L-Ewwel Ittra lil Timotju 5:1-25

  • Kif tittratta liż-żgħar u l-kbar (1, 2)

  • Għajnuna għar-romol (3-16)

    • Wieħed għandu jieħu ħsieb lill-familja tiegħu (8)

  • Irrispetta ħafna lill-anzjani li jaħdmu iebes (17-25)

    • “Ħu ftit inbid għall-istonku tiegħek” (23)

5  Tikkritikax bl-aħrax lir-raġel imdaħħal fiż-żmien, imma minflok tkellem miegħu bħallikieku qed titkellem maʼ missierek. Tkellem maʼ rġiel iżgħar bħallikieku qed titkellem maʼ ħutek subien.  Tkellem maʼ nisa akbar bħallikieku qed titkellem m’ommok, u maʼ nisa iżgħar bħallikieku qed titkellem maʼ ħutek il-bniet billi taġixxi b’mod xieraq lejhom.  Ħu ħsieb* lir-romol li huma verament romol.*  Imma jekk xi armla għandha t-tfal jew it-tfal tat-tfal, ħalli dawn l-ewwel jitgħallmu jieħdu ħsieb lill-familja tagħhom, u b’hekk juru li qed jaqdu lealment lil Alla. Huma għandhom jagħtu lill-ġenituri tagħhom u lin-nanniet dak li jistħoqqilhom, għax Alla jieħu pjaċir b’dan.  Il-mara li hi verament armla u li m’għandha xejn tittama f’Alla, tissupplikah,* u titolbu lejl u nhar.  Imma l-armla li tgħix biss biex taqtaʼ x-xewqat* tagħha hi mejta spiritwalment.  Għalhekk, kompli agħti dawn l-istruzzjonijiet* biex ħadd ma jsib xi jgħid fihom.*  Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb il-familja tiegħu stess, u speċjalment lil dawk li joqogħdu fid-dar tiegħu, hu ma jkunx baqaʼ jemmen dak li nemmnu aħna u jkun agħar minn xi ħadd li m’għandux fidi.  Armla li għandha titqiegħed fil-lista biex tingħata l-għajnuna għandu jkollha iktar minn 60 sena, kienet mara taʼ raġel wieħed, 10  u għandha reputazzjoni li għamlet affarijiet tajbin bħal li rabbiet it-tfal sew, kienet ospitabbli, ħaslet saqajn il-qaddisin, għenet lil min hu batut, u li għamlet kulma setgħet biex tagħmel affarijiet tajbin. 11  Mill-banda l-oħra, tpoġġux lir-romol iżgħar fil-lista, għax meta x-xewqat sesswali tagħhom ifixkluhom milli jaqdu lill-Kristu, huma jkunu jridu jiżżewġu. 12  U huma jsiru ħatja minħabba li jkunu kisru l-wegħda li għamlu qabel. 13  Fl-istess ħin, huma jibdew jitgħażżnu u jmorru minn dar għal oħra. Iva, mhux biss jitgħażżnu, imma wkoll jibdew jgħidu fuq in-nies* u jindaħlu fejn ma jesagħhomx, u b’hekk jitkellmu fuq affarijiet li m’għandhomx dritt jitkellmu fuqhom. 14  Għalhekk, nixtieq li r-romol iżgħar jiżżewġu, ikollhom it-tfal, u jieħdu ħsieb familja. B’hekk ma jagħtux opportunità lil min jiħodha kontrihom biex jikkritikahom. 15  Fil-fatt, xi wħud diġà telqu l-verità u marru wara Satana. 16  Jekk mara li temmen għandha romol fil-familja tagħha, ħa tgħinhom hi ħalli ma jkunux taʼ piż fuq il-kongregazzjoni. Imbagħad il-kongregazzjoni tkun tistaʼ tgħin lil dawk li huma verament romol.* 17  L-anzjani* li jmexxu bl-aħjar mod jistħoqqilhom li jiġu rrispettati ħafna, speċjalment dawk li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu dwar il-kelma t’Alla. 18  Għax l-iskrittura tgħid: “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri meta jkun qed jidres* iċ-ċereali.”* Tgħid ukoll: “Il-ħaddiem ħaqqu l-ħlas tiegħu.” 19  Tismax akkuża kontra anzjan tal-kongregazzjoni, sakemm ma jkunx hemm evidenza taʼ żewġ xhieda jew tlieta. 20  Ikkoreġi* quddiem kulħadd lil dawk li jagħmlu d-dnub, bħala twissija għall-kumplament.* 21  Nikkmandak quddiem Alla, Kristu Ġesù, u l-anġli magħżulin biex tobdi dawn l-istruzzjonijiet mingħajr preġudizzju jew preferenza. 22  Qatt tgħaġġel biex tqiegħed idejk fuq xi raġel;* tiħux sehem fid-dnubiet t’oħrajn; żomm ruħek moralment nadif. 23  Tkomplix tixrob ilma,* imma ħu ftit inbid għall-istonku tiegħek u għax timrad taʼ spiss. 24  Id-dnubiet taʼ xi nies isir jaf bihom kulħadd, u b’hekk huma jirċievu l-ġudizzju mill-ewwel, imma t’oħrajn jinkixfu iktar tard. 25  Bl-istess mod, l-affarijiet tajbin isir jaf bihom kulħadd u l-affarijiet tajbin li ma jinkixfux ma jistgħux jinżammu moħbija.

Noti taʼ taħt

Letteralment “Onora.”
Jew “lir-romol li veru għandhom bżonn,” jiġifieri li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom.
Jew “titolbu bil-ħniena.”
Jistaʼ jkun qed jirreferi għal xewqat sesswali.
Jew “il-kmandi.”
Milli jidher qed jirreferi għar-romol u l-familji tagħhom.
Jiġifieri gossip.
Jew “lir-romol li veru għandhom bżonn,” jiġifieri li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom.
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Dris; Qiegħa tad-dris.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “Widdeb.”
Letteralment “ħalli l-kumplament jibżgħu.”
Jiġifieri tinkarigax lil xi raġel bl-għaġla.
Jew “Tibqax tixrob biss ilma.”