanja taʼ niket dwar il-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, u għidlu, ‘Kont bħal iljun b’saħħtu fost il-ġnus imma ġejt imsikket.+
“‘U kont bħall-mostru tal-baħar fl-ibħra,+ toħroġ tiġri fix-xmajjar tiegħek u ddardar l-ilmijiet b’saqajk u tniġġes ix-xmajjar tagħhom.’
3 “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Nifrex fuqek ix-xibka tiegħi+ permezz taʼ ġemgħa taʼ ħafna popli, u huma jaqbduk fix-xibka kbira tiegħi.+
4 U nitilqek fuq l-art. U nwaddbek fuq wiċċ ir-rabaʼ.+ U nġiegħel il-ħlejjaq kollha li jtiru fis-smewwiet jgħixu minn fuqek, u bik inxebbaʼ l-bhejjem salvaġġi taʼ l-art kollha.+
5 U nitfaʼ laħmek fuq il-muntanji u nimla l-widien bl-iskart li jifdal minnek.+
6 U nġiegħel l-art tixrob dak li joħroġ minnek, demmek,+ fuq il-muntanji; u n-nixxigħat jimtlew bik.’
7 “‘U meta nitfik, ngħatti s-smewwiet u ndallam il-kwiekeb tagħhom. U ngħatti x-xemx bis-sħab, u l-qamar ma jħallix id-dawl tiegħu jiddi.+
8 Id-dawwala kollha fis-smewwiet indallamhom minħabba fik, u nġib dalma fuq pajjiżek,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
9 “‘U noffendi l-qalb taʼ ħafna popli meta nieħu lill-imjassrin tiegħek fost il-ġnus lejn pajjiżi li ma kontx taf bihom.+
10 U nġiegħel ħafna popli jibqgħu miblugħin bil-biżaʼ minħabba fik,+ u s-slaten tagħhom jitkexkxu minħabba fik meta nxejjer is-sejf tiegħi f’wiċċhom,+ u f’jum il-waqgħa tiegħek se jitriegħdu bla waqfien bil-biżaʼ li jitilfu ħajjithom.’+
11 “Għax hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Is-sejf tas-sultan taʼ Babilonja jiġi fuqek.+
12 U l-kotra tiegħek inwaqqagħha bis-sjuf tas-setgħanin, it-tiranni tal-ġnus, ilkoll kemm huma;+ u huma jħarbtu l-kburija taʼ l-art taʼ l-Eġittu, u l-kotra kollha tagħha tinqered għalkollox.+
13 U neqred l-annimali domestiċi kollha tagħha minn ħdejn il-ħafna ilmijiet,+ u saqajn il-bniedem ma jdardruhomx iktar,+ u lanqas saqajn l-annimali domestiċi ma jdardruhom.’
14 “‘Dak iż-żmien niċċara ilmijiethom, u x-xmajjar tagħhom nagħmilhom jiġru bħaż-żejt,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
15 “‘Meta nagħmel l-art taʼ l-Eġittu art abbandunata u mbattla minn kollox,+ meta noqtol lill-abitanti kollha tagħha, huma wkoll se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.+
16 “‘Din hi għanja taʼ niket, u n-nies se jkantawha. Anki l-bniet tal-ġnus se jkantawha; se jkantawha għall-Eġittu u l-kotra kollha tiegħu,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”
17 U ġara li fis-sena tnax, fil-ħmistax-il jum tax-xahar, il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid:
18 “Bin il-bniedem, ibki għall-kotra taʼ l-art taʼ l-Eġittu u ddikjara li se titniżżel,+ hi u l-bniet tal-ġnus maestużi, fl-art taʼ taħt,+ maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.+
19 “‘Minn min int iktar ħelu?+ Inżel u mtedd maʼ dawk mhux ċirkonċiżi!’+
20 “‘Fost dawk maqtulin bis-sejf se jaqgħu.+ L-art taʼ l-Eġittu ngħatat lis-sejf. Ħuduha u kaxkruha ’l hemm mal-kotriet kollha tagħha.
21 “‘L-iktar nies importanti fost is-setgħanin se jitkellmu mal-Fargħun minn nofs il-Qabar,* u maʼ dawk li jgħinuh.+ Huma se jinżlu;+ se jimteddu bħal dawk mhux ċirkonċiżi, maqtulin bis-sejf.
