It-Tieni Ktieb tas-Slaten 8:1-29
8 Eliżew qal lill-mara li kien irxoxta* lil binha: “Mur mal-familja tiegħek u għix bħala barranija fejn tistaʼ, għax Ġeħova ddikjara li se jkun hawn il-ġuħ fil-pajjiż u se jdum sebaʼ snin.”
2 Għalhekk, il-mara għamlet bħalma qalilha l-qaddej tal-Alla l-veru. Hi telqet mal-familja tagħha u għexet sebaʼ snin fl-art tal-Filistin.
3 Meta għaddew sebaʼ snin, il-mara reġgħet lura mill-art tal-Filistin u marret titlob lir-re biex jagħtiha d-dar u l-għalqa tagħha.
4 Issa r-re kien qed ikellem lil Geħażi, il-qaddej t’Eliżew, u qallu: “Jekk jogħġbok, għidli l-affarijiet kbar kollha li għamel Eliżew.”
5 Waqt li kien qed jirrakkonta lir-re kif Eliżew irxoxta lill-mejjet, omm it-tifel li ġie rxoxtat waslet għand ir-re, u talbitu biex jagħtiha d-dar u l-għalqa tagħha. Fil-pront Geħażi qal: “Sidi r-re, din hi l-mara, u dan hu binha li Eliżew irxoxta.”
6 Malli semaʼ hekk, ir-re staqsa lill-mara dwar dan, u hi rrakkontatlu l-istorja. Imbagħad ir-re għajjat lil uffiċjal tal-palazz u qallu: “Erġaʼ agħtiha dak kollu li hu tagħha u l-prodott kollu tal-għalqa minn dakinhar li telqet mill-pajjiż s’issa.”
7 Meta Eliżew mar Damasku, Ben-ħadad ir-re tas-Sirja kien marid. Għalhekk tawh l-aħbar: “Il-qaddej tal-Alla l-veru ġie hawnhekk.”
8 U r-re qal lil Ħażagħel: “Ħu rigal miegħek u mur iltaqaʼ mal-qaddej tal-Alla l-veru. Għidlu jistaqsi lil Ġeħova jekk hux se nirkupra minn din il-marda.”
9 Ħażagħel mar jiltaqaʼ miegħu u ħadlu kull xorta taʼ ħaġa tajba minn Damasku, daqs it-tagħbija taʼ 40 ġemel. Hu wasal u qagħad quddiemu u qallu: “Il-qaddej tiegħek,* Ben-ħadad ir-re tas-Sirja, bagħatni għandek biex nistaqsik jekk hux se jirkupra mill-marda tiegħu.’”
10 Eliżew wieġbu: “Mur għidlu, ‘Se tirkupra żgur,’ imma Ġeħova wrieni li se jmut żgur.”
11 U baqaʼ jħares lejh tant li Ħażagħel ħassu imbarazzat. Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru nfaqaʼ jibki.
12 Ħażagħel staqsa: “Sidi għalfejn qed tibki?” Wieġbu: “Għax naf xi ħsara se tagħmel lill-poplu t’Iżrael. Il-postijiet iffortifikati tagħhom se tagħtihom in-nar, l-aqwa rġiel tagħhom se toqtolhom bix-xabla, lit-tfal tagħhom toqtolhom b’mod vjolenti, u lin-nisa tqal tagħhom iċċarrtilhom żaqqhom.”
13 Ħażagħel qal: “Sidi, kif nistaʼ nagħmel dan, meta jien ikkunsidrat bħala sempliċi kelb?” Imma Eliżew qal: “Ġeħova wrieni li int se tkun re fuq is-Sirja.”
14 Imbagħad telaq minn ħdejn Eliżew u mar għand sidu li qallu: “X’qallek Eliżew?” Hu wieġbu: “Qalli li se tirkupra żgur.”
15 Imma l-għada, Ħażagħel qabad kutra, xarrabha bl-ilma, u żammha* fuq wiċċ ir-re sakemm miet. U Ħażagħel sar re minfloku.
16 Fil-ħames sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab ir-re t’Iżrael, Ġeħoram bin Ġeħosafat sar re taʼ Ġuda waqt li missieru kien għadu jmexxi hemm.
17 Hu kellu 32 sena meta sar re, u mexxa tmien snin f’Ġerusalemm.
18 Hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, bħalma għamlu dawk taʼ dar Aħab, għax kien iżżewweġ lil bint Aħab. Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.
19 Imma Ġeħova ma riedx jeqred lil Ġuda, għax lil David il-qaddej tiegħu kien wiegħdu li jħalli lil dawk li jiġu minnu jmexxu* għal dejjem.
20 Fi żmien Ġeħoram, l-Edomin irribellaw kontra Ġuda u għażlu re fuqhom.
21 Għalhekk, Ġeħoram mar Sagħir bil-karrijiet kollha tiegħu, u qam billejl u rebaħ lill-Edomin li kienu dawru lilu u lill-kapijiet tal-karrijiet. U s-suldati ħarbu lejn it-tined tagħhom.
22 Imma l-Edomin baqgħu jirribellaw kontra Ġuda sal-lum. Anki n-nies taʼ Libna rribellaw f’dak iż-żmien.
23 U l-bqija tal-istorja taʼ Ġeħoram u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda.
24 Imbagħad Ġeħoram miet* u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. U ibnu Aħażija sar re minfloku.
25 Aħażija bin Ġeħoram ir-re taʼ Ġuda sar re fit-12-il sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab ir-re t’Iżrael.
26 Aħażija kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għatalija li nannuha kien* ir-Re Għomri t’Iżrael.
27 Hu aġixxa bħal dawk taʼ dar Aħab u kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova bħalhom, għax missieru kien miżżewweġ mara mid-dar t’Aħab.
28 Għalhekk, mar maʼ Ġeħoram bin Aħab għall-gwerra kontra Ħażagħel ir-re tas-Sirja f’Ramot-gilegħad, imma s-Sirjani weġġgħu serjament lil Ġeħoram.
29 Għalhekk, ir-Re Ġeħoram reġaʼ lura Ġeżragħel biex jirkupra mill-feriti li għamlulu s-Sirjani f’Rama meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja. Aħażija bin Ġeħoram ir-re taʼ Ġuda mar jara lil Ġeħoram bin Aħab f’Ġeżragħel, għax kien imweġġaʼ serjament.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “ta l-ħajja mill-ġdid.”
^ Letteralment “Ibnek.”
^ Jew “poġġieha.”
^ Letteralment “li se jagħtih lampa.”
^ Letteralment “imtedd maʼ missirijietu.”
^ Letteralment “it-tifla taʼ.”
^ Jew “marid.”