Ġożwè 13:1-33
13 Issa Ġożwè xjaħ u kien wasal biex imut. Għalhekk, Ġeħova qallu: “Int xjaħt, imma għad baqaʼ parti kbira mill-art x’tittieħed.*
2 Din hi l-art li baqaʼ: ir-reġjuni kollha tal-Filistin u tal-Gesurin
3 (mill-fergħa tan-Nil* li tinsab fil-Lvant* tal-Eġittu sal-fruntiera t’Għekron lejn it-Tramuntana, li kienet titqies it-territorju tal-Kangħanin) li tinkludi l-art tal-ħames mexxejja tal-Filistin—Gaża, Asdod, Askelon, Gat, u Għekron; l-art tal-Għawwin
4 lejn in-Nofsinhar; l-art kollha tal-Kangħanin; l-art minn Meara li hi tas-Sidonin sa Afek li hi fuq il-fruntiera tal-Amurrin;
5 l-art tal-Gebalin u l-Libanu kollu lejn il-Lvant, minn Bagħal-gad fin-naħa t’isfel tal-Muntanja Ħermon sa Lebo-ħamat;*
6 ir-reġjun muntanjuż kollu mil-Libanu sa Misrefot-majm; u l-art kollha li jgħixu fiha s-Sidonin. Jien se nkeċċihom* quddiem l-Iżraelin. Kulma trid tagħmel int hu li tagħtiha lill-Iżraelin bħala wirt, bħalma kkmandajtek.
7 U issa qassam din l-art bħala wirt lid-disaʼ tribujiet u lil nofs it-tribù taʼ Manasse.”
8 Ir-Rubenin, il-Gadin, u n-nofs l-ieħor tat-tribù taʼ Manasse ħadu l-wirt li tahom Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan.
9 Dan kien jibda minn Għarogħer li qiegħda f’xifer il-Wied tal-Arnon, u l-belt li qiegħda f’nofs il-wied, u l-pjanura fl-għoli taʼ Medeba sa Dibon;
10 u l-bliet kollha tar-Re Siħon tal-Amurrin li mexxa f’Ħesbon, sal-fruntiera tal-Għammonin;
11 kif ukoll Gilegħad u t-territorju tal-Gesurin u l-Magħkatin u l-Muntanja Ħermon kollha u l-Basan kollu sa Saleka;
12 it-territorju rjali kollu t’Għog fil-Basan li mexxa f’Għastarot u f’Edrej. (Hu kien wieħed minn dawk li kien għad fadal mir-Refajin.) Mosè rebħilhom u keċċiehom.*
13 Imma l-Iżraelin ma keċċewx* lill-Gesurin u l-Magħkatin, għax dawn għadhom jgħixu f’nofs Iżrael sal-lum.
14 Lit-tribù taʼ Levi biss ma tax wirt. Wirtu hu l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova l-Alla t’Iżrael, bħalma wiegħdu hu.
15 Imbagħad Mosè ta wirt lit-tribù taʼ Ruben skont il-familji tiegħu.
16 It-territorju tagħhom kien minn Għarogħer li qiegħda f’xifer il-Wied tal-Arnon, u l-belt li qiegħda f’nofs il-wied, u l-pjanura fl-għoli ħdejn Medeba;
17 Ħesbon u l-bliet kollha tagħha fuq il-pjanura fl-għoli, Dibon, Bamot-bagħal, Bet-bagħal-megħon,
18 Ġaħas, Kedemot, Mefgħat,
19 Kirjatajm, Sibma, u Seret-saħar fuq il-muntanja tal-wied,*
20 Bet-pegħor, it-tlajjaʼ tal-Pisga, Bet-ġesimot,
21 il-bliet kollha tal-pjanura fl-għoli, u t-territorju rjali kollu tar-Re Siħon tal-Amurrin li mexxa f’Ħesbon. Mosè rebaħ lilu u lill-kapijiet Midjanin, Evi, Rekem, Żur, Ħur, u Reba, li kienu taħt l-awtorità taʼ Siħon u li kienu qed jgħixu f’dik l-art.
22 Balgħam bin Begħor, is-saħħar, kien wieħed minn dawk li l-Iżraelin qatlu bix-xabla.
23 Il-fruntiera tar-Rubenin kienet il-Ġordan; u dan it-territorju, bil-bliet u l-irħula tagħhom, kien il-wirt tar-Rubenin skont il-familji tagħhom.
24 Iktar minn hekk, Mosè ta wirt lit-tribù taʼ Gad skont il-familji tiegħu,
25 u t-territorju tagħhom kien jinkludi Ġagħżer u l-bliet kollha taʼ Gilegħad u nofs l-art tal-Għammonin s’Għarogħer li qiegħda faċċata taʼ Rabba;
26 u minn Ħesbon sa Ramat-mispe u Betonim, u minn Maħanajm sal-fruntiera taʼ Debir;
27 u fil-wied,* Bet-ħaram, Bet-nimra, Sukkot, u Safon, il-bqija tat-territorju rjali taʼ Siħon ir-re taʼ Ħesbon, bil-Ġordan bħala l-fruntiera mit-tarf l-iktar baxx tal-Baħar taʼ Kinneret* fuq in-naħa tal-Lvant tal-Ġordan.
28 Dan kien il-wirt tal-Gadin skont il-familji tagħhom, bil-bliet u l-irħula tagħhom.
29 Iktar minn hekk, Mosè ta wirt lil nofs it-tribù taʼ Manasse skont il-familji tiegħu.
30 U t-territorju tagħhom kien minn Maħanajm u inkluda l-Basan kollu, jiġifieri t-territorju rjali kollu tar-Re Għog tal-Basan, u l-irħula kollha tat-tined taʼ Ġajir li huma fil-Basan, 60 belt.
31 U nofs Gilegħad, u Għastarot u Edrej, il-bliet tat-territorju rjali t’Għog fil-Basan, ingħataw lit-tfal taʼ Makir bin Manasse, jiġifieri lil nofs it-tfal taʼ Makir skont il-familji tagħhom.
32 Dan kien il-wirt li Mosè tahom fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fil-Lvant taʼ Ġeriko.
33 Imma lit-tribù taʼ Levi, Mosè ma tahx wirt. Il-wirt tiegħu hu Ġeħova l-Alla t’Iżrael, bħalma wiegħdu hu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “x’tintrebaħ.”
^ Jew “mis-Siħor.”
^ Letteralment “quddiem.”
^ Jew “sad-daħla taʼ Ħamat.”
^ Jew “niħdilhom il-propjetà tagħhom.”
^ Jew “ħadilhom il-propjetà tagħhom.”
^ Jew “ħadux il-propjetà.”
^ Jew “tal-pjanura l-baxxa.”
^ Jew “fil-pjanura l-baxxa.”
^ Jiġifieri l-Għadira taʼ Ġennesaret, jew il-Baħar tal-Galilija.