L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 8:1-66
8 Dak iż-żmien Salamun laqqaʼ lill-anzjani* t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet kollha tat-tribujiet u l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier t’Iżrael. Huma marru Ġerusalemm għand ir-Re Salamun biex itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova mill-Belt taʼ David, jiġifieri Sijon.
2 L-irġiel kollha t’Iżrael iltaqgħu quddiem ir-Re Salamun fil-festa* fix-xahar t’Etanim,* jiġifieri fis-sebaʼ xahar.
3 Għalhekk, marru l-anzjani kollha t’Iżrael, u l-qassisin refgħu l-Arka u ġarrewha.
4 Il-qassisin u l-Leviti tellgħu l-Arka taʼ Ġeħova, it-tinda tal-laqgħa, u l-għodod qaddisin kollha li kien hemm fit-tinda.
5 Ir-Re Salamun u l-ġemgħa kollha t’Iżrael li ġiet miġbura biex tiltaqaʼ miegħu, kienu quddiem l-Arka. Tant bdew joffru sagrifiċċji taʼ nagħaġ u baqar li ma setgħux jgħodduhom.
6 Imbagħad il-qassisin ħadu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova f’postha, fil-kamra taʼ ġewwa nett tad-dar, jiġifieri l-Iktar Qaddis, u poġġewha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini.
7 Il-ġwienaħ tal-kerubini kienu miftuħin fuq il-post fejn kienet l-Arka, u b’hekk il-kerubini għattew bid-dell tagħhom l-Arka u l-lasti tagħha.
8 Il-lasti tant kienu twal li t-truf tagħhom setgħu jidhru mill-Qaddis quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett, imma ma kinux jidhru minn barra. Dawn għadhom hemmhekk sal-lum.
9 Ma kien hemm xejn fl-Arka ħlief iż-żewġ twavel tal-ġebel li Mosè qiegħed hemm f’Ħoreb, meta Ġeħova għamel patt mal-poplu t’Iżrael waqt li kienu ħerġin mill-art tal-Eġittu.
10 Meta l-qassisin ħarġu mill-post qaddis, is-sħaba mliet id-dar taʼ Ġeħova.
11 Il-qassisin ma setgħux ikomplu jaqdu minħabba s-sħaba, għax il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar taʼ Ġeħova.
12 Imbagħad Salamun qal: “Ġeħova qal li kien se joqgħod fid-dalma l-kbira.
13 Jien irnexxieli nibnilek dar fl-għoli u glorjuża, post biex tgħix fih għal dejjem.”
14 Imbagħad ir-re dar lejn il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael u beda jberikha waqt li kienet bilwieqfa.
15 Hu qal: “Jalla Ġeħova l-Alla t’Iżrael jiġi mfaħħar, il-wieħed li* għamel dak li wiegħed* lil missieri David, meta qal,
16 ‘Minn dakinhar li ħriġt lill-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu, m’għażiltx belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex nibni dar għal ismi ħalli jibqaʼ hemm, imma għażilt lil David biex ikun fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’
17 U missieri David xtaq minn qalbu li jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
18 Imma Ġeħova qallu, ‘Int xtaqt minn qalbek li tibni dar għal ismi, u sew għamilt li xtaqt dan.
19 Madankollu mhux int tibni d-dar, imma t-tifel li se jkollok* jibni d-dar għal ismi.’
20 Ġeħova għamel dak li wiegħed, għax jien ilħaqt wara David missieri u qiegħed fuq it-tron t’Iżrael, bħalma wiegħed Ġeħova. Ukoll, jien bnejt id-dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
21 Hemmhekk għamilt post għall-Arka li fiha l-patt li Ġeħova għamel maʼ missirijietna meta kien qed joħroġhom mill-art tal-Eġittu.”
22 Imbagħad Salamun qagħad quddiem l-artal taʼ Ġeħova u quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, u fetaħ idejh lejn is-sema,
23 u qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, m’hemmx Alla bħalek la fis-sema u lanqas fl-art. Int iżżomm il-patt u turi mħabba u lealtà* mal-qaddejja tiegħek li mexjin quddiemek b’qalbhom kollha.
24 Int żammejt il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek. U llum int għamilt dak li wegħedt.
25 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, meta għedt: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u jimxu fi triqti bħalma għamilt int, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’
26 U issa jekk jogħġbok, l-Alla t’Iżrael, ħalli l-wegħda li għamilt maʼ missieri David tkun taʼ min jafdaha.
27 “Imma vera li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex toqgħod fiha; aħseb u ara din id-dar li bnejt jien!
28 Ġeħova Alla tiegħi, agħti kas it-talba u s-supplika* tiegħi għall-ħniena. Ismaʼ l-għajta tiegħi għall-għajnuna u dak li qed nitlob quddiemek illum.
29 Jalla żżomm għajnejk fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt li ismek se jkun hemmhekk, biex tismaʼ t-talb li jien, il-qaddej tiegħek, nitlob fid-direzzjoni taʼ dan il-post.
30 U ismaʼ s-supplika tiegħi għall-ħniena u s-supplika tal-poplu tiegħek Iżrael li jitolbu fid-direzzjoni taʼ dan il-post, u jalla tismaʼ mill-post fejn tgħix fis-sema. Iva, jalla tismaʼ u taħfer.
31 “Ejja ngħidu li raġel jidneb kontra ħaddieħor u jiġi mġiegħel jaħlef,* u wara li jkun għamel il-ħalfa* jiġi quddiem l-artal tiegħek f’din id-dar.
32 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taġixxi u tiġġudika lill-qaddejja tiegħek. Lil dak mill-agħar tiddikjarah ħati* u tikkastigah għal dak li għamel, u lill-ġust tiddikjarah innoċenti* u tippremjah skont il-ġustizzja tiegħu.
33 “Ejja ngħidu li l-poplu tiegħek Iżrael jingħeleb minn għadu għax ikun baqaʼ jidneb kontrik, u jerġaʼ lura għandek u jigglorifika lil ismek u jitolbok u jissupplikak għall-ħniena f’din id-dar.
34 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-poplu tiegħek Iżrael u tieħdu lura fl-art li tajt lil missirijietu.
35 “Ejja ngħidu li s-sema tingħalaq u ma tagħmilx xita għax in-nies ikunu baqgħu jidinbu kontrik, u huma jitolbu lejn dan il-post u jigglorifikaw lil ismek u jduru lura minn dnubhom għax tkun umiljajthom.*
36 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek, il-poplu tiegħek Iżrael, u tgħallimhom dwar it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha; u tibgħat ix-xita fuq l-art li int tajthom bħala wirt.
37 “Ejja ngħidu li fil-pajjiż ikun hemm il-ġuħ, pesta, riħ jaħraq, moffa, jew qtajjaʼ taʼ ġurati; jew l-għadu jassedjahom f’waħda minn bliethom jew ikun hemm xi tip taʼ kastig jew mard ieħor,
38 u xi raġel jew il-poplu kollu tiegħek Iżrael jitolbok u jissupplikak għall-ħniena b’idejh miftuħa lejn din id-dar (għax kull wieħed jaf l-uġigħ taʼ qalbu).
39 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u taħfer u taġixxi. Ippremja lil kull wieħed skont dak li jagħmel, għax int taf lil qalbu (int biss taf tajjeb qalb kull bniedem),
40 sabiex jirrispettak u jibżaʼ minnek kemm idum ħaj fl-art li tajt lil missirijietna.
41 “Ukoll, ejja ngħidu li barrani li mhuwiex parti mill-poplu tiegħek Iżrael jiġi mill-bogħod minħabba ismek*
42 (għax se jisimgħu dwar ismek il-kbir u dwar l-id b’saħħitha u qawwija tiegħek), u jiġi u jitlob fid-direzzjoni taʼ din id-dar.
43 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u tagħmel kulma jitolbok. B’hekk, il-popli kollha tal-art isiru jafu lil ismek, jirrispettawk, u jibżgħu minnek, bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Iżrael, u jkunu jafu li din id-dar li bnejt jien tonora lil ismek.
44 “Issa ejja ngħidu li n-nies tiegħek joħorġu għall-gwerra kontra l-għadu tagħhom fit-triq li tibgħathom int, u jitolbuk fid-direzzjoni tal-belt li int għażilt u d-dar li jien bnejt għal ismek, Ġeħova.
45 F’dan il-każ, ismaʼ mis-sema t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena, u aqbeż* għalihom.
46 “Ejja ngħidu li jidinbu kontrik (għax m’hemm ebda bniedem li ma jidnibx), u int tirrabja ħafna magħhom u tabbandunahom f’idejn għadu, u dan jiħodhom bħala lsiera lejn pajjiżu, ’il bogħod jew viċin.
47 Imbagħad, huma jiġu f’sensihom fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, jerġgħu lura lejk, u jitolbuk għall-ħniena fil-pajjiż tal-għadu, billi jgħidu, ‘Dnibna u żbaljajna; aġixxejna ħażin.’
48 U jerġgħu lura lejk b’qalbhom kollha u b’ruħhom* kollha fil-pajjiż tal-għedewwa li ħaduhom fil-jasar, u jitolbuk fid-direzzjoni t’arthom li int tajt lil missirijiethom, il-belt li int għażilt, u d-dar li jien bnejt għal ismek.
49 F’dan il-każ, ismaʼ t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena mis-sema, il-post fejn tgħix, u aqbeż għalihom.
50 Aħfer lin-nies tiegħek li dinbu kontrik, billi taħfrilhom in-nuqqasijiet kollha li għamlu kontrik. Ġiegħel lil dawk li qabduhom biex jitħassruhom
51 (għax huma l-poplu tiegħek u wirtek, li int ħriġt mill-Eġittu, mill-forn li jdewweb il-ħadid).
52 Jalla tismaʼ t-talb għall-ħniena tiegħi u tal-poplu tiegħek Iżrael kull darba li nitolbuk.*
53 Għax int għażiltu bħala wirt mill-popli kollha tal-art, bħalma għedt permezz taʼ Mosè l-qaddej tiegħek meta kont qed toħroġ lil missirijietna mill-Eġittu, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”*
54 U malli Salamun offra lil Ġeħova din it-talba kollha u s-supplika għall-ħniena, hu qam minn quddiem l-artal taʼ Ġeħova, fejn kien għarkopptejh b’idejh miftuħin lejn is-sema.
55 Hu mbagħad qagħad bilwieqfa u bierek lill-kongregazzjoni kollha t’Iżrael b’leħen għoli, billi qal:
56 “Jalla jkun imfaħħar Ġeħova, li ta post taʼ mistrieħ lill-poplu tiegħu Iżrael, bħalma wiegħed. Ma kienx hemm kelma li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li għamel permezz tal-qaddej tiegħu Mosè.
57 Jalla Ġeħova l-Alla tagħna jkun magħna bħalma kien maʼ missirijietna. Jalla qatt ma jitlaqna jew jabbandunana.
58 Jalla jagħtina x-xewqa biex nimxu fi triqatu kollha u nobdu l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, li kkmanda lil missirijietna biex jobdu.
59 U jalla kliemi li bih tlabt lil Ġeħova għall-ħniena jkun qrib Ġeħova l-Alla tagħna billejl u binhar, sabiex kuljum jaqbeż għalija u għall-poplu tiegħu Iżrael skont il-bżonn.
60 sabiex il-popli kollha tal-art ikunu jafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru. M’hemmx ħliefu!
61 Mela ħa jkollkom qalb sħiħa maʼ* Ġeħova l-Alla tagħna billi timxu mar-regoli tiegħu u billi tobdu l-kmandamenti tiegħu bħalma qed tagħmlu llum.”
62 U r-re u Iżrael kollu offrew ħafna sagrifiċċji quddiem Ġeħova.
63 Salamun offra s-sagrifiċċji tal-paċi lil Ġeħova. Hu offra 22,000 baqra u 120,000 nagħġa. B’hekk, ir-re u l-Iżraelin kollha inawguraw id-dar taʼ Ġeħova.
64 Dakinhar ir-re kellu jqaddes il-parti tan-nofs tal-bitħa li tinsab quddiem id-dar taʼ Ġeħova, għax hemm kellu joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali,* u l-biċċiet tax-xaħam tas-sagrifiċċji tal-paċi. Dan sar għax l-artal tar-ram li jinsab quddiem Ġeħova kien żgħir wisq biex jesaʼ dawn is-sagrifiċċji kollha.
65 F’dak iż-żmien, Salamun għamel festa mal-Iżraelin kollha quddiem Ġeħova l-Alla tagħna għal sebat ijiem u sebat ijiem oħra, 14-il jum b’kollox. Ġiet kongregazzjoni kbira mill-pajjiż kollu, minn Lebo-ħamat* sal-Wied tal-Eġittu.
66 L-għada,* hu bagħat lin-nies u huma bierku lir-re u marru lura d-dar, kuntenti u qalbhom mimlija ferħ minħabba l-qalb tajba li Ġeħova wera mal-qaddej tiegħu David u mal-poplu tiegħu Iżrael.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri l-Festa tal-Għerejjex.
^ Letteralment “li b’idu stess.”
^ Letteralment “qal b’ħalqu stess.”
^ Letteralment “ibnek, il-wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jiġifieri talba bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jiġifieri ħalfa li ġġib magħha saħta bħala kastig jekk min għamilha jkun ħalef falz jew kisirha.
^ Letteralment “saħta.”
^ Letteralment “mill-agħar.”
^ Letteralment “ġust.”
^ Jew “ġegħelthom ibatu.”
^ Jew “ir-reputazzjoni tiegħek.”
^ Letteralment “agħmel ġudizzju.”
^ Jew “f’kulma nitolbuk.”
^ Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
^ Jew “devota għalkollox għal.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “id-daħla taʼ Ħamat.”
^ Letteralment “Fit-tmien jum,” jiġifieri l-għada tat-tieni perjodu taʼ sebat ijiem.