22 Hemmhekk qegħdin l-Assirja u l-ġemgħa kollha tagħha.+ Il-postijiet tagħha għad-dfin qegħdin madwar is-sultan tagħha.* Ilkoll kemm huma maqtulin, waqgħu bis-sejf.+
23 Għax il-postijiet tagħha għad-dfin tpoġġew fil-qiegħ taʼ ħofra,+ u l-ġemgħa tagħha hi mdawra maʼ qabarha, ilkoll kemm huma maqtulin, waqgħu bis-sejf, għax kienu ġabu t-twerwir fl-art tal-ħajjin.
24 “‘Hemmhekk qiegħda l-art t’Għelam+ bil-ġemgħa kollha tagħha madwar qabarha, ilkoll kemm huma maqtulin, waqgħu bis-sejf, li niżlu mhux ċirkonċiżi fl-art taʼ taħt, dawk li ġabu t-twerwir fl-art tal-ħajjin; u huma se jġorru l-umiljazzjoni tagħhom flimkien maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.+
25 Lestewlha sodda qalb il-maqtulin+ fost il-ġemgħa kollha tagħha. Il-postijiet tagħha għad-dfin huma madwarha. Ħadd minnhom m’hu ċirkonċiż, ilkoll maqtulin bis-sejf,+ għax ġabu t-twerwir fl-art tal-ħajjin, u se jġorru l-umiljazzjoni tagħhom flimkien maʼ dawk li neżlin fil-ħofra. Fost il-maqtulin tqiegħdet.
26 “‘Hemmhekk qiegħda l-art taʼ Mesek+ u Tubal+ u l-ġemgħa kollha tagħha. Il-postijiet tagħha għad-dfin huma madwar is-sultan tagħha. Ħadd minnhom m’hu ċirkonċiż, ilkoll minfudin bis-sejf, għax ġabu t-twerwir fl-art tal-ħajjin.
27 U m’humiex dawn se jimteddu mas-setgħanin+ li waqgħu minn fost dawk mhux ċirkonċiżi, li niżlu fil-Qabar bl-armi tagħhom tal-gwerra? U jagħmlulhom sjufhom taħt rashom, u l-iżbalji tagħhom ikunu fuq għadamhom,+ għax is-setgħanin ġabu t-twerwir fl-art tal-ħajjin.+
28 U int se titkisser fost dawk mhux ċirkonċiżi, u timtedd maʼ dawk maqtulin bis-sejf.
29 “‘Hemmhekk qiegħda l-art t’Edom,+ is-slaten tagħha, u l-kapijiet ewlenin kollha tagħha, li, bis-setgħa kollha tagħhom, tqiegħdu maʼ dawk maqtulin bis-sejf;+ huma se jimteddu maʼ dawk mhux ċirkonċiżi+ u maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.
30 “‘Hemmhekk qegħdin id-duki tat-tramuntana, ilkoll kemm huma, u s-Sidonin,+ li niżlu mimlijin mistħija mal-maqtulin, minkejja t-twerwir li qanqlet is-setgħa tagħhom. U jimteddu bla ċirkonċiżjoni maʼ dawk maqtulin bis-sejf u jġorru l-umiljazzjoni tagħhom maʼ dawk li neżlin fil-ħofra.+
31 “‘Lil dawn se jara l-Fargħun, u hu se jitfarraġ minħabba l-ġemgħa kollha tiegħu.+ Il-Fargħun u l-qawwa militari kollha tiegħu jinqatlu bis-sejf,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.
32 “‘Għax hu ġab it-twerwir fl-art tal-ħajjin+ u se jkollu jimtedd fost dawk mhux ċirkonċiżi, maʼ dawk maqtulin bis-sejf, iva, il-Fargħun u l-ġemgħa kollha tiegħu,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”
Noti taʼ taħt
^ Bl-Ebrajk, “Xeol.” F’vers 27 ukoll.
^ Letteralment, “il-postijiet tad-dfin tiegħu qegħdin madwaru.” “Il-postijiet tad-dfin tiegħu” milli jidher jirreferu għall-postijiet tad-dfin tas-sudditi tas-sultan Assirjan.