Ġeremija 7:1-34

7  Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid:  “Oqgħod fil-bieb tad-dar taʼ Ġeħova, u hemmhekk xandar din il-kelma,+ u għid, ‘Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, intom ilkoll f’Ġuda, li deħlin minn dawn il-bibien biex tmilu quddiem Ġeħova.  Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Irranġaw triqatkom u l-għemejjel tagħkom, u nħallikom tgħixu f’dan il-post.+  Tafdawx fi kliem qarrieq+ billi tgħidu: ‘It-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova, it-tempju taʼ Ġeħova dan!’  Għax jekk tassew tirranġaw triqatkom u l-għemejjel tagħkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn bniedem u ieħor,+  jekk ma taħqrux lir-resident barrani, lit-tifel bla missier u lill-armla,+ u ma xxerrdux demm innoċenti f’dan il-post,+ u ma timxux wara allat oħrajn bi ħsara għalikom,+  jien, min-naħa tiegħi, inħallikom tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom, minn żmien indefinit għal żmien indefinit.”’”+  “Ara, intom qed tafdaw fi kliem qarrieq, u dan m’hu se jkun t’ebda benefiċċju.+  Tistgħu intom tisirqu,+ toqtlu,+ tagħmlu adulterju,+ taħilfu falz,+ toffru lil Bagħal id-duħħan tas-sagrifiċċji,+ u timxu wara allat oħrajn li ma kontux tafu bihom,+ 10  u mbagħad tiġu u toqogħdu quddiemi f’din id-dar li ssejjaħ ismi fuqha,+ u tgħidu, ‘Aħna żgur se ninħelsu,’ minkejja li tagħmlu dawn l-affarijiet mistkerrhin kollha? 11  Jaqaw din id-dar li ssejjaħ ismi fuqha+ saret għar tal-ħallelin f’għajnejkom?+ Ara, jien stess rajtu dan,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ 12  “‘Madankollu, issa, morru fil-post li kelli f’Silo,+ fejn fil-bidu qegħedt ismi jgħammar fih,+ u araw x’għamiltlu minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Israel.+ 13  U issa, talli bqajtu tagħmlu dawn l-għemejjel kollha,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u talli ma smajtux+ avolja kellimtkom kemm-il darba, u kont inbakkar fil-għodu biex inkellimkom,+ u talli ma wiġibtux+ avolja bqajt insejħilkom, 14  jien se nagħmel lid-dar li ssejjaħ ismi fuqha,+ li intom qed tafdaw fiha,+ u lill-post li tajt lilkom u lil missirijietkom, bħalma għamilt lil Silo.+ 15  U nkeċċikom minn quddiem wiċċi,+ bħalma keċċejt lil ħutkom kollha, ulied Efrajm kollha.’+ 16  “U int, titlobx għal dawn in-nies, u tgħajjatx bil-ħrara għan-nom tagħhom jew titlob għalihom u lanqas tissupplikani,*+ għax ma nisimgħekx.+ 17  M’intix tara x’inhuma jagħmlu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm?+ 18  L-ulied qed jiġbru l-ħatab, u l-missirijiet qed iqabbdu n-nar, u n-nisa tagħhom qed jagħġnu l-għaġina tad-dqiq sabiex jagħmlu l-ftajjar tas-sagrifiċċji għas-‘sultana tas-semaʼ;+ u qed iferrgħu l-offerti tax-xorb+ lil allat oħrajn biex joffenduni.+ 19  ‘Lili qed joffendu?’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ ‘Mhux lilhom infushom, biex iħammru wiċċhom?’+ 20  Għaldaqstant, hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ara! Ir-rabja u l-korla tiegħi qed jitferrgħu fuq dan il-post,+ fuq il-bnedmin u fuq l-annimali domestiċi, u fuq is-siġar tar-rabaʼ+ u fuq il-frott taʼ l-art; u taqbad, u ma tintefiex.’+ 21  “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Żidu l-offerti sħaħ tal-ħruq mas-sagrifiċċji tagħkom u kulu l-laħam.+ 22  Għax meta ħriġt lil missirijietkom mill-art taʼ l-Eġittu jien la kellimthom u lanqas ikkmandajthom dwar l-offerti sħaħ tal-ħruq u s-sagrifiċċji.+ 23  Imma din kienet il-kelma li kkmandajthom jagħmlu: “Obdu minn leħni,+ u jien insir Alla tagħkom,+ u intom issiru l-poplu tiegħi; u imxu fit-triq kollha+ li nikkmandakom, sabiex jaħbtilkom tajjeb.”’+ 24  Imma huma ma semgħux u lanqas taw widen,+ imma komplew jimxu skond il-pjanijiet u l-ebusija taʼ qalbhom il-ħażina,+ u b’hekk baqgħu sejrin lura u mhux ’il quddiem,+ 25  minn dakinhar li missirijietkom ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu sa llum.+ U jien bqajt nibagħtilkom lill-qaddejja kollha tiegħi l-profeti; kuljum kont inbakkar u nibgħathom.+ 26  Iżda ma semgħux minni, u ma tawnix widen,+ imma baqgħu jwebbsu rashom.*+ Aġixxew agħar minn missirijiethom!+ 27  “U tgħidilhom dan il-kliem kollu,+ imma huma ma jagħtukx widen; u ssejħilhom, imma ma jwiġbukx.+ 28  U għidilhom, ‘Dan hu l-ġens li niesu m’obdewx leħen Ġeħova Alla tagħhom,+ u ma laqgħux id-dixxiplina.+ Il-fedeltà għabet, u telqet minn fommhom.’+ 29  “Qarweż xagħrek li ħallejt jitwal u armih,+ u semmaʼ għanja taʼ niket fuq l-għoljiet għerjin,+ għax Ġeħova ċaħad+ lill-ġenerazzjoni li hu tant irrabjat għaliha u se jabbandunaha.+ 30  ‘Għax ulied Ġuda għamlu dak li hu ħażin f’għajnejja,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova. ‘Poġġew l-affarijiet moqżieża tagħhom fid-dar li ssejjaħ ismi fuqha sabiex iniġġsuha.+ 31  U bnew il-postijiet għall-qima* f’Tofet,+ fil-wied taʼ bin Ħinnom,+ sabiex jaħarqu fin-nar lil uliedhom subien u bniet,+ ħaġa li jien ma kkmandajthomx jagħmlu u li lanqas biss għaddietli minn moħħi.’*+ 32  “‘Għaldaqstant, ara, ġejjin jiem,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘meta ma jissejjaħx iktar Tofet u wied bin Ħinnom, imma wied il-qatla;+ u jkollhom jidfnu f’Tofet anki jekk ma jkunx hemm iktar wisaʼ.+ 33  U l-iġsma mejtin taʼ dan il-poplu jsiru ikel għall-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u għall-bhejjem taʼ l-art, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.+ 34  U fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm insikket leħen il-ferħ u leħen l-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa;+ għax il-pajjiż ma jsir xejn għajr ħerba.’”+

Noti taʼ taħt

Jew, “titlobni bil-ħerqa.”
Letteralment, “għonqhom.”
Letteralment, “qalbi.”
Letteralment, “postijiet fl-għoli.” Ara Le 26:30, in-nota taʼ taħt.