Qiegħed Int Timxi bis-Sħiħ Wara l-Kristu?
Qiegħed Int Timxi bis-Sħiħ Wara l-Kristu?
‘Bħalma fil-fatt qed timxu, komplu agħmlu dan iktar bis-sħiħ.’—1 TESS. 4:1.
1, 2. (a) Liema affarijiet tal-għaġeb raw b’għajnejhom stess ħafna nies fi żmien Ġesù? (b) Għala anki ż-żmien li qed ngħixu fih hu żmien speċjali?
QATT ħsibt dwar kemm kienet tkun xi ħaġa sabiħa li tgħix fiż-żmien meta Ġesù kien fuq l-art? Forsi taħseb dwar il-prospett li tkun imfejjaq minn Ġesù u b’hekk ma jkollokx għalfejn tgħaddi minn tbatija minħabba xi mard fiżiku. Jew forsi taħseb dwar kemm kien ikun pjaċevoli li tkun tistaʼ tara u tismaʼ lil Ġesù u li saħansitra titgħallem minnu jew tarah iwettaq xi miraklu. (Mk. 4:1, 2; Lq. 5:3-9; 9:11) Kemm kien ikun privileġġ tal-għaġeb li kieku kont preżenti meta Ġesù wettaq dawn ix-xogħlijiet! (Lq. 19:37) Minn dakinhar ’l hawn, ebda ġenerazzjoni ma esperjenzat affarijiet taʼ din ix-xorta, u dak li wettaq Ġesù fuq l-art “bis-sagrifiċċju tiegħu stess,” mhux se jerġaʼ jsir.—Ebr. 9:26; Ġw. 14:19.
2 Madankollu, anki ż-żmien li qed ngħixu fih issa huwa żmien speċjali. Għala? Aħna qegħdin ngħixu f’dak li l-Iskrittura bassret bħala “żmien it-tmiem” u ‘l-aħħar jiem.’ (Dan. 12:1-4, 9; 2 Tim. 3:1) Matul dan il-perijodu taʼ żmien, Satana tkeċċa mis-sema. Dalwaqt, se jiġi marbut u mitfugħ “fl-abbiss.” (Riv. 12:7-9, 12; 20:1-3) Huwa wkoll f’dan iż-żmien li għandna l-privileġġ grandjuż li niddikjaraw “l-aħbar tajba tas-saltna” mad-dinja kollha. Dan nagħmluh billi ngħidu lin-nies dwar it-tama taʼ Ġenna tal-art li ġejja—xogħol li qatt mhu se jerġaʼ jsir.—Mt. 24:14.
3. Ftit qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù x’qalilhom biex jagħmlu lis-segwaċi tiegħu, u dan x’kien jinvolvi?
3 Ftit qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Dan ix-xogħol kellu jinvolvi attività taʼ tagħlim mad-dinja kollha. B’liema għan? Li nagħmlu dixxipli—iżjed segwaċi tal-Kristu—qabel ma jiġi t-tmiem. (Mt. 28:19, 20) X’hemm bżonn nagħmlu sabiex jirnexxilna nwettqu l-inkarigu li tana Kristu?
4. (a) Dak li qal Pietru fit-2 Pietru 3:11, 12 jenfasizza liema bżonn? (b) Għal liema ħaġa jeħtieġ nibqgħu għassa?
4 Innota dak li enfasizza l-appostlu Pietru: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova!” (2 Pt. 3:11, 12) Il-kliem taʼ Pietru jenfasizza l-bżonn li nżommu għassa stretta f’dawn l-aħħar jiem biex inkunu ċerti li ħajjitna tibqaʼ ffokata fuq għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla. Għemejjel bħal dawn jinkludu l-ippritkar tal-aħbar tajba. Għalhekk, kemm nifirħu meta nosservaw iż-żelu taʼ ħutna madwar id-dinja li bih qed iwettqu l-inkarigu tal-ippritkar mogħti minn Kristu! Fl-istess ħin, aħna nagħrfu l-bżonn li noqogħdu għassa sabiex il-pressjonijiet taʼ kuljum li jkollna mid-dinja taʼ Satana u mit-tendenzi tal-laħam li writna ma jnaqqsulniex iż-żelu li bih qed inwettqu s-servizz lejn Alla. Għalhekk, ejja nikkunsidraw kif nistgħu naċċertaw ruħna li nibqgħu nimxu wara l-Kristu.
Aċċetta mill-Qalb ir-Responsabbiltajiet Mogħtijin Minn Alla
5, 6. (a) Pawlu għal liema ħaġa faħħar lil sħabu fit-twemmin f’Ġerusalemm, u kontra liema ħaġa wissiehom? (b) Għala m’għandniex nieħdu ħafif ħafif ir-responsabbiltajiet mogħtijin minn Alla?
5 Fl-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Ġerusalemm, l-appostlu Pawlu faħħar lil sħabu fit-twemmin talli fil-passat issaportew b’lealtà saħansitra anki taħt persekuzzjoni. Hu qal: “Ibqgħu ftakru fiż-żmien taʼ qabel meta, wara li ġejtu mdawlin, issaportejtu taqbida kbira bis-sofferenzi.” Tabilħaqq, Ġeħova ftakar fil-lealtà tagħhom. (Ebr. 6:10; 10:32-34) Dan il-kliem taʼ Pawlu mimli mħabba u tifħir żgur li inkuraġġixxa ferm lil dawk il-Kristjani Ebrej. Madankollu, f’din l-istess ittra Pawlu wissa wkoll kontra tendenza umana li jekk ma tiġix kontrollata tistaʼ tnaqqas iż-żelu taʼ dak li jkun għas-servizz t’Alla. Hu stqarr li l-Kristjani għandhom joqogħdu attenti li ma ‘jġibux skużi’ biex ma jsegwux il-kmandamenti t’Alla.—Ebr. 12:25.
6 Din it-twissija kontra t-tendenza li l-bnedmin ‘iġibu skużi’ biex ma jaċċettawx responsabbiltajiet mogħtijin minn Alla tapplika wkoll għall-Kristjani llum. Aħna nagħrfu l-bżonn li nkunu determinati li qatt ma nieħdu r-responsabbiltajiet Kristjani tagħna ħafif ħafif jew li nħallu ż-żelu tagħna għas-servizz t’Alla jmajna. (Ebr. 10:39) Wara kollox, li nagħtu servizz sagru hu kwistjoni taʼ ħajja jew mewt.—1 Tim. 4:16.
7, 8. (a) X’se jgħinna nkomplu nkunu żelużi għas-servizz t’Alla? (b) Jekk tlifna xi ftit miż-żelu li kellna fil-bidu, x’għandna niftakru dwar Ġeħova u Ġesù?
7 X’se jgħinna noqogħdu attenti li ma nġibux skużi biex ma nwettqux l-obbligi tagħna lejn Alla? Mod importanti kif negħlbu din it-tendenza hu billi nimmeditaw regolarment fuq it-tifsir tal-wegħda tad-dedikazzjoni tagħna. Fi ftit kliem, aħna wegħedna lil Ġeħova li se npoġġu r-rieda tiegħu l-ewwel u qabel kollox f’ħajjitna, u aħna rridu nżommu din il-wegħda. (Aqra Mattew 16:24.) Għalhekk, kultant ikun hemm bżonn li nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: ‘Għadni nħossni determinat li ngħix skont id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla daqskemm kont meta tgħammidt? Jew inkella tul is-snin tlift xi ftit miż-żelu li kelli?’
8 Jekk wara li neżaminaw lilna nfusna b’mod onest insibu li naqqasna xi ftit il-pass, nagħmlu tajjeb li niftakru fil-kliem inkuraġġanti li qal il-profeta Sofonija. Hu qal: “Ħa ma jintelqux idejk. Ġeħova Alla tiegħek qiegħed f’nofsok. Bħala Wieħed setgħan, hu se jagħtik salvazzjoni. Se jithenna minħabba fik b’ferħ kbir.” (Sof. 3:16, 17) Dan il-kliem rassiguranti l-ewwel applika għall-Israelin tal-qedem li mill-jasar f’Babilonja marru lura lejn Ġerusalemm. Madankollu, din l-assiguranza għadha tapplika għan-nies t’Alla llum. Peress li x-xogħol li nagħmlu hu x-xogħol taʼ Ġeħova, irridu nżommu f’moħħna li kemm Ġeħova u kemm Ibnu qed jappoġġawna u jsaħħuna biex inwettqu bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet mogħtijin minn Alla. (Mt. 28:20; Flp. 4:13) Jekk nistinkaw biex nibqgħu nagħmlu x-xogħol t’Alla biż-żelu, hu se jberikna u se jgħinna nkomplu nagħmlu progress spiritwali.
‘Fittex l-Ewwel is-Saltna’ biż-Żelu
9, 10. X’inhu l-qofol tal-parabbola taʼ Ġesù dwar l-ikla kbira taʼ filgħaxija u x’tagħlima nistgħu nisiltu minnha?
9 Waqt ikla fid-dar taʼ ħakkiem Fariżew, Ġesù ta tixbiha dwar ikla kbira taʼ filgħaxija. F’din it-tixbiha hu ddeskriva l-opportunità li ġiet offruta lil uħud differenti sabiex jingħataw is-Saltna tas-smewwiet. Hu wera wkoll xi jfisser li wieħed ‘iġib skużi.’ (Aqra Luqa 14:16-21.) Il-mistidnin fit-tixbiha taʼ Ġesù ġabu skużi biex ma jmorrux il-festa. Wieħed qal li kellu jmur jara l-għalqa li kien għadu kemm xtara. Ieħor qal li xtara xi barrin u ried jipprovahom. Jerġaʼ ieħor qal: ‘Ma nistax niġi. Għadni kif iżżewwiġt.’ Dawn kienu skużi banali. Xi ħadd li jixtri għalqa jew xi bhejjem normalment jipprovahom qabel ma jixtrihom u mhux wara, u b’hekk ma jkunx hemm xi urġenza kbira biex jipprovahom. U għaliex għandu wieħed li jkun għadu kif iżżewweġ joqgħod lura milli jaċċetta stedina importanti bħal din? Mhux taʼ b’xejn li dak li stieden kien mgħaddab!
10 In-nies t’Alla kollha jistgħu jieħdu tagħlima mill-parabbola taʼ Ġesù. X’inhi din it-tagħlima? M’għandna qatt inħallu l-affarijiet persunali, bħal dawk li ssemmew fit-tixbiha taʼ Ġesù, isiru tant importanti għalina li nibdew inġibuhom qabel is-servizz tagħna lil Alla. Jekk Kristjan ma jżommx l-affarijiet persunali fil-post li għandu jkollhom fil-ħajja, iż-żelu tiegħu fil-ministeru se jmajna bil-mod il-mod. (Aqra Luqa 8:14.) Biex nevitaw li dan jiġri, aħna ngħixu bit-twissija taʼ Ġesù f’moħħna: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu.” (Mt. 6:33) Kemm hu inkuraġġanti meta tara li l-qaddejja t’Alla—kemm żgħar u kemm kbar—qed japplikaw dan il-parir vitali! Fil-fatt, ħafna għamlu bidliet biex jissimplifikaw l-istil taʼ ħajja tagħhom sabiex ikunu jistgħu jqattgħu iktar ħin fil-ministeru. Huma jitgħallmu mill-esperjenza tagħhom stess li meta jibqgħu jfittxu l-ewwel is-saltna biż-żelu, iħossu ferħ veru u sodisfazzjon kbir.
11. Liema rakkont Bibliku jenfasizza l-importanza li naqdu lil Alla biż-żelu u b’qalbna kollha?
11 Ejja nagħtu ħarsa lejn ġrajja li seħħet fil-ħajja tas-Sultan Ġeħogħas taʼ Israel. Din tenfasizza l-importanza li nkunu żelużi fis-servizz t’Alla. Konċernat dwar dak li deher li kien se jiġri lil Israel f’idejn is-Sirja, Ġeħogħas mar jibki għand Eliżew. Il-profeta qallu biex mit-tieqa jispara vleġġa lejn is-Sirja, u dan kien ifisser rebħa permezz taʼ id Ġeħova kontra dan il-ġens. Ċertament dan kellu jinkuraġġixxi lis-sultan. Eliżew imbagħad qal lil Ġeħogħas biex jieħu l-vleġeġ u jidrob l-art bihom. Ġeħogħas darab l-art tliet darbiet. Minħabba f’hekk, Eliżew kien mgħaddab għaliex li Ġeħogħas jidrob l-art ħames jew sitt darbiet kien se jfisser li ‘jidrob lis-Sirja sa ma jtemmha.’ Issa Ġeħogħas kien se jkollu biss tliet rebħiet parzjali. Minħabba li aġixxa b’nuqqas taʼ żelu, Ġeħogħas ma kellux suċċess għalkollox. (2 Slat. 13:14-19) Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Ġeħova se jberikna bil-kbir biss jekk aħna nagħmlu x-xogħol tiegħu b’qalbna kollha u biż-żelu.
12. (a) X’se jgħinna nibqgħu żelużi fis-servizz t’Alla hekk kif niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja? (b) Spjega kif qed tibbenefika mill-fatt li tkun bieżel fil-ministeru.
12 Iż-żelu u d-devozzjoni tagħna għas-servizz t’Alla jiġu mġarrbin mill-isfidi tal-ħajja. Ħafna aħwa qegħdin jiffaċċjaw ċirkustanzi ekonomiċi li huma taʼ sfida. Oħrajn jinsabu frustrati minħabba li xi marda serja tillimita dak li jistgħu jagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova. Xorta waħda, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jieħu passi biex ikun ċert li jibqaʼ żeluż u li jkompli jimxi bis-sħiħ wara l-Kristu. Jekk jogħġbok innota xi ftit mis-suġġerimenti u mill-iskritturi mniżżlin fil-kaxxa “X’Se Jgħinek Tkompli Timxi Wara l-Kristu?” Ara kif tistaʼ tapplikahom bis-sħiħ. Jekk tagħmel dan, se taħsad benefiċċji veri. Jekk inkunu beżlin fil-ministeru jkollna stabbiltà f’ħajjitna, ħajja iktar pjaċevoli, u paċi u ferħ akbar. (1 Kor. 15:58) Iktar minn hekk, jekk nagħmlu s-servizz t’Alla b’ruħna kollha, niġu megħjunin ‘inżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova.’—2 Pt. 3:12.
Analizza b’Onestà ċ-Ċirkustanzi Tiegħek
13. Kif nistgħu nkunu nafu xi jfisser għalina personalment is-servizz t’Alla b’ruħna kollha?
13 Madankollu, tajjeb niftakru li s-servizz t’Alla li nagħmlu b’ruħna kