It-Tieni Ktieb tas-Slaten 3:1-27
3 Ġeħoram bin Aħab sar re fuq Iżrael fis-Samarija fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, u mexxa 12-il sena.
2 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, imma mhux daqs missieru jew ommu għax neħħa l-pilastru sagru taʼ Bagħal li kien għamel missieru.
3 Iżda hu għamel l-istess dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Ma waqafx jagħmilhom.
4 U Mesa r-re taʼ Mowab kien irabbi n-nagħaġ, u kien jagħti bħala taxxa lir-re t’Iżrael 100,000 ħaruf u 100,000 muntun mhux imqaxxar.
5 Malli miet Aħab, ir-re taʼ Mowab irribella kontra r-re t’Iżrael.
6 Għalhekk, dak iż-żmien ir-Re Ġeħoram ħareġ mis-Samarija u ġabar lil Iżrael kollu.
7 Ukoll, hu bagħat jgħid lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda: “Ir-re taʼ Mowab irribella kontrija. Tiġi għall-gwerra miegħi kontra Mowab?” Għal dan qallu: “Jien niġi miegħek bin-nies u ż-żwiemel tiegħi.”
8 Imbagħad staqsieh: “Minn liema triq se nitilgħu?” Wieġbu: “Mit-triq li tagħti għad-Deżert t’Edom.”
9 Ir-re t’Iżrael mar mar-re taʼ Ġuda u r-re t’Edom. Wara li vvjaġġaw għal sebat ijiem, ma kienx hemm ilma għall-armata u għall-annimali li kellhom magħhom.
10 Ir-re t’Iżrael qal: “Xi ġralna! Ġeħova għajjat lilna, it-tliet rejiet, sempliċement biex jagħtina f’idejn Mowab!”
11 Għal dan Ġeħosafat qal: “Hawn xi profeta taʼ Ġeħova li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu għall-gwida taʼ Ġeħova?” U wieħed mill-qaddejja tar-re t’Iżrael wieġeb: “Hawn Eliżew bin Safat, li kien iferraʼ l-ilma f’idejn Elija.”*
12 Imbagħad Ġeħosafat qal: “Ġeħova jitkellem permezz tiegħu.” Għalhekk ir-re t’Iżrael, Ġeħosafat, u r-re t’Edom niżlu għandu.
13 Eliżew qal lil Ġeħoram ir-re t’Iżrael: “Għala ġejt għandi?* Mur għand il-profeti taʼ missierek u t’ommok.” Imma r-re t’Iżrael qallu: “Le, għax hu Ġeħova li għajjat lilna, it-tliet rejiet, biex jagħtina f’idejn Mowab.”
14 U Eliżew qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj tal-armati, il-wieħed li naqdi,* illi kieku mhux għax nirrispetta lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda, ma kontx inħares lejk jew nagħti kasek.
15 Issa ġibuli lil xi ħadd li jdoqq l-arpa.”* Malli dan beda jdoqq, l-ispirtu* taʼ Ġeħova niżel fuq Eliżew.
16 Hu qal, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Ħaffru ħafna kanali f’dan il-wied,
17 għax hekk jgħid Ġeħova: “La se taraw riħ u lanqas xita; imma l-wied se jimtela bl-ilma, u se tixorbu minnu intom u l-annimali kollha tagħkom.”’
18 Imma din hi xi ħaġa żgħira għal Ġeħova, għax hu se jagħtikom anki lil Mowab f’idejkom.
19 Għandkom teqirdu kull belt iffortifikata u importanti, taqtgħu kull siġra tajba, issoddu kull għajn tal-ilma, u tirrovinaw l-għelieqi tajbin kollha bil-ġebel.”
20 U filgħodu, fil-ħin tal-offerta taċ-ċereali* taʼ filgħodu, beda ġej l-ilma mid-direzzjoni t’Edom, u l-art imtliet bl-ilma.
21 Il-Mowabin kollha semgħu li r-rejiet kienu marru jiġġieldu kontrihom, għalhekk ġabru lill-irġiel kollha li setgħu jġorru l-armi, u marru qagħdu mal-fruntiera.
22 Meta qamu kmieni filgħodu, ix-xemx bdiet tiddi fuq l-ilma, u minn fejn kienu l-Mowabin l-ilma beda jidher aħmar bħad-demm.
23 Huma qalu: “Dak demm! Żgur li r-rejiet qatlu lil xulxin bix-xabla. Mela ejja mmorru niħdulhom l-affarijiet!”
24 Meta waslu ħdejn il-kampijiet t’Iżrael, l-Iżraelin qamu u bdew jattakkaw lill-Mowabin u dawn ħarbu minnhom. Huma u deħlin Mowab, bdew joqtlu lill-Mowabin.
25 Huma waqqgħu l-bliet, u l-irġiel kollha tefgħu ġebla fl-għelieqi tajbin kollha u mlewhom, saddew kull għajn tal-ilma, u qatgħu kull siġra tajba. Kien għad fadal biss il-ħitan tal-ġebel taʼ Kir-ħareset, imma dawk li kienu bl-iżbandola daru mal-belt u attakkawha.
26 Meta r-re taʼ Mowab ra li kien qed jitlef il-battalja, ħa miegħu 700 raġel armat bix-xabla biex jiġġieldu u jaħarbu min-naħa taʼ fejn kien hemm ir-re t’Edom; imma ma rnexxilhomx.
27 Għalhekk, qabad lil ibnu l-kbir li kien se jmexxi minfloku u offrieh bħala sagrifiċċju tal-ħruq fuq is-sur. U kien hemm rabja kbira għall-Iżraelin, tant li l-armati ma baqgħux jiġġieldu kontra r-re taʼ Mowab u marru lura pajjiżhom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “li kien il-qaddej t’Elija.”
^ Jew “X’għandi x’naqsam miegħek?”
^ Letteralment “li ninsab wieqaf quddiemu.”
^ Jew “mużiċist.”
^ Letteralment “l-id.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.