Ġenesi 18:1-33

  • Tliet anġli jżuru lil Abraham (1-8)

  • Jiġi mwiegħed iben lil Sara; hi tidħaq (9-15)

  • Abraham jitlob bil-ħniena għal Sodoma (16-33)

18  Wara dan, Ġeħova deherlu qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre waqt li kien bilqiegħda fid-daħla tat-tinda fl-eqqel tas-sħana tal-jum.  Hu ħares u ra tlett irġiel weqfin ftit ’il bogħod minnu. Meta rahom, telaq jiġri mid-daħla tat-tinda biex jiltaqaʼ magħhom, u miel sal-art.  Imbagħad qal: “Jekk jogħġbok Ġeħova, jekk jien approvat f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiemi.  Ħa nġibu ftit ilma biex taħslu saqajkom. Imbagħad strieħu taħt is-siġra.  U ladarba ġejtu għand il-qaddej tagħkom, ħa nġib biċċa ħobż ħalli ssostnu ruħkom.* Imbagħad tistgħu tibqgħu sejrin fi triqitkom.” Għal dan qalulu: “Kollox sew. Tistaʼ tagħmel kif għedt.”  Għalhekk, Abraham telaq bl-għaġla lejn it-tinda għand Sara u qalilha: “Fittex lesti tliet seat* dqiq fin, agħġen l-għaġina, u agħmel il-ħobż.”  Imbagħad Abraham mar jiġri lejn il-merħla u għażel barri żgħir* b’laħam tari u tajjeb. Hu tah lill-qaddej, u dan mar jgħaġġel biex ilestih.  Imbagħad ħa l-butir, il-ħalib, u l-barri ż-żgħir* li kien lesta u qiegħed l-ikel quddiemhom. Hu qagħad bilwieqfa ħdejhom taħt is-siġra huma u jieklu.  Huma staqsewh: “Fejn hi martek Sara?” Hu wiġibhom: “Hawnhekk fit-tinda.” 10  Għalhekk, wieħed minnhom kompla: “Jien żgur li se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u martek Sara jkollha iben.” Issa Sara kienet qed tismagħhom fid-daħla tat-tinda, li kienet wara r-raġel. 11  Abraham u Sara kienu mdaħħlin sew fiż-żmien. Sara kienet qabżet sew l-età li n-nisa jistaʼ jkollhom it-tfal.* 12  Għalhekk, Sara bdiet tidħaq waħedha u tgħid: “Wara li jien u sidi xjaħna, veru li se jkolli dan il-pjaċir?” 13  Imbagħad Ġeħova qal lil Abraham: “Sara għala daħqet u qalet, ‘Veru li se nwelled għalkemm xjaħt?’ 14  Hemm xi ħaġa li hi impossibbli għal Ġeħova? Jien se niġi lura għandek is-sena d-dieħla f’dan iż-żmien, u Sara jkollha iben.” 15  Imma Sara ċaħdet dan u għax beżgħet qalet: “Ma dħaqtx!” Għal dan qalilha: “Iva! Dħaqt.” 16  Imbagħad l-irġiel qamu biex jitilqu u ħarsu ’l isfel lejn Sodoma. Abraham mexa magħhom biċċa mit-triq. 17  Ġeħova qal: “Għandi ngħidlu lil Abraham dak li se nagħmel? 18  Għax Abraham żgur li għad isir poplu kbir u b’saħħtu, u l-popli kollha tal-art se jitbierku* permezz tiegħu.” 19  Għax jien sirt nafu sabiex hu jikkmanda lit-tfal tiegħu u lil taʼ daru biex jgħixu kif jixtieq Ġeħova billi jagħmlu dak li hu sewwa u ġust, sabiex Ġeħova jagħmel dak li wiegħed lil Abraham.” 20  Imbagħad Ġeħova qal: “Smajt ħafna tgergir kontra Sodoma u Gomorra, u d-dnubiet tagħhom huma serji ħafna. 21  Jien se mmur nara jekk hux qed jaġixxu skont it-tgergir li wasal għandi. U jekk le, inkun naf.” 22  Imbagħad l-irġiel telqu minn hemmhekk u marru lejn Sodoma, imma Ġeħova baqaʼ m’Abraham. 23  Imbagħad Abraham resaq lejn Alla u qal: “Int veru li se teqred lin-nies sewwa mal-ħżiena? 24  Ejja ngħidu li jkun hemm 50 persuna sewwa fil-belt. Sejjer int teqridhom u ma taħfirx lill-belt minħabba l-50 persuna sewwa li hemm fiha? 25  Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi li int taġixxi hekk u toqtol lin-nies sewwa mal-ħżiena, u b’hekk min hu sewwa jiġrilu l-istess bħal min hu ħażin! Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi. Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” 26  Imbagħad Ġeħova qal: “Jekk fil-belt taʼ Sodoma nsib 50 persuna sewwa, naħfer lill-belt kollha minħabba fihom.” 27  Imma Abraham reġaʼ wieġeb: “Jien biss trab u rmied. Jekk jogħġbok Ġeħova, ħallini nkompli nitkellem. 28  Ejja ngħidu li 50 persuna jkunu neqsin ħamsa. Sejjer int teqred il-belt kollha minħabba l-ħamsa?” Għal dan qallu: “Ma neqridhiex jekk insib 45.” 29  Imma għal darb’oħra, Abraham qallu: “Ejja ngħidu li jkun hemm 40.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-40.” 30  Imma Abraham kompla: “Ġeħova, jekk jogħġbok, tirrabjax, imma ħa nkompli nitkellem: Ejja ngħidu li jkun hemm 30.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex jekk insib 30.” 31  Imma Abraham kompla: “Jekk jogħġbok Ġeħova, ħallini nkompli nitkellem: Ejja ngħidu li jkun hemm 20 biss.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-20.” 32  Fl-aħħar Abraham qal: “Ġeħova, jekk jogħġbok, tirrabjax, imma ħa nitkellem darb’oħra biss: Ejja ngħidu li jkun hemm għaxra biss.” Hu wieġbu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.” 33  Wara li Ġeħova tkellem m’Abraham, telaq u Abraham mar lura lejn it-tinda tiegħu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “issaħħu qalbkom.”
Sea kien daqs 7.33 litri. Ara App. B14.
Jew “għoġol.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “ma kienx għadu jiġiha d-demm taʼ kull xahar.”
Jew “se jiksbu barka għalihom infushom.”