Ġenesi 16:1-16

  • Ħagar u Ismagħel (1-16)

16  Saraj il-mara t’Abram ma kellhiex tfal, imma kellha qaddejja Eġizzjana jisimha Ħagar.  Għalhekk, Saraj qalet lil Abram: “Ismagħni jekk jogħġbok! Ġeħova ma ħallinix ikolli t-tfal. Jekk jogħġbok, ħa jkollok x’taqsam mal-qaddejja tiegħi. Forsi jkolli t-tfal permezz tagħha.” Għalhekk, Abram semaʼ minnha.  Abram kien ilu għaxar snin fl-art taʼ Kangħan meta l-mara tiegħu Saraj tatu lill-qaddejja tagħha Ħagar bħala martu.  Għalhekk kellu x’jaqsam maʼ Ħagar u ħarġet tqila. Meta ndunat li kienet tqila, hi bdiet tmaqdar lil Saraj.  Minħabba f’hekk, Saraj qalet lil Abram: “Tort tiegħek li qed inbati. Jien kont li tajtek il-qaddejja tiegħi,* imma meta ndunat li kienet tqila, bdiet tmaqdarni. Ħa jiġġudika Ġeħova bejni u bejnek.”  Għalhekk, Abram qal lil Saraj: “Ladarba hi l-qaddejja tiegħek, agħmlilha dak li taħseb li hu l-aħjar.” Imbagħad Saraj umiljatha, u Ħagar ħarbet ’il bogħod minnha.  Iktar tard, anġlu taʼ Ġeħova sabha ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq li tagħti għal Sur.  Hu qalilha: “Ħagar, qaddejja taʼ Saraj, minn fejn ġejja u fejn sejra?” Hi wieġbet: “Qed naħrab minn Saraj.”  Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Mur lura għandha u aqdiha.” 10  Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qalilha: “Se nagħtik ħafna u ħafna dixxendenti,* tant li ħadd ma jkun jistaʼ jgħoddhom.” 11  L-anġlu taʼ Ġeħova żied: “Int se jkollok tifel, u għandek issemmih Ismagħel,* għax Ġeħova nnota* li int qed tbati. 12  Hu se jsir bla kontroll bħal ħmar salvaġġ.* Hu se jiġġieled kontra kulħadd, u kulħadd se jiġġieled kontrih, u hu se jgħix ħdejn ħutu kollha.”* 13  Imbagħad hi faħħret* isem Ġeħova, li kien qed ikellimha, u qalet: “Int Alla li jara,” u żiedet tgħid: “Jien rajt il-wieħed li jarani!” 14  Kien għalhekk li dan il-bir issemma Bir-laħaj-roj.* (Dan qiegħed bejn Kades u Bered.) 15  Ħagar welldet iben lil Abram, u Abram semmieh Ismagħel. 16  Abram kellu 86 sena meta Ħagar kellha lil Ismagħel.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-qaddejja tiegħi fi ħdanek.”
Jew “Se jkollok ħafna u ħafna li jiġu minnek.”
Ifisser “Alla Jismaʼ.”
Letteralment “semaʼ.”
Xi wħud jaħsbu li jirreferi għal żebra. X’aktarx bħala referenza għal attitudni indipendenti.
Jew forsi “u hu se jgħix bħala għadu taʼ ħutu kollha.”
Letteralment “għajtet.”
Ifisser “Bir tal-Wieħed Ħaj li Jarani.”