Ġeremija 51:1-64

51  Hekk qal Ġeħova: “Ara, se nqajjem kontra Babilonja+ u kontra l-abitanti taʼ Leb-qamaj* riħ li jġib rovina;+  u nibgħat f’Babilonja nies li jderruha bħall-qmuħ u jiżvojtawlha artha;+ għax dakinhar tal-gwaj jiġu kontriha minn kull naħa.+  “Dak li qed iħejji l-qaws tiegħu ħa ma jħejjihx.+ U ħalli ħadd ma jqum bil-wieqfa bil-kurazza tiegħu. “Turux mogħdrija għaż-żgħażagħ tagħha.+ Eqirdu* l-armata kollha tagħha.+  U jaqgħu maqtulin fl-art tal-Kaldin+ u minfudin fit-toroq tagħha.+  “Għax Israel u Ġuda+ ma romlux minn Alla tagħhom, minn Ġeħova taʼ l-armati.+ Għax mill-ħarsa tal-Qaddis taʼ Israel, art il-Kaldin imtliet bil-ħtija.+  “Aħarbu minn ġo nofs Babilonja,+ u eħilsu ruħkom.+ Titilfux ħajjitkom minħabba l-iżball tagħha.+ Għax wasal il-waqt tal-vendetta taʼ Ġeħova.+ Se jroddilha lura dak li jistħoqqilha.+  Babilonja kienet kies tad-deheb f’id Ġeħova,+ u hi ġiegħlet lill-art kollha tisker.+ Il-ġnus xorbu mill-inbid tagħha,+ u għalhekk jaġixxu taʼ mġienen.+  F’daqqa waħda Babilonja waqgħet, u tkissret.+ Newħu għaliha.+ Ħudulha l-balzmu għall-uġigħ li għandha.+ Forsi tfiq.”  “Xtaqna nfejquha lil Babilonja, imma ma fiqitx. Ħalluha,+ u ejja mmorru kull wieħed lejn pajjiżu.+ Għax il-ġudizzju tagħha laħaq sas-smewwiet, u għola sas-sħab tas-sema.+ 10  Ġeħova aġixxa bis-sewwa għalina.+ Ejjew ħa nirrakkontaw f’Sijon għemil Ġeħova Alla tagħna.”+ 11  “Sinnu l-vleġeġ.+ Oqogħdu wara t-tarki tondi tagħkom. Ġeħova qajjem l-ispirtu tas-slaten tal-Medin,+ għax għandu ħsieb kontra Babilonja,+ li jagħmilha ħerba. Għax din hija l-vendetta taʼ Ġeħova, il-vendetta għat-tempju tiegħu.+ 12  Għollu arblu bħala sinjal kontra s-swar taʼ Babilonja.+ Saħħu l-għassa.+ Qiegħdu l-għassiesa. Ħejju lil dawk mistoħbijin għall-attakk.+ Għax Ġeħova sawwar il-ħsieb u żgur jagħmel dak li qal kontra l-abitanti taʼ Babilonja.”+ 13  “O mara li tgħammar fuq ilmijiet kotrana,+ mimlija bit-teżori,+ wasal tmiemek, u daqshekk+ għamilt qligħ.+ 14  Ġeħova taʼ l-armati ħalef b’ruħu stess,+ ‘Nimliek bin-nies, bħall-ġurati,+ u huma jgħannu għajta taʼ rebħa minħabba fik.’+ 15  Hu li għamel l-art bil-qawwa tiegħu,+ li b’għerfu+ waqqaf l-art produttiva fis-sod,+ u li bl-intelliġenza tiegħu+ firex is-smewwiet.+ 16  Mal-ħoss taʼ leħnu, l-ilmijiet fis-smewwiet ikarwtu; u hu jtellaʼ l-fwar minn tarf l-art.+ Għamel ukoll bibien għax-xita,+ u joħroġ ir-riħ mill-imħażen tiegħu. 17  Kulħadd aġixxa bla raġuni għalkollox, u b’hekk wera li ma jaf xejn.+ Kulmin jaħdem fil-metall jistħi minħabba x-xbieha skolpita;+ għax ix-xbihat li għamel minn metall imdewweb huma gidba,+ u m’hemm l-ebda spirtu fihom.