Ġenesi 32:1-32
32 Imbagħad Ġakobb baqaʼ sejjer fi triqtu, u l-anġli t’Alla ltaqgħu miegħu.
2 Malli rahom, Ġakobb qal: “Din hi l-armata t’Alla!” Għalhekk, dak il-post semmieh Maħanajm.*
3 Imbagħad Ġakobb bagħat messaġġiera qablu għand ħuh Għesaw fl-art tas-Segħir, it-territorju* t’Edom,
4 u hu kkmandahom: “Għidulu hekk lil sidi, lil Għesaw, ‘Dan qal il-qaddej tiegħek Ġakobb: “Għext* maʼ Laban għal żmien twil.
5 U akkwistajt barrin, ħmir, nagħaġ, u qaddejja rġiel u nisa, u qed nibgħat ngħid lil sidi sabiex insib il-ħniena f’għajnejk.”’”
6 U l-messaġġiera ġew lura għand Ġakobb, u qalulu: “Iltqajna maʼ ħuk Għesaw, u hu issa qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ miegħek, u miegħu għandu 400 raġel.”
7 U Ġakobb beżaʼ u sar ansjuż ħafna. Għalhekk, hu qassam f’żewġ kampijiet lin-nies li kellu miegħu, kif ukoll l-imrieħel, il-baqar, u l-iġmla.
8 Hu qal: “Jekk Għesaw jattakka kamp minnhom, il-kamp l-ieħor ikun jistaʼ jaħrab.”
9 Imbagħad Ġakobb qal: “Alla taʼ missieri Abraham u Alla taʼ missieri Iżakk, Ġeħova, int qed tgħidli, ‘Mur lura lejn artek u lejn qrabatek, u jien nittrattak tajjeb.’
10 Jien ma jistħoqqlix l-imħabba, il-lealtà,* u l-qalb tajba kollha li int urejt miegħi, il-qaddej tiegħek, għax meta qsamt dan il-Ġordan kelli biss il-bastun tiegħi u issa għandi biżżejjed biex nifforma żewġ kampijiet.
11 Nitolbok, salvani minn id ħija Għesaw, għax qed nibżaʼ li jiġi u jattakka lili, kif ukoll lill-ommijiet u t-tfal tagħhom.
12 U int għedt, ‘Jien żgur nittrattak tajjeb u nagħmel lid-dixxendenti tiegħek* daqs ir-ramel tal-baħar, li hu wisq biex jingħadd.’”
13 U hu qattaʼ dak il-lejl hemmhekk. Imbagħad qabad ftit mill-ġid li kellu biex jagħtih bħala rigal lil ħuh Għesaw:
14 200 mogħża, 20 bodbod, 200 nagħġa, 20 muntun,
15 30 ġemel ireddgħu bil-frieħ magħhom, 40 baqra, għaxar barrin, 20 ħmara u għaxart iħmir.
16 Hu tahom lill-qaddejja tiegħu, merħla wara l-oħra, u qalilhom: “Aqsmu qabli u ħallu spazju bejn merħla u oħra.”
17 Ukoll, ikkmanda lill-ewwel qaddej: “Fil-każ li ħija Għesaw jiltaqaʼ miegħek u jistaqsik, ‘Taʼ min int? Fejn sejjer? Taʼ min huma l-annimali li hawn quddiemek?’
18 int trid tgħidlu, ‘Jien tal-qaddej tiegħek Ġakobb u dawn l-annimali huma rigal għalik, sidi Għesaw. U ara, hu stess qiegħed warajna.’”
19 U kkmanda wkoll lit-tieni wieħed, lit-tielet, u lil dawk kollha li kienu mexjin wara l-imrieħel: “Hekk għandkom tgħidulu lil Għesaw meta tiltaqgħu miegħu.
20 U tridu tgħidulu wkoll, ‘Ara, il-qaddej tiegħek Ġakobb qiegħed warajna.’” Għax qal bejnu u bejn ruħu: ‘Jekk intaffi r-rabja tiegħu billi nibgħatlu rigal qabli, imbagħad meta narah, hu forsi jilqagħni tajjeb.’
21 Għalhekk, il-qaddejja qasmu għan-naħa l-oħra qablu bir-rigal, imma hu qattaʼ l-lejl fejn ikkampjaw.
22 Iktar tard matul dak il-lejl, hu qam u ħa liż-żewġ nisa tiegħu, liż-żewġ qaddejja nisa tiegħu, u l-11-il tifel tiegħu u qasam ix-xmara tal-Ġabbok minn fejn l-ilma kien baxx.
23 Għalhekk, ħa lilhom u kulma kellu n-naħa l-oħra tax-xmara.*
24 Fl-aħħar, Ġakobb kien waħdu. Imbagħad ġie raġel u beda jissara miegħu sa ma sebaħ.
25 Meta ra li ma kienx għelbu, messlu l-ġog taʼ ġenbu, u l-ġog taʼ Ġakobb ħareġ minn postu waqt li kien qed jissara miegħu.
26 Imbagħad ir-raġel qallu: “Itlaqni, għax qed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu: “Ma nitilqekx qabel ma tberikni.”
27 Allura staqsieh: “X’jismek?” u hu wieġbu: “Ġakobb.”
28 Imbagħad qallu: “Ma jkunx jismek iktar Ġakobb imma Iżrael,* għax int issarajt m’Alla u mal-bnedmin u fl-aħħar irbaħt.”
29 Imbagħad Ġakobb qallu: “Jekk jogħġbok, għidli x’jismek.” Madankollu, hu qallu: “Għala tistaqsini x’jisimni?” U bierku hemmhekk.
30 Għalhekk, Ġakobb semma dak il-post Penijel,* għax qal, “Rajt lil Alla wiċċ imb wiċċ, u madankollu bqajt ħaj.”*
31 U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn ħdejn Penwel,* u hu kien qed izappap minħabba ġenbu.
32 Huwa għalhekk li sa dan il-jum it-tfal t’Iżrael għandhom id-drawwa li ma jiklux in-nerv tal-koxxa,* li qiegħed fuq il-ġog tal-ġenbejn. Dan għax ir-raġel mess il-ġog taʼ ġenb Ġakobb li qiegħed ħdejn in-nerv taʼ koxxtu.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Żewġ Armati.”
^ Letteralment “l-għalqa.”
^ Jew “Għext bħala barrani.”
^ Jew “ma jistħoqqlix l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “tal-wied.”
^ Ifisser “Wieħed li Jissara (Jippersisti) m’Alla” jew “Alla Jissara.”
^ Ifisser “Wiċċ Alla.”
^ Letteralment “ruħi ħelsitha.”
^ Jew “Penijel.”
^ Letteralment “l-għerq tan-nerv tal-koxxa.”