Ħaggaj 2:1-23

  • It-tieni tempju se jimtela bil-glorja (1-9)

    • Il-popli kollha se jitheżżu (7)

    • L-affarijiet prezzjużi tal-popli se jiġu fit-tempju (7)

  • Li jerġgħu jibnu t-tempju jġib il-barkiet (10-19)

    • Xi ħaġa ma ssirx qaddisa għax tmiss xi ħaġa qaddisa (10-14)

  • Messaġġ lil Żerubbabel (20-23)

    • ‘Jien se nagħmlek bħal ċurkett tas-siġill’ (23)

2  Fil-21 tas-sebaʼ xahar, Ġeħova kellem lili, il-profeta Ħaggaj, u qalli: 2  “Jekk jogħġbok, staqsi lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda li hu t-tifel taʼ Saltijel, lil Ġożwè l-qassis il-kbir li hu t-tifel taʼ Ġeħosadak, u l-bqija tal-poplu: 3  ‘Min għad fadal minnkom li ra kemm kien impressjonanti dan it-tempju?* Issa kif qed tarawh? Ma taħsbux li m’għandux x’jaqsam maʼ kif kien qabel?’ 4  “Ġeħova jgħid, ‘Imma kunu kuraġġużi, Żerubbabel u Ġożwè l-qassis il-kbir, it-tifel taʼ Ġeħosadak.’ “Ġeħova jgħid, ‘Kun kuraġġuż, poplu kollu tal-pajjiż, u aħdem,’ “‘Għax jien magħkom.’ Ġeħova tal-armati jgħid, 5  ‘Ftakru f’dak li wegħedtkom meta ħriġtu mill-Eġittu, u kunu ċerti li l-ispirtu tiegħi se jibqaʼ magħkom.* Tibżgħux.’” 6  “Għax Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Fi ftit żmien ieħor, jien se nheżżeż is-sema, l-art, u l-baħar għal darb’oħra.’ 7  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Jien se nheżżeż lill-popli kollha, u l-affarijiet prezzjużi* tagħhom se jiġu fit-tempju. U jien se nagħmel it-tempju impressjonanti ħafna.’ 8  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Il-fidda u d-deheb huma tiegħi.’ 9  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Fil-futur, dan it-tempju se jkun iktar impressjonanti minn dak taʼ qablu.’ “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘U jien se nara li jkun hemm il-paċi fih.’” 10  Fl-24 tad-disaʼ xahar tat-tieni sena tat-tmexxija taʼ Darju, Ġeħova kellem lili, il-profeta Ħaggaj, u qalli: 11  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Jekk jogħġbok, staqsihom dan lill-qassisin dwar il-liġi: 12  “Jekk raġel iġorr fil-ħwejjeġ tiegħu laħam li ġie ssagrifikat* u l-ħwejjeġ tiegħu jmissu mal-ħobż, l-istuffat, l-inbid, iż-żejt, jew xi tip taʼ ikel ieħor, taħsbu li dawn se jsiru qaddisin?”’” Il-qassisin wieġbu: “Le!” 13  Imbagħad jien staqsejthom: “Jekk xi ħadd ma jkunx nadif għax ikun mess maʼ ġisem mejjet* u jmiss xi ħaġa minn dawn, taħsbu li din se ssir mhux nadifa?” Il-qassisin wieġbu: “Iva, se ssir mhux nadifa.” 14  Għalhekk, jien għedtilhom: “Ġeħova jgħid, ‘Hekk hu dan il-poplu, u hekk inqisu lil dan il-ġens. Hekk hu dak kollu li jagħmlu. Kulma jippreżentaw inqisu mhux nadif.’ 15  “‘Imma mil-lum ’il quddiem, jekk jogħġobkom, aħsbu sew x’ġara qabel ma tpoġġa l-ġebel tat-tempju taʼ Ġeħova. 16  Meta xi ħadd kien jiġi ħdejn il-munzell taċ-ċereali* u jistenna li jieħu 20 xkora, kien ikun hemm għaxra biss. U meta xi ħadd kien jiġi fejn jagħsru l-għeneb biex jimla 50 ġarra, kien ikun hemm 20 biss. 17  Jien ikkastigajtkom billi bgħatt riħ jaħraq, moffa, u silġ, imma ħadd minnkom ma dar lura lejja,’ jgħid Ġeħova. 18  “‘Illum, l-24 tad-disaʼ xahar, tqiegħed il-pedament tat-tempju taʼ Ġeħova. Mil-lum ’il quddiem, jekk jogħġobkom, aħsbu sew dwar dan: 19  M’hemmx żrieragħ fil-maħżen. Id-dielja, it-tina, ir-rummiena, u s-siġra taż-żebbuġ għadhom m’għamlux frott. Imma mil-lum, jien se nberikkom.’” 20  Ġeħova reġaʼ kellimni fl-24 tad-disaʼ xahar u qalli: 21  “Lil Żerubbabel il-gvernatur taʼ Ġuda għidlu, ‘Jien se nheżżeż is-sema u l-art. 22  Jien se negħleb it-tronijiet tar-rejiet u nġib fix-xejn is-saħħa tas-saltniet tal-popli. Jien se naqleb il-karrijiet u r-rikkieba tagħhom, u ż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom se jaqgħu. Huma se joqtlu lil xulxin bix-xabla.’” 23  “Ġeħova tal-armati jgħid, ‘Dakinhar, jien se nagħmel lilek, il-qaddej tiegħi Żerubbabel it-tifel taʼ Saltijel, bħal ċurkett tas-siġill. Għax int il-wieħed li jien għażilt,’ jgħid Ġeħova. Dan qalu Ġeħova tal-armati.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “id-dar.”
Jew forsi “u meta l-ispirtu tiegħi kien magħkom.”
Jew “mixtiqin.”
Jew “laħam qaddis.”
Jew “minħabba ruħ mejta.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.