It-Tieni Ktieb tas-Slaten 22:1-20
22 Ġosija kellu tmien snin meta sar re, u mexxa 31 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ġedida bint Għadaja minn Boskat.
2 Hu għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova u aġixxa bħall-antenat tiegħu David, u baqaʼ jobdi għalkollox il-kmandi t’Alla.
3 Fit-18-il sena tat-tmexxija tiegħu, ir-Re Ġosija bagħat lil Safan is-segretarju, bin Asalija u n-neputi taʼ Mesullam, lejn id-dar taʼ Ġeħova, u qallu:
4 “Mur għand Ħilkija l-qassis il-kbir, u għidlu jiġbor il-flus li qed jagħtu n-nies fid-dar taʼ Ġeħova u li l-għassiesa tal-bibien qed jiġbru mingħandhom.
5 Il-flus għandhom jingħataw lil dawk li ġew inkarigati jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova. Imbagħad huma jagħtuhom lill-ħaddiema li se jirranġaw il-ħsara* fid-dar taʼ Ġeħova,
6 jiġifieri lin-nies tas-sengħa, il-bennejja, u l-ħaddiema fil-ġebel. Bil-flus għandhom jixtru l-injam u l-ġebel maqtugħ bl-għodda ħalli jsewwu d-dar.
7 Imma m’għandux jintalab kont mingħandhom tal-flus li qed jingħataw, għax huma taʼ min jafdahom.”
8 Iktar tard, Ħilkija l-qassis il-kbir qal lil Safan is-segretarju: “Sibt il-ktieb tal-Liġi fid-dar taʼ Ġeħova!” Għalhekk, Ħilkija ta l-ktieb lil Safan, u dan beda jaqrah.
9 Imbagħad Safan is-segretarju daħal għand ir-re u qallu: “Il-qaddejja tiegħek battlu l-flus li kien hemm fid-dar u tawhom lil dawk li ġew inkarigati jieħdu ħsieb ix-xogħol fid-dar taʼ Ġeħova.”
10 Qallu wkoll: “Ħilkija l-qassis tani ktieb.” Imbagħad Safan beda jaqrah quddiem ir-re.
11 Malli r-re semaʼ l-kliem tal-Liġi ċarrat ħwejġu.
12 Imbagħad ir-re ta dan il-kmand lil Ħilkija l-qassis, lil Aħikam bin Safan, lil Għakbor bin Mikaja, lil Safan is-segretarju, u lil Għasaja l-qaddej tiegħu:
13 “Morru, itolbu għall-gwida taʼ Ġeħova għalija, għall-poplu, u għal Ġuda kollu biex insiru nafu kif il-kliem taʼ dan il-ktieb li nstab jeffettwana. Għax Ġeħova rrabja bil-kbir magħna minħabba li missirijietna m’obdewx il-kliem taʼ dan il-ktieb u m’għamlux skont dak li hemm miktub.”
14 Għalhekk, Ħilkija l-qassis, Aħikam, Għakbor, Safan, u Għasaja marru għand il-profetessa Ħulda u kellmuha. Hi kienet il-mara taʼ Sallum, bin Tikwa u n-neputi taʼ Ħarħas, li kien jieħu ħsieb il-kamra tal-ħwejjeġ. Hi kienet toqgħod fit-Tieni Distrett taʼ Ġerusalemm.
15 Hi qaltilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Għidu lir-raġel li bagħatkom għandi:
16 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Se nġib gwaj fuq dan il-post u fuq in-nies tiegħu, u l-kliem kollu li r-re taʼ Ġuda qara fil-ktieb se jsir.
17 Talli telquni u qed jagħmlu d-duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn sabiex joffenduni bix-xogħol kollu taʼ jdejhom, ir-rabja tiegħi se ssir bħal nar kontra dan il-post u mhix se tintefa.’”’
18 Imma dan għandkom tgħidu lir-re taʼ Ġuda li bagħatkom tistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova, “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael rigward il-kliem li smajt:
19 ‘Qalbek tqanqlet* u umiljajt ruħek quddiem Ġeħova meta smajt dak li għedt kontra dan il-post u n-nies tiegħu, jiġifieri li se tiġi saħta fuqhom u n-nies se jibżgħu minħabba fihom. Ukoll, int ċarratt ħwejġek u bkejt quddiemi. Għalhekk jien ukoll smajtek, jgħid Ġeħova.
20 B’hekk, se niġbrok mal-antenati tiegħek* u tindifen fil-paċi, u għajnejk ma jarawx il-gwaj kollu li se nġib fuq dan il-post.’”’” Imbagħad huma wasslu r-risposta lir-re.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ix-xquq.”
^ Letteralment “irtabet.”
^ Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.