L-Ewwel Kronaki 16:1-43
16 B’hekk, daħħlu l-Arka tal-Alla l-veru u poġġewha ġot-tinda li David kien rama għaliha. U ppreżentaw offerti tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi quddiem l-Alla l-veru.
2 Wara li David offra l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi, hu bierek lin-nies f’isem Ġeħova.
3 Barra minn hekk, hu ta ħobża, ċappa tamal, u ċappa żbib lil kull raġel u mara mill-Iżraelin.
4 Imbagħad, hu inkariga lil xi Leviti biex jaqdu quddiem l-Arka taʼ Ġeħova, biex jonoraw,* jirringrazzjaw, u jfaħħru lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
5 Asaf kien il-kap, u t-tieni warajh kien Żakkarija. Ġegħijel, Semiramot, Ġeħijel, Mattitija, Eljab, Benaja, Għobed-edom, u Ġegħijel kienu jdoqqu l-istrumenti tal-korda u l-arpi. Asaf kien idoqq iċ-ċimbali,
6 u l-qassisin Benaja u Ġaħażijel kienu jdoqqu t-trumbetti regolarment quddiem l-arka tal-patt tal-Alla l-veru.
7 Dakinhar, David kiteb għall-ewwel darba għanja taʼ ringrazzjament lil Ġeħova u ta struzzjoni lil Asaf u lil Leviti oħra biex ikantawha. Din kienet l-għanja:
8 “Irringrazzjaw lil Ġeħova, użaw ismu meta titolbu,Għidu lill-popli b’dak li għamel!
9 Kantawlu, faħħruh bil-kant,*Aħsbu* dwar l-affarijiet tal-għaġeb li għamel.
10 Ftaħru b’ismu l-qaddis.
Ħa tifraħ qalb dawk li qed ifittxu lil Ġeħova.
11 Fittxu lil Ġeħova u afdaw fis-saħħa tiegħu.
Fittxu l-għajnuna tiegħu* l-ħin kollu.
12 Ftakru fl-affarijiet tal-għaġeb li għamel,Fil-mirakli u fil-ġudizzji tiegħu.
13 Iva, ftakru dan intom li tiġu minn Iżrael il-qaddej tiegħu,Tfal taʼ Ġakobb, il-magħżulin tiegħu.
14 Hu Ġeħova l-Alla tagħna.
Hu jiġġudika l-art kollha.
15 Ftakru fil-patt tiegħu għal dejjem,Il-wegħda li għamel* għal elf ġenerazzjoni,
16 Il-patt li għamel m’Abraham,U l-ħalfa li għamel lil Iżakk.
17 Hu għamel din il-ħalfa lil Ġakobb bħala garanzija,U bħala patt għal żmien twil għal Iżrael,
18 Billi qal, ‘Se nagħtik l-art taʼ Kangħan bħala wirt.’
19 Dan sar meta kienu vera ftit,U kienu barranin fl-art.
20 Marru ’l hemm u ’l hawn minn poplu għal poplu,Minn saltna għal saltna.
21 Ma ħalla lil ħadd jaħqarhom,U minħabba fihom wissa lir-rejiet,
22 Billi qal, ‘Tmissux lill-magħżulin* tiegħi,U tagħmlux ħsara lill-profeti tiegħi.’
23 Kantaw lil Ġeħova, nies tal-art kollha!
Għidu lil kulħadd dwar is-salvazzjoni tiegħu jum wara jum!
24 Faħħruh mal-popli,Għidu lill-popli dwar l-affarijiet tal-għaġeb li għamel.
25 Għax Ġeħova hu kbir u jistħoqqlu kull tifħir,Hu taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah iktar mill-allat l-oħrajn kollha.
26 L-allat kollha tal-popli ma jiswew għal xejn.
Imma Ġeħova hu dak li għamel is-sema.
27 Fejn hemm hu hemm glorja u ġmiel,*Saħħa u ferħ hemm fil-post fejn jgħix.
28 Onoraw lil Ġeħova, familji tal-popli,Onoraw lil Ġeħova għall-glorja u s-saħħa tiegħu.
29 Agħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu.
Ġibu rigal u idħlu quddiemu.
Milu quddiem* Ġeħova bi lbies qaddis.*
30 Triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!
L-art hi stabbilita fis-sod u ħadd ma jistaʼ jċaqlaqha.
31 Ħa jifirħu s-sema u l-art,Iddikjaraw fost il-popli: ‘Ġeħova sar Re!’
32 Ħa jgħajjat il-baħar u kulma fih.
Ħa jifirħu l-għelieqi u kulma fihom.
33 Fl-istess ħin ħa jgħajtu bil-ferħ is-siġar tal-foresta quddiem Ġeħova,Għax hu ġej* biex jiġġudika l-art.
34 Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb.
L-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.
35 U għidu, ‘Salvana, l-Alla tas-salvazzjoni tagħna,Iġborna flimkien u eħlisna mill-popli,Biex nirringrazzjaw lil ismek qaddisU nfaħħruk bil-ferħ.
36 Jalla jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael għal dejjem.’”
U n-nies kollha qalu, “Ammen!”* u faħħru lil Ġeħova.
37 Imbagħad David ħalla lil Asaf u lil Leviti oħra hemmhekk quddiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova biex jaqdu quddiem l-Arka l-ħin kollu, skont ir-rutina taʼ kull ġurnata.
38 Hu ħalla wkoll lil Għobed-edom u 68 Levita ieħor. Hu inkariga lil Għobed-edom bin Ġedutun u Ħosa bħala għassiesa.
39 Sadok il-qassis u qassisin oħrajn ġew inkarigati quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova fil-post għall-qima f’Gibegħon.
40 Huma kellhom joffru offerti tal-ħruq lil Ġeħova fuq l-artal tal-offerta tal-ħruq regolarment, filgħodu u filgħaxija, u jagħmlu kulma hu miktub fil-Liġi taʼ Ġeħova li kkmanda lil Iżrael.
41 Magħhom kien hemm Ħeman, Ġedutun, u l-bqija tal-irġiel magħżulin speċifikament biex jirringrazzjaw lil Ġeħova, għaliex “l-imħabba u l-lealtà tiegħu jibqgħu għal dejjem.”
42 Ħeman u Ġedutun kellhom idoqqu t-trumbetti, iċ-ċimbali, u l-istrumenti li jintużaw biex ifaħħru lill-Alla* l-veru. It-tfal taʼ Ġedutun kienu mal-bieb.
43 Imbagħad in-nies kollha marru lejn darhom, u David mar ibierek lil daru stess.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jiftakru.”
^ Jew “doqqulu l-mużika.”
^ Jew forsi “Tkellmu.”
^ Letteralment “wiċċu.” Jew “il-preżenza tiegħu.”
^ Letteralment “Il-kelma li kkmanda.”
^ Letteralment “lill-midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “dinjità.”
^ Jew “Qimu lil.”
^ Jew forsi “minħabba l-ġmiel tal-qdusija tiegħu.”
^ Jew “ġie.”
^ Jew “L-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Hekk ikun!”
^ Jew “l-istrumenti tal-għanja tal-Alla.”