Ġenesi 14:1-24

  • Abram isalva lil Lot (1-16)

  • Melkisedek ibierek lil Abram (17-24)

14  F’dak iż-żmien, Amrafel kien re tas-Sinar, Arjok kien re t’Ellasar, Kedorlagħomer kien re t’Għelam, u Tidgħal kien re taʼ Gojjim.  Dawn għamlu gwerra kontra Bera re taʼ Sodoma, Birsa re taʼ Gomorra, Sinab re t’Adma, Semeber re taʼ Sebojim, u r-re taʼ Bela, li hi Sogħar.  Dawn kollha ngħaqdu flimkien fil-Wied* taʼ Siddim, jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ.*  Huma qdew lil Kedorlagħomer 12-il sena, imma fit-13-il sena rribellaw.  Għalhekk, fl-14-il sena, Kedorlagħomer u r-rejiet li kienu miegħu marru u għelbu lir-Refajin f’Għasterot-karnajm, liż-Żużin f’Ħam, lill-Emin f’Sawe-kirjatajm,  u lill-Ħorin fuq il-muntanja tagħhom tas-Segħir sa El-faran, li hemm fid-deżert.  Imbagħad daru lura u marru Għajn-misfat, jiġifieri Kades, u għelbu t-territorju kollu tal-Għamalekin u wkoll lill-Amurrin li kienu qed jgħixu f’Ħasason-tamar.  Ir-re taʼ Sodoma, ir-re taʼ Gomorra, ir-re t’Adma, ir-re taʼ Sebojim, u r-re taʼ Bela, li hi Sogħar, ħarġu jimmarċjaw u tqassmu għall-battalja fil-Wied* taʼ Siddim  kontra Kedorlagħomer re t’Għelam, Tidgħal re taʼ Gojjim, Amrafel re tas-Sinar, u Arjok re t’Ellasar. Erbaʼ rejiet kontra ħamsa. 10  U l-Wied* taʼ Siddim kien mimli ħofor bil-qatran, u r-rejiet taʼ Sodoma u Gomorra pprovaw jaħarbu u waqgħu fihom, u dawk li kien fadal ħarbu lejn il-muntanji. 11  Imbagħad ir-rebbieħa ħadu l-ġid kollu taʼ Sodoma u Gomorra u l-ikel kollu tagħhom, u telqu. 12  Ħadu wkoll lil Lot, bin ħu Abram li kien joqgħod Sodoma, kif ukoll il-ġid tiegħu, u baqgħu sejrin. 13  Wara dan, ġie raġel li kien ħarab u ta l-aħbar lil Abram, il-Lhudi.* F’dak iż-żmien, kien jgħix* qalb is-siġar il-kbar taʼ Mamre l-Amurri, ħu Eskol u Għaner. Dawn l-irġiel kienu f’patt m’Abram biex jgħinu lil xulxin. 14  Malli Abram semaʼ li l-qarib tiegħu* kien ittieħed ilsir, ġabar lill-irġiel tiegħu ttrennjati għall-ġlied, 318-il ilsir imweldin f’daru, u ħareġ għal warajhom sa Dan. 15  Matul il-lejl, qassam l-irġiel tiegħu, u hu u l-ilsiera tiegħu attakkawhom u għelbuhom. U hu baqaʼ jiġri warajhom sa Ħoba, li hi fit-Tramuntana taʼ Damasku. 16  U ħa lura l-ġid kollu, u ħa lura wkoll lill-qarib tiegħu Lot, il-ġid tiegħu, in-nisa, u n-nies l-oħrajn. 17  Wara li Abram ġie lura mir-rebħa li kellu fuq Kedorlagħomer u r-rejiet li kienu miegħu, ir-re taʼ Sodoma ħareġ jiltaqaʼ m’Abram fil-Wied* taʼ Sawe, jiġifieri l-Wied tar-Re. 18  U Melkisedek, re taʼ Salem u qassis tal-Alla l-Iktar Għoli, ta lil Abram ħobż u nbid. 19  Imbagħad bierku u qal: “Ħa jkun imbierek Abram mill-Alla l-Iktar Għoli,Dak li Għamel is-sema u l-art. 20  U ħa jkun imfaħħar l-Alla l-Iktar Għoli,Li reħa f’idejk lil dawk li jaħqruk!” U Abram tah għaxra fil-100 minn kollox. 21  Imbagħad ir-re taʼ Sodoma qal lil Abram: “Agħtini n-nies,* imma l-ġid żommu għalik.” 22  Imma Abram qal lir-re taʼ Sodoma: “Naħlef* quddiem Ġeħova l-Alla l-Iktar Għoli, Dak li Għamel is-sema u l-art, 23  li ma nieħu xejn minn dak li hu tiegħek, la ħajta u lanqas qafla taʼ sandli, li ma tmurx tgħid, ‘Kont jien li lil Abram għamiltu sinjur.’ 24  Mhu se nieħu xejn ħlief dak li diġà kielu l-irġiel żgħażagħ. Imma ħa jieħdu sehemhom l-irġiel li ġew miegħi: Għaner, Eskol, u Mamre.”

Noti taʼ taħt

Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Jew “il-Pjanura l-Baxxa.”
Letteralment “l-Ebrew.”
Jew “jgħix fit-tined.”
Letteralment “ħuh.”
Jew “fil-Pjanura l-Baxxa.”
Jew “l-erwieħ.”
Letteralment “Ngħolli idi.”