Ġenesi 42:1-38
42 Meta Ġakobb sar jaf li kien hemm iċ-ċereali* fl-Eġittu, qal lit-tfal tiegħu: “Għala qed tħarsu lejn xulxin u ma tagħmlu xejn?”
2 Hu żied: “Smajt li hemm iċ-ċereali fl-Eġittu. Inżlu hemm u ixtrulna ftit, sabiex ma mmutux bil-ġuħ.”
3 B’hekk, għaxra minn ħut Ġużeppi niżlu jixtru ċ-ċereali mill-Eġittu.
4 Imma Ġakobb ma bagħatx magħhom lil Benjamin, ħu Ġużeppi, għax qal: “Li ma jmurx ikollu xi aċċident u jmut.”
5 Allura t-tfal t’Iżrael marru flimkien m’oħrajn li kienu sejrin jixtru, għaliex anki fl-art taʼ Kangħan kien hemm il-ġuħ.
6 Ġużeppi kien ir-raġel li kellu l-awtorità fuq il-pajjiż, u hu kien qed ibigħ iċ-ċereali lin-nies kollha tal-art. Għalhekk, ħut Ġużeppi marru u mielu quddiemu b’wiċċhom sal-art.
7 Meta Ġużeppi ra lil ħutu, hu mill-ewwel għarafhom, imma hu ma weriex min kien. Għalhekk, kellimhom bl-aħrax u qalilhom: “Minn fejn ġejtu?” u huma wiġbuh: “Mill-art taʼ Kangħan biex nixtru l-ikel.”
8 Għalkemm Ġużeppi għaraf lil ħutu, huma m’għarfuhx.
9 Minnufih Ġużeppi ftakar fil-ħolm li kellu dwarhom, u qalilhom: “Intom spiji! Intom ġejtu taraw minn fejn tistgħu tattakkaw din l-art!”
10 Qalulu: “Le sidna, aħna ġejna nixtru l-ikel.
11 Aħna lkoll aħwa u nies sewwa. Aħna, il-qaddejja tiegħek, m’aħniex spiji.”
12 Imma hu qalilhom: “Mhux veru! Intom ġejtu taraw minn fejn tistgħu tattakkaw din l-art!”
13 U huma wiġbuh: “Aħna lkoll aħwa. Missierna jgħix fl-art taʼ Kangħan u kellu 12-il tifel. Iż-żgħir qiegħed maʼ missierna, filwaqt li l-ieħor m’għadux magħna.”
14 Madankollu, Ġużeppi qalilhom: “Bħalma diġà għedtilkom, ‘Intom spiji!’
15 Din se tkun il-prova tagħkom: Daqskemm hu ħaj il-Fargħun, ma titilqux minn dan il-post qabel ma ħukom iż-żgħir jiġi hawn.
16 Ibagħtu lil wieħed minnkom iġib lil ħukom waqt li intom tibqgħu arrestati. B’hekk inkun naf jekk hux qed tgħidu l-verità. U jekk le, daqskemm hu ħaj il-Fargħun, intom spiji.”
17 U żammhom arrestati flimkien għal tlett ijiem.
18 Fit-tielet jum, Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan li se ngħidilkom u tgħixu, għax jien nirrispetta ħafna lil* Alla.
19 Jekk intom nies sewwa, ħa jinżamm wieħed minnkom arrestat fil-ħabs, imma l-bqija tistgħu tmorru u tieħdu ċ-ċereali biex tnaqqsu l-ġuħ li hemm fi djarkom.
20 Imbagħad ġibu lil ħukom iż-żgħir hawn, sabiex inkun naf li nistaʼ nafda kliemkom, u ma tmutux.” U hekk għamlu.
21 U qalu lil xulxin: “Żgur li qed niġu kkastigati minħabba ħuna, għax rajna kemm kien imdejjaq* meta talabna bil-ħniena biex nitħassruh, imma ma tajniex kasu. Hu għalhekk li ġie dan l-inkwiet fuqna.”
22 Imbagħad Ruben wiġibhom: “Għedtilkom jien biex ma tidinbux kontra t-tifel, imma intom ma tajtux kas. Issa demmu qed jintalab lura.”
23 Imma huma ma kinux jafu li Ġużeppi kien qed jifhimhom, għax kien hemm interpretu bejniethom.
24 Allura tbiegħed minnhom u beda jibki. Meta mar lura ħdejhom u reġaʼ kellimhom, hu ħa lil Simegħon u rabtu quddiem għajnejhom.
25 Wara, Ġużeppi ta l-kmand biex jimlewlhom l-ixkejjer biċ-ċereali, biex jitfgħu lura l-flus fl-ixkora taʼ kull raġel, u biex jagħtuhom l-ikel għall-vjaġġ. U hekk sar.
26 U għabbew iċ-ċereali fuq il-ħmir tagħhom u telqu minn hemmhekk.
27 Meta waqfu biex jorqdu, wieħed minnhom fetaħ l-ixkora tiegħu biex jagħlef lill-ħmar u ra li l-flus tiegħu kienu fil-wiċċ tal-ixkora.
28 U qal lil ħutu: “Ingħatajt il-flus lura. Ara, qegħdin fl-ixkora tiegħi!” Imbagħad qalbhom waqfet, u daru lejn xulxin jirtogħdu u qalu: “Għala għamlilna hekk Alla?”
29 Meta waslu għand missierhom Ġakobb fl-art taʼ Kangħan, irrakkontawlu kulma kien ġralhom, u qalulu:
30 “Ir-raġel li hu s-sid tal-pajjiż kellimna bl-aħrax u akkużana li aħna spiji.
31 Imma aħna għednielu, ‘Aħna nies sewwa. M’aħniex spiji.
32 Aħna lkoll aħwa. Missierna kellu 12-il tifel. Wieħed m’għadux magħna, u ż-żgħir qiegħed maʼ missierna fl-art taʼ Kangħan.’
33 Imma s-sid tal-pajjiż qalilna, ‘B’dan se nkun naf li intom nies sewwa: Ħa jibqaʼ miegħi wieħed minnkom. Imbagħad ħudu xi ħaġa biex tnaqqsu l-ġuħ li hemm fi djarkom u morru.
34 U ġibu lil ħukom iż-żgħir biex inkun naf li m’intomx spiji imma li intom nies sewwa. Imbagħad nagħtikom lil ħukom lura, u intom tkunu tistgħu tinnegozjaw fil-pajjiż.’”
35 Hekk kif kienu qed ibattlu l-ixkejjer tagħhom, kull wieħed sab il-borża tal-flus fl-ixkora tiegħu. Meta huma u missierhom raw il-boroż tal-flus, bdew jibżgħu.
36 Imbagħad missierhom Ġakobb qalilhom: “Ċaħħadtuni mit-tfal tiegħi! Ġużeppi m’għadux magħna, Simegħon lanqas, u lil Benjamin se tiħduhuli! Għala kelli ngħaddi minn dan kollu?”
37 Imma Ruben qal lil missieru: “Jekk ma nġibhulekx lura, oqtolli liż-żewġt itfal tiegħi. Ħallih jiġi u nieħu ħsiebu jien, u nġibhulek lura.”
38 Madankollu, hu qallu: “Ibni ma jinżilx magħkom, għaliex ħuh miet u hu biss baqaʼ. Jekk ikollu xi aċċident u jmut matul il-vjaġġ, żgur li titfgħuni fil-Qabar* imdejjaq fi xjuħiti.”
Noti taʼ taħt
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Letteralment “nibżaʼ minn.”
^ Jew “kellu ruħu mnikkta.”
^ Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.