Eżekjel 19:1-14
19 “U int, semmaʼ għanja taʼ niket+ dwar il-kapijiet ewlenin taʼ Israel,+
2 u għid, ‘Ommok x’kienet? Iljunessa fost l-iljuni.+ Imteddet fost l-iljuni b’saħħithom. Rabbiet il-frieħ tagħha.
3 “‘U bil-mod il-mod rawmet wieħed mill-frieħ tagħha.+ Dan sar iljun b’saħħtu, u beda jitgħallem kif itertaq il-priża.+ Saħansitra belaʼ lill-bnedmin.
4 U l-ġnus komplew jisimgħu dwaru. Hu nqabad fil-ħofra tagħhom, u tellgħuh bil-ganċijiet lejn l-art taʼ l-Eġittu.+
5 “‘Meta rat li kienet stenniet u t-tama tagħha sfat fix-xejn, ħadet ieħor mill-frieħ tagħha+ u għamlitu ljun b’saħħtu.
6 U beda jimxi qalb l-iljuni. Iljun b’saħħtu sar. U bil-mod il-mod tgħallem kif itertaq il-priża.+ Saħansitra belaʼ lill-bnedmin.+
7 U sar midħla tat-torrijiet mgħammrin tagħhom, u ħarbat il-bliet tagħhom,+ u għalhekk l-art tħalliet abbandunata u mlieha bil-ħoss taʼ l-għajta tiegħu.+
8 U l-ġnus mill-provinċji taʼ dawk l-inħawi daru kontrih+ u firxu x-xibka tagħhom fuqu.+ Inqabad fil-ħofra tagħhom.+
9 Fl-aħħar qegħduh fil-gaġġa permezz tal-ganċijiet u ġabuh għand is-sultan taʼ Babilonja.+ Ġabuh permezz tax-xbieki tal-kaċċa, sabiex leħnu ma jinstemax iżjed fuq il-muntanji taʼ Israel.+
10 “‘Ommok+ kienet bħal dielja f’demmek,+ imħawla ħdejn l-ilmijiet. Kellha l-frott u mtliet bil-friegħi minħabba l-abbundanza taʼ l-ilma.+
11 U sarulha bsaten b’saħħithom, tajbin għax-xettri taʼ ħakkiema.+ U bil-mod il-mod għoliet fuq il-friegħi, u bdiet tidher minħabba t-tul tagħha, għax kellha ħafna friegħi u weraq.+
12 Imma fl-aħħar ġiet imqaċċta b’rabja qalila.+ Twaddbet maʼ l-art, u riħ mil-lvant nixxfilha frottha.+ Il-bastun b’saħħtu tagħha nkiser u nixef.+ Belgħu n-nar.+
13 U issa mħawla fix-xagħri,+ f’art bla ilma u għatxana.+
14 U mill-bastun tagħha ħareġ nar.+ Dan belaʼ r-rimjiet tagħha, il-frott tagħha, u ma baqgħalha ebda bastun b’saħħtu, ebda xettru għall-ħakma.+
“‘Din hi għanja taʼ niket, u se tkun għanja taʼ niket.’”+