+ 18  Huma frugħa,+ xogħol tad-daħq.+ Meta jasal iż-żmien li nitfaʼ l-attenzjoni tiegħi fuqhom, se jinqerdu.+ 19  “Is-Sehem taʼ Ġakobb m’huwiex bħal dawn,+ għax hu Dak li sawwar kollox,+ iva, il-bastun tal-wirt tiegħu.+ Ġeħova taʼ l-armati jismu.”+ 20  “Int bastun għalija, bħal armi tal-gwerra,+ u bik se nfarrak il-ġnus, u bik neqred is-saltniet. 21  U bik infarrak iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu, u bik infarrak il-karru tal-gwerra u r-rikkieb tiegħu.+ 22  U bik infarrak lir-raġel u l-mara, u bik infarrak lix-xiħ u t-tfajjel, u bik infarrak liż-żagħżugħ u l-verġni. 23  U bik infarrak lir-ragħaj u l-merħla tiegħu, u bik infarrak lill-bidwi u l-annimali tiegħu taż-żewġ, u bik infarrak lill-gvernaturi u l-ħakkiema deputati. 24  U rrodd lura lil Babilonja u lill-abitanti kollha tal-Kaldija l-ħażen kollu li għamlu f’Sijon quddiem għajnejkom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 25  “Hawn jien kontrik,+ O muntanja qerrieda,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “int li qridt l-art kollha;+ u jien immidd idi kontrik u ngerbek minn fuq il-blat u nagħmlek muntanja maħruqa.”+ 26  “U n-nies ma jiħdux minnek ġebla tax-xewka jew ġebla għall-pedament,+ għax se ssir art abbandunata għal żmien indefinit,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 27  “Għollu arblu bħala sinjal fil-pajjiż.+ Doqqu l-qarn fost il-ġnus. Ħejju+ l-ġnus għall-gwerra kontriha.* Sejħu lis-saltniet t’Ararat,+ taʼ Minni, u t’Askenaż+ biex jiġu kontriha. Qabbdu fizzjal ħa jingaġġa s-suldati għal kontriha. Tellgħu ż-żwiemel+ bħal qatgħa ġurati żgħar. 28  Ħejju l-ġnus għall-gwerra kontriha, lis-slaten tal-Medja,+ il-gvernaturi u l-ħakkiema deputati kollha tagħha u l-art kollha fid-dominju taʼ kull wieħed minnhom. 29  Ħa titriegħed l-art u jaqbadha wġigħ kbir,+ għax lil Ġeħova ġewh ħsibijiet kontra Babilonja biex jagħmel l-art taʼ Babilonja oġġett taʼ stagħġib, u ħadd ma jgħammar fiha.+ 30  “L-irġiel setgħanin taʼ Babilonja waqfu jiġġieldu. Baqgħu bil-qiegħda fil-fortizzi. Is-setgħa tagħhom spiċċatilhom.+ Saru qishom nisa.+ Djarha ngħataw in-nar. L-istaneg tagħha tkissru.+ 31  “Ġerrej jiġri biex jilħaq lil ġerrej ieħor, messaġġier biex jilħaq lil messaġġier ieħor,+ biex jirrapporta lis-sultan taʼ Babilonja li l-belt tiegħu nqabdet minn kull tarf,+ 32  li l-mogħdijiet fejn titbaxxa x-xmara nqabdu,+ id-dgħajjes tal-papiru nħarqu bin-nar, u l-gwerriera tħawdu.”+ 33  Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Bint Babilonja hi bħal qiegħa tad-dris.+ Wasal iż-żmien biex tintrifes sakemm tibbies. Naqra oħra u jaslilha żmien il-ħsad.”+ 34  “Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, kielni;+ ħawwadni. Għamilni qisni reċipjent vojt. Belagħni qisu serp kbir;+ mela żaqqu bl-affarijiet sbieħ tiegħi. Irmieni ’l barra. 35  ‘Ħa tiġi fuq Babilonja l-vjolenza li saret fuqi u fuq ġismi!’ se tgħid l-abitanta taʼ Sijon.+ ‘U ħa jkun demmi fuq l-abitanti tal-Kaldija!’ se tgħid Ġerusalemm.”+ 36  Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova: “Ara, se mmexxi l-kawża legali tiegħek,+ u żgur nagħmel vendetta għalik.+ U nnixxfilha l-baħar tagħha, u nnixxfilha l-bjar tagħha.+ 37  U Babilonja ssir borġ ġebel,+ il-bejta tax-xakalli,+ oġġett taʼ stagħġib u taʼ tisfir, u ħadd ma jgħammar fiha.+ 38  Ilkoll flimkien jgħajtu bħal iljuni b’saħħithom. It-tgergira tagħhom tkun bħal dik tal-frieħ taʼ l-iljuni.” 39  “Fis-saħna tagħhom nagħmlilhom ikliet kbar u nġegħelhom jiskru, sabiex jifirħu;+ u jorqdu raqda għal dejjem,* li ma jqumux minnha,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 40  “Inniżżilhom bħal nagħaġ għall-qatla, bħal imtaten flimkien mal-bdabad.”+ 41  “O kif inqabdet Sesak,+ u kif inħatfet it-Tifħir taʼ l-art kollha!+ O kif Babilonja saret oġġett taʼ stagħġib fost il-ġnus!+ 42  Il-baħar telaʼ għal fuq Babilonja. Tgħattiet bil-kotra tal-mewġ tiegħu.+ 43  Blietha saru oġġett taʼ stagħġib, art bla ilma u pjanura fid-deżert.+ Saru art li ħadd ma jgħix fiha, u ħadd minn ulied il-bnedmin ma jgħaddi minnhom.+ 44  U nikkastiga lil Bel+ f’Babilonja, u noħroġlu minn ħalqu dak li belaʼ.+ U ma jiġux iktar ġnus lejh.+ Barra minn hekk, is-sur taʼ Babilonja jaqaʼ.+ 45  “Oħorġu minn ġo nofsha, O poplu tiegħi,+ u eħilsu ruħkom+ mir-rabja taħraq taʼ Ġeħova.+ 46  Inkella qalbkom tiddgħajjef,+ u intom tibżgħu minħabba r-rapport li se jinstemaʼ fil-pajjiż. F’sena waħda jasal ir-rapport, u warajh f’sena oħra jkun hemm rapport u vjolenza fuq l-art, u ħakkiem kontra ħakkiem. 47  Għalhekk, ara, ġej żmien meta jien nitfaʼ l-attenzjoni tiegħi fuq ix-xbihat minquxin taʼ Babilonja;+ u l-art kollha tagħha se tistħi, u l-maqtulin kollha tagħha jaqgħu f’nofsha.+ 48  “U s-smewwiet u l-art u kulma fihom se jgħajtu bil-ferħ minħabba Babilonja,+ għax mit-tramuntana ġejjin dawk li se jħarbtuha,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 49  “Babilonja mhux biss waqqgħet lill-maqtulin taʼ Israel,+ imma anki l-maqtulin taʼ l-art kollha waqgħu f’Babilonja.+ 50  “Intom li ħlistu mis-sejf, ibqgħu sejrin. Tiqfux.+ Mill-bogħod ftakru f’Ġeħova,+ u aħsbu f’Ġerusalemm.”+ 51  “Ġejna mġegħlin nistħu,+ għax smajna t-tmaqdir.+ Wiċċna nkesa bl-umiljazzjoni,+ għax l-istranġieri ġew kontra l-postijiet qaddisin tad-dar taʼ Ġeħova.”+ 52  “Għalhekk, ara, ġej żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta nitfaʼ l-attenzjoni tiegħi fuq ix-xbihat minquxin tagħha,+ u l-minfudin tagħha se jokorbu f’artha kollha.”+ 53  “Anki kieku Babilonja kellha titlaʼ sas-smewwiet+ u anki kieku kellha ssaħħaħ l-għoli taʼ qawwitha biex ma tintlaħaqx,+ jaslulha mingħandi dawk li jħarbtuha,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 54  “Isimgħu! Hemm għajta ġejja minn Babilonja,+ u tiġrif kbir mill-art tal-Kaldin,+ 55  għax Ġeħova jħarbat lil Babilonja, u jsikkitha,+ u l-mewġ taʼ dawk li jħarbtuha jitqalleb bħal ħafna ilmijiet.+ Jiżdied il-ħoss taʼ leħinhom. 56  Għax jiġi fuqha, fuq Babilonja, dak li jħarbatha,+ u l-irġiel setgħanin tagħha jinqabdu.+ Il-qwas tagħhom jitkissru,+ għax Ġeħova huwa Alla li jħallas.+ Żgur irodd lura.+ 57  U lill-prinċpijiet u l-għorrief tagħha, lill-gvernaturi u l-ħakkiema deputati tagħha u lill-irġiel setgħanin tagħha nġegħelhom jiskru,+ u jorqdu raqda għal dejjem, li ma jqumux minnha,”+ hija l-kelma tas-Sultan,+ li ismu hu Ġeħova taʼ l-armati.+ 58  Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Is-sur taʼ Babilonja, għalkemm wiesaʼ, se jiġġarraf żgur;+ u l-bibien tagħha, għalkemm għoljin, se jingħataw in-nar.+ U l-popli se jkollhom jitħabtu għalxejn,+ u l-ġnus jitħabtu biss għan-nar;+ u ma jagħmlu xejn ħlief jgħejju lilhom infushom.” 59  Il-kelma li l-profeta Ġeremija kkmanda lil Seraja, bin Nerija,+ bin Maħseja,+ meta mar maʼ Sedekija, is-sultan taʼ Ġuda, f’Babilonja fir-rabaʼ sena tiegħu bħala sultan; u Seraja kien l-uffiċjal inkarigat mill-akkomodazzjoni. 60  U Ġeremija kiteb fi ktieb wieħed+ il-gwaj kollu li kien ġej fuq Babilonja, iva, dan il-kliem kollu miktub kontra Babilonja. 61  U Ġeremija qal lil Seraja: “Malli tasal Babilonja u taraha b’għajnejk, aqra għajjat dan il-kliem kollu.+ 62  U għid, ‘O Ġeħova, int innifsek tkellimt kontra dan il-post, sabiex teqirdu u ma jkun hemm ħadd jgħammar fih,+ la bniedem u lanqas annimal domestiku, imma jsir art abbandunata għal żmien indefinit.’ 63  U jiġri li wara li tkun spiċċajt taqra dan il-ktieb, orbotlu ġebla, u itfgħu f’nofs l-Ewfrat.+ 64  U għid, ‘Hekk għad tegħreq Babilonja u qatt ma terġaʼ titlaʼ minħabba l-gwaj li se nġib fuqha;+ u huma żgur jegħjew.’”+ S’hawnhekk hu kliem Ġeremija.

Noti taʼ taħt

Milli jidher dan huwa isem għall-Kaldija.
Jew, “Iddedikaw għall-qerda.” Ara Eżo 22:20.
Letteralment, “Qaddsu l-ġnus kontriha.”
Letteralment, “żmien indefinit.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt. F’vers 57 ukoll.