Ġob 1:1-22
1 Fl-art taʼ Uż kien hemm raġel jismu Ġob.* Dan kien raġel sew u leali.* Hu kien jirrispetta ħafna lil* Alla u jevita dak li hu ħażin.
2 Ġob kellu sebaʼ subien u tlett ibniet.
3 Hu kellu 7,000 nagħġa, 3,000 ġemel, 1,000 baqra,* u 500 ħmara. Kellu wkoll ammont kbir taʼ qaddejja, tant li kien l-aqwa min-nies tal-Lvant.
4 Kull wieħed mit-tfal subien tiegħu kien jagħmel ikla kbira fid-dar tiegħu fil-ġurnata li kien imissu. Huma kienu jistiednu wkoll lit-tliet ħuthom bniet.
5 U meta kulħadd kien jagħmel l-ikla, Ġob kien jibgħat għalihom biex iqaddishom. Imbagħad l-għada kien iqum kmieni u joffri sagrifiċċji tal-ħruq għal kull wieħed minnhom. Għax Ġob kien jgħid: “Li ma jmurx it-tfal tiegħi dinbu u qalu xi ħaġa kontra Alla f’qalbhom.” Hu għalhekk li Ġob dejjem kien jagħmel dan.
6 Waslet il-ġurnata meta l-anġli* marru quddiem Ġeħova l-Alla l-veru, u Satana mar ukoll.
7 Imbagħad Ġeħova qal lil Satana: “Minn fejn ġej?” Satana wieġeb lil Ġeħova: “Kont qed indur ’l hemm u ’l hawn fid-dinja u nara x’hemm fiha.”
8 U Ġeħova qallu: “Rajtu l-qaddej tiegħi Ġob? M’hemm ħadd bħalu fid-dinja. Hu raġel sew u leali,* jirrispettani ħafna,* u ma jagħmilx dak li hu ħażin.”
9 Satana wieġeb lil Ġeħova: “Taħseb li għalxejn li Ġob jirrispettak?*
10 Int għamilt bħal ħajt taʼ protezzjoni madwaru u madwar daru u kulma għandu. Berikt dak kollu li għamel, u l-annimali tiegħu komplew jiżdiedu.
11 Imma din id-darba uża l-qawwa tiegħek biex tiħodlu kulma għandu u tara kif jgħajrek f’wiċċek.”
12 U Ġeħova qallu: “Kulma għandu hu f’idejk. Imma lilu tagħmillu xejn!” Għalhekk, Satana telaq minn quddiem Ġeħova.
13 Meta t-tfal taʼ Ġob kienu qed jieklu u jixorbu l-inbid fid-dar taʼ ħuhom il-kbir,
14 mar qaddej għand Ġob u qallu: “Waqt li l-baqar kienu qed jaħartu u l-ħmir kienu qed jirgħaw maġenbhom,
15 is-Sabegħanin attakkawna u ħaduhom, u qatlu l-qaddejja tiegħek bix-xabla. Jien biss irnexxieli naħrab biex niġi ngħidlek.”
16 Waqt li kien għadu qed jitkellem, mar qaddej ieħor u qallu: “Alla bagħat nar* mis-sema u ħaraq in-nagħaġ u l-qaddejja! Jien biss irnexxieli naħrab biex niġi ngħidlek.”
17 Waqt li kien għadu qed jitkellem, mar ieħor u qallu: “Il-Kaldin ġew fi tliet gruppi u serqu l-iġmla u qatlu l-qaddejja bis-sejf! Jien biss irnexxieli naħrab biex niġi ngħidlek.”
18 Waqt li kien għadu qed jitkellem, terġaʼ mar ieħor u qallu: “It-tfal tiegħek kienu qed jieklu u jixorbu l-inbid fid-dar taʼ ħuhom il-kbir.
19 U f’daqqa waħda ġie riħ qawwi mid-deżert u waqqaʼ l-erbaʼ ħitan tad-dar fuq it-tfal tiegħek, u b’hekk mietu. Jien biss irnexxieli naħrab biex niġi ngħidlek.”
20 Meta semaʼ dan, Ġob ċarrat ħwejġu u qataʼ xagħru. Imbagħad inxteħet mal-art, miel,
21 u qal:
“Meta twilidt ma kelli xejn,U mhu se nieħu xejn miegħi meta mmut.*
Ġeħova tani, u Ġeħova ħadli.
Ħa jibqaʼ jiġi mfaħħar isem Ġeħova.”
22 Minkejja dak li ġralu, Ġob ma dinibx u ma qalx li Alla għamel xi ħaġa ħażina.
Noti taʼ taħt
^ Jistaʼ jkun ifisser “Vittma tal-Mibegħda.”
^ Jew “bla ħtija u taʼ integrità.”
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Letteralment “500 par baqar.”
^ Letteralment “it-tfal t’Alla.”
^ Jew “bla ħtija u taʼ integrità.”
^ Letteralment “jibżaʼ minni.”
^ Letteralment “jibżaʼ minnek.”
^ Jew forsi “sajjetti.”
^ Letteralment “Għarwien ħriġt minn żaqq ommi, u għarwien se mmur lura.”