L-Ewwel Ittra lil Timotju 4:1-16

  • Iwissi kontra t-tagħlim tad-demonji (1-5)

  • Kif tkun qaddej mill-aħjar taʼ Kristu (6-10)

    • Id-differenza bejn xi ħadd li jagħmel trejning fiżiku u li jkun leali lejn Alla (8)

  • Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tkun għalliem tajjeb (11-16)

4  Minkejja dan, l-ispirtu t’Alla jgħid b’mod ċar li fil-futur se jkun hemm xi wħud li se jitilfu l-fidi għax jisimgħu messaġġi li mhumiex vera u li jidhru li ġejjin mingħand Alla,* tagħlim tad-demonji,  u gideb taʼ nies ipokriti li l-kuxjenza tagħhom hi mmarkata b’ħadida tikwi.  Huma ma jħallux lin-nies jiżżewġu u jikkmandawhom biex ma jiklux ċertu ikel, imma Alla għamel dan l-ikel ħalli dawk li għandhom fidi permezz tal-għarfien eżatt tal-verità jikluh u jirringrazzjawh.  Għax kulma ħalaq Alla hu tajjeb, u l-ebda ikel m’għandu jiġi rrifjutat jekk min jieklu jirringrazzja lil Alla,  għax jiġi mqaddes permezz tal-kelma t’Alla u t-talb.  Jekk tagħti dawn il-pariri lill-aħwa turi li int qaddej mill-aħjar taʼ Kristu Ġesù, u li ġejt imsaħħaħ bil-kliem tal-fidi u t-tagħlim mill-aqwa li żammejt miegħu mill-qrib.  Imma rrifjuta stejjer foloz li jiddiżonoraw lil Alla, bħal dawk li jirrakkontaw xi nisa mdaħħlin fiż-żmien. Mill-banda l-oħra, ittrennja lilek innifsek bil-mira li tkun leali lejn Alla.  It-trejning li xi ħadd jagħmel biex jissaħħaħ b’mod fiżiku hu taʼ benefiċċju għal ftit, imma li jkun leali lejn Alla jgħinu f’kollox, għax hu jirċievi barkiet issa u wkoll fil-futur.  Dan li għedt hu taʼ min jafdah u jaċċettah b’qalb sħiħa. 10  Hu għalhekk li qed naħdmu iebes u nistinkaw, għax aħna nittamaw fl-Alla l-ħaj, Dak li Jsalva lil kull tip taʼ nies, speċjalment lil dawk leali. 11  Ibqaʼ agħti dawn l-istruzzjonijiet* u għallimhom. 12  Qatt tħalli lil xi ħadd imaqdar iż-żgħożija tiegħek. Minflok, kun t’eżempju għal dawk leali fil-mod taʼ kif titkellem, fil-kondotta, fl-imħabba, fil-fidi, u fl-indafa morali. 13  Sakemm niġi, kompli agħmel ħiltek fl-inkarigu tiegħek biex taqra fil-pubbliku, biex tinkuraġġixxi, u biex tgħallem. 14  Tittraskurax l-abbiltà li ngħatatlek meta l-ġemgħa tal-anzjani* poġġew idejhom fuqek fi qbil maʼ dak li ġie pprofetizzat dwarek. 15  Immedita fuq* dawn l-affarijiet; iffoka għalkollox fuqhom, ħalli kulħadd ikun jistaʼ jara l-progress li qed tagħmel. 16  Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tkun t’eżempju tajjeb u għalliem tajjeb. Stinka biex tagħmel dawn l-affarijiet, għax jekk tagħmel hekk, se ssalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

Noti taʼ taħt

Letteralment “jisimgħu spirti qarrieqa.”
Jew “il-kmandi.”
Jew “Aħseb dwar.”