L-Ewwel Ktieb tas-Slaten 16:1-34

  • Il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra Bagħsa (1-7)

  • Elah, re t’Iżrael (8-14)

  • Żimri, re t’Iżrael (15-20)

  • Għomri, re t’Iżrael (21-28)

  • Aħab, re t’Iżrael (29-33)

  • Ħijel jerġaʼ jibni Ġeriko (34)

16  Imbagħad permezz taʼ Ġeħu bin Ħanani, Ġeħova ta dan il-ġudizzju kontra Bagħsa:  “Għollejtek mit-trab u għamiltek il-mexxej tal-poplu tiegħi Iżrael, imma int aġixxejt bħal Ġerobogħam u ġegħelt lill-poplu tiegħi Iżrael jidneb u b’hekk offendewni bid-dnubiet tagħhom.  Għalhekk, jien se niknes għalkollox lil Bagħsa u lil daru, u nagħmel lil daru bħal dar Ġerobogħam bin Nebat.  Min imut fil-belt minn dar Bagħsa jikluh il-klieb, u min imut fl-għalqa jikluh l-għasafar.”  Il-bqija tal-istorja taʼ Bagħsa, dak li għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael.  Imbagħad Bagħsa miet u ndifen f’Tirsa; u ibnu Elah sar re minfloku.  Barra minn hekk, permezz tal-profeta Ġeħu bin Ħanani, Ġeħova qal x’inhu l-ġudizzju tiegħu kontra Bagħsa u daru, minħabba l-ħażen kollu li għamel f’għajnejn Ġeħova billi offendieh bħad-dar taʼ Ġerobogħam, u minħabba li qatel lil Nadab.  Fis-26 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Elah bin Bagħsa sar re fuq Iżrael f’Tirsa u mexxa għal sentejn.  Il-qaddej tiegħu Żimri, il-kap taʼ nofs il-karrijiet tal-gwerra, ikkonfoffa kontrih waqt li kien qed jixrob u jisker f’Tirsa fid-dar t’Arsa, li kien jieħu ħsieb il-palazz f’Tirsa. 10  Żimri daħal, attakkah, u qatlu fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, u sar re minfloku. 11  Meta sar re u qagħad fuq it-tron, hu qatel lid-dar kollha taʼ Bagħsa. Ma ħalliex raġel ħaj,* la mill-qraba* u lanqas mill-ħbieb tiegħu. 12  B’hekk Żimri qered għalkollox id-dar kollha taʼ Bagħsa, skont dak li Ġeħova qal kontra Bagħsa permezz tal-profeta Ġeħu. 13  Dan kien minħabba d-dnubiet kollha li għamlu Bagħsa u ibnu Elah u d-dnubiet li ġiegħlu lil Iżrael jagħmel billi offendew lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn. 14  Il-bqija tal-istorja t’Elah u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 15  Fis-27 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Żimri sar re għal sebat ijiem f’Tirsa waqt li s-suldati kienu kkampjati biex jattakkaw lil Gibbeton, li kienet tal-Filistin. 16  U s-suldati li kienu kkampjati semgħu li Żimri kkonfoffa u qatel lir-re. Għalhekk, dakinhar stess fil-kampijiet għamlu lil Għomri, li kien il-kap tal-armata, re fuq Iżrael. 17  Imbagħad Għomri u Iżrael kollu telgħu minn Gibbeton u assedjaw lil Tirsa. 18  Meta Żimri ra li l-belt kienet inqabdet, mar fit-torri ffortifikat tal-palazz tar-re u ħaraq il-palazz bih b’kollox u miet. 19  Dan kien minħabba li dineb għax għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova bħal Ġerobogħam u minħabba d-dnub li ġiegħel lil Iżrael jagħmel. 20  Il-bqija tal-istorja taʼ Żimri u l-konfoffa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 21  Kien dak iż-żmien li l-poplu t’Iżrael inqasam fi tnejn. Min beda jsegwi lil Tibni bin Ginat biex jagħmlu re u min lil Għomri. 22  Imma n-nies li kienu wara Għomri għelbu lin-nies taʼ wara Tibni bin Ginat. Għalhekk, Tibni miet u Għomri sar re. 23  Fil-31 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda, Għomri sar re fuq Iżrael u dam imexxi 12-il sena. F’Tirsa mexxa sitt snin. 24  Hu xtara l-muntanja tas-Samarija mingħand Semer għal żewġ talenti* fidda. Hu bena belt fuqha u semmieha Samarija,* għal Semer sid* il-muntanja. 25  Għomri baqaʼ jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u kien agħar minn dawk kollha taʼ qablu. 26  Hu aġixxa eżatt bħal Ġerobogħam bin Nebat u għamel l-istess dnub li ġiegħel lill-Iżraelin jagħmlu meta offendew lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael bl-idoli tagħhom li ma jiswew għal xejn. 27  Il-bqija tal-istorja t’Għomri, dak li għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 28  Imbagħad Għomri miet u ndifen fis-Samarija; u ibnu Aħab sar re minfloku. 29  Aħab bin Għomri sar re fuq Iżrael fit-38 sena tat-tmexxija tar-Re Asa taʼ Ġuda u dam imexxi fuq Iżrael fis-Samarija 22 sena. 30  F’għajnejn Ġeħova, Aħab bin Għomri kien agħar minn dawk kollha taʼ qablu. 31  U bħallikieku ma kienx biżżejjed li jagħmel id-dnubiet taʼ Ġerobogħam bin Nebat, hu żżewweġ lil Ġeżabel bint Etbagħal, ir-re tas-Sidonin, u beda jaqdi lil Bagħal u jmil quddiemu. 32  Iktar minn hekk, għamel artal lil Bagħal fid-dar* li bnielu fis-Samarija. 33  Aħab għamel ukoll arblu sagru.* Hu għamel iktar affarijiet biex joffendi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael mir-rejiet kollha t’Iżrael taʼ qablu. 34  Fi żmienu, Ħijel il-Beteli reġaʼ bena Ġeriko. Hu tilef lil Abiram l-ewwel imwieled tiegħu meta qiegħed il-pedament tagħha u lil Segub l-iżgħar tifel tiegħu meta waqqaf il-bibien tagħha, skont dak li Ġeħova kien qal permezz taʼ Ġożwè bin Nun.

Noti taʼ taħt

Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Jew “la lil xi ħadd li kellu d-dritt jivvendika ruħu għal demmu.”
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
Ifisser “Li Hi tal-Familja taʼ Semer.”
Letteralment “mulej.”
Jew “fit-tempju.”