It-Tieni Ktieb tas-Slaten 5:1-27
5 Issa Nagħman, il-kap tal-armata tar-re tas-Sirja, kien raġel importanti u stmat minn sidu, għax kien permezz tiegħu li Ġeħova ta rebħa* lis-Sirja. Hu kien gwerrier b’saħħtu, għalkemm kellu l-ġdiem.*
2 Darba minnhom, is-Sirjani attakkaw l-art t’Iżrael u ħadu tifla żgħira bħala lsira u din saret qaddejja taʼ mart Nagħman.
3 Hi qalet lil mart Nagħman: “Li kieku sidi jmur għand il-profeta fis-Samarija, hu jfejqu mill-ġdiem.”
4 Għalhekk, hu* mar u qal lil sidu r-re x’qalet it-tifla minn Iżrael.
5 Imbagħad ir-re tas-Sirja qal lil Nagħman: “Mur issa! U jien ħa nibgħat ittra lir-re t’Iżrael.” Għalhekk, mar u ħa miegħu għaxar talenti* fidda, 6,000 biċċa tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ.
6 Hu ta l-ittra lir-re t’Iżrael, li kienet tgħid: “Maʼ din l-ittra qed nibgħatlek il-qaddej tiegħi Nagħman sabiex tfejqu mill-ġdiem.”
7 Malli r-re t’Iżrael qara l-ittra, hu ċarrat ħwejġu u qal: “Jaqaw jien Alla, biex nagħti l-mewt lil xi ħadd jew inżommu ħaj? Għala qed jibgħatli lil dan ir-raġel u jgħidli biex infejqu mill-ġdiem? Anki intom tistgħu taraw li jrid jaqlaʼ l-ġlied miegħi!”
8 Imma meta Eliżew, il-qaddej tal-Alla l-veru, semaʼ li r-re t’Iżrael kien ċarrat ħwejġu, hu mill-ewwel bagħat jgħidlu: “Għala ċarratt ħwejġek? Jekk jogħġbok, ħallih jiġi għandi sabiex ikun jaf li hawn profeta f’Iżrael.”
9 Għalhekk, Nagħman mar biż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tiegħu u qagħad fid-daħla tad-dar t’Eliżew.
10 Madankollu, Eliżew bagħat messaġġier biex jgħidlu: “Mur ogħdos sebaʼ darbiet fil-Ġordan u l-ġilda tiegħek terġaʼ tiġi kif kienet, u tkun nadif.”
11 Minħabba f’hekk, Nagħman irrabja ħafna u telaq ’l hemm waqt li qal: “F’qalbi għedt, ‘Hu jiġi jiltaqaʼ miegħi u jieqaf hawn u jgħajjat isem Ġeħova l-Alla tiegħu, waqt li jċaqlaq idu ’l quddiem u lura fuq il-ġdiem biex ifejjaqni.’
12 Mhumiex l-Abana u l-Farfar, ix-xmajjar taʼ Damasku, aħjar mill-ilmijiet kollha t’Iżrael? Ma nistax nogħdos fihom u nindaf?” U dar u telaq irrabjat.
13 Issa l-qaddejja tiegħu resqu lejh u qalu: “Missieri, li kieku l-profeta qallek biex tagħmel xi ħaġa diffiċli, ma kontx tagħmilha? Mela kemm iktar la kulma qallek hu biex togħdos u tindaf?”
14 Għalhekk, niżel u għodos fil-Ġordan sebaʼ darbiet, bħalma kien qallu l-qaddej tal-Alla l-veru. Imbagħad il-ġilda tiegħu reġgħet ġiet bħall-ġilda taʼ tifel żgħir u ndaf.
15 Wara hu mar lura mal-irġiel* tiegħu għand il-qaddej tal-Alla l-veru, u qagħad quddiemu u qal: “Issa naf li fl-art kollha m’hemmx Alla ieħor ħlief f’Iżrael. Jekk jogħġbok, aċċetta rigal* mingħandi, il-qaddej tiegħek.”
16 Imma Eliżew qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, il-wieħed li lilu naqdi,* li m’iniex se naċċettah.” Nagħman insista biex jieħdu, imma hu baqaʼ jirrifjuta.
17 Fl-aħħar Nagħman qal: “Mela jekk jogħġbok ħa tingħatali ftit ħamrija daqs it-tagħbija taʼ żewġ bgħula għax jien, il-qaddej tiegħek, mhux se noffri iktar offerti tal-ħruq jew sagrifiċċji lil allat oħrajn ħlief lil Ġeħova.
18 Imma jalla Ġeħova jaħfer lili, il-qaddej tiegħek, għal din il-ħaġa: Meta sidi r-re jidħol fid-dar* taʼ Rimmon biex imil hemmhekk, hu jserraħ maʼ idi, allura jien ikolli mmil fid-dar taʼ Rimmon. Meta mmil fid-dar taʼ Rimmon, jalla Ġeħova jaħfirli għal dan.”
19 Hu qallu: “Mur fil-paċi.” Wara li telaq minn ħdejh u kien ivvjaġġa mhux ħażin,
20 Geħażi, il-qaddej t’Eliżew, qal bejnu u bejn ruħu: ‘Sidi ħalla lil dan is-Sirjan Nagħman jitlaq mingħajr m’aċċetta xejn mingħandu. Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li mmur niġri warajh u nieħu xi ħaġa mingħandu.’
21 Għalhekk, Geħażi mar jiġri warajh. Meta Nagħman ra lil xi ħadd jiġri warajh, hu niżel mill-karru biex jiltaqaʼ miegħu u qallu: “Kollox sew?”
22 Hu wieġbu: “Kollox sew. Sidi bagħatni biex ngħidlek, ‘Issa għadhom kemm waslu għandi żewġ żgħażagħ mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm mit-tfal tal-profeti. Jekk jogħġbok, agħtihom talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ.’”
23 Nagħman qal: “Mur ħu żewġ talenti.” U Nagħman baqaʼ jinsistilu u poġġa żewġ talenti fidda u żewġ tibdiliet f’żewġ xkejjer, u tahom lil tnejn mill-qaddejja tiegħu sabiex iġorruhom quddiemu.
24 Meta wasal Għofel,* ħadhom minn idhom u poġġiehom id-dar. Wara, hu bagħat lill-irġiel u dawn telqu.
25 Imbagħad daħal ħdejn sidu. U Eliżew staqsieh: “Fejn kont Geħażi?” Imma hu qallu: “Sidi, jien ma mort imkien.”
26 Eliżew qallu: “Taħseb li ma nafx li mort wara r-raġel u li niżel minn fuq il-karru ħalli jiltaqaʼ miegħek? Taħseb li huwa ż-żmien li taċċetta fidda, ħwejjeġ, siġar taż-żebbuġ, għelieqi tad-dwieli, nagħaġ, baqar, jew qaddejja rġiel u nisa?
27 Mela l-ġdiem taʼ Nagħman se jibqaʼ fuqek u fuq dawk li jiġu minnek għal dejjem.” U ħareġ minn ħdejh abjad silġ bil-ġdiem.
Noti taʼ taħt
^ Jew “salvazzjoni.”
^ Jew “kellu marda fil-ġilda.”
^ Jistaʼ jirreferi għal Nagħman.
^ Letteralment “mal-kampijiet.”
^ Letteralment “barka.”
^ Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
^ Jew “fit-tempju.”
^ Post fis-Samarija, jistaʼ jkun għolja jew fortifikazzjoni.