It-Tieni Ktieb tas-Slaten 16:1-20
16 Fis-17-il sena tat-tmexxija taʼ Pekaħ bin Remalija, Aħaż bin ir-Re Ġotam taʼ Ġuda sar re.
2 Aħaż kellu 20 sena meta sar re, u mexxa 16-il sena f’Ġerusalemm. Hu m’għamilx dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu bħalma għamel l-antenat tiegħu David.
3 Minflok hu aġixxa bħar-rejiet t’Iżrael, u saħansitra ħaraq lil ibnu fin-nar,* skont il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova keċċa minn quddiem Iżrael.
4 Ukoll, hu kompla joffri s-sagrifiċċji u d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima falza, fuq l-għoljiet, u taħt kull siġra b’saħħitha.
5 Kien dak iż-żmien li r-Re Resin tas-Sirja u Pekaħ bin Remalija r-re t’Iżrael telgħu jiggwerraw kontra Aħaż f’Ġerusalemm. Huma assedjawha, imma ma setgħux jiħduha taħt idejhom.
6 Dak iż-żmien ir-Re Resin tas-Sirja reġaʼ ta l-belt t’Elat lil Edom, u mbagħad keċċa l-Lhud* minn Elat. U l-Edomin daħlu Elat u baqgħu jgħixu fiha sal-lum.
7 Għalhekk, Aħaż bagħat messaġġiera għand ir-Re Tiglat-pileser tal-Assirja biex jgħidlu: “Jien il-qaddej tiegħek u ibnek.* Itlaʼ u salvani minn idejn ir-re tas-Sirja u r-re t’Iżrael, li qed jattakkawni.”
8 Imbagħad Aħaż ħa l-fidda u d-deheb li kien hemm fid-dar taʼ Ġeħova u fil-post fejn iżommu t-teżori fil-palazz tar-re u bagħathom lir-re tal-Assirja bħala rigal biex ixaħħmu.
9 Ir-re tal-Assirja aċċetta dak li talbu. Għalhekk telaʼ Damasku, ħadha taħt idejh, ħa n-nies tagħha fl-eżilju lejn Kir, u lil Resin qatlu.
10 Imbagħad ir-Re Aħaż mar jiltaqaʼ mar-Re Tiglat-pileser tal-Assirja f’Damasku. Meta ra l-artal li kien hemm f’Damasku, ir-Re Aħaż bagħat id-disinn iddettaljat taʼ kif kien maħdum l-artal lil Urijah il-qassis.
11 Urijah il-qassis bena artal skont kulma kien bagħatlu r-Re Aħaż minn Damasku. Hu lestieh qabel ma wasal ir-re.
12 Meta r-re wasal minn Damasku u ra l-artal, hu mar ħdejh u għamel offerti fuqu.
13 U kompla jagħmel l-offerti tal-ħruq u l-offerti taċ-ċereali.* Ukoll, hu ferraʼ l-offerti tax-xorb u raxx id-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi fuq l-artal.
14 Imbagħad l-artal tar-ram li kien quddiem Ġeħova ressqu minn quddiem id-dar, minn bejn l-artal tiegħu u d-dar taʼ Ġeħova, u qiegħdu fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-artal tiegħu.
15 Ir-Re Aħaż ikkmanda lil Urijah il-qassis: “Fuq l-artal il-kbir aħraq l-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, l-offerta taċ-ċereali taʼ filgħaxija, l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali tiegħi, kif ukoll l-offerti tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, u l-offerti tax-xorb tan-nies kollha. Trid ukoll troxx fuqu d-demm kollu tal-offerti tal-ħruq u tas-sagrifiċċji l-oħrajn. U rigward l-artal tar-ram, nara jien x’nagħmel bih.”
16 U Urijah il-qassis għamel kulma kkmandah ir-Re Aħaż.
17 Iżjed minn hekk, ir-Re Aħaż qattaʼ biċċiet il-pannelli tal-ġnub tal-karrijiet u neħħa l-vaski minn magħhom. Ukoll, hu niżżel il-vaska kbira li ssemmiet il-Baħar minn fuq il-barrin tar-ram u qegħedha fuq art tal-ġebel.
18 U l-parti msaqqfa għas-Sabat li kienu bnew fid-dar u d-daħla taʼ barra tar-re neħħiehom mid-dar taʼ Ġeħova. Hu għamel dan minħabba r-re tal-Assirja.
19 Il-bqija tal-istorja t’Aħaż u dak li għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda.
20 Imbagħad Aħaż miet u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David, u ibnu Ħeżekija* sar re minfloku.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “għadda lil ibnu min-nar.”
^ Jew “l-irġiel taʼ Ġuda.”
^ Li wieħed jitkellem maʼ xi ħadd u jirreferi għalih innifsu bħala ibnu kienet espressjoni taʼ rispett.
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Ifisser “Ġeħova Jsaħħaħ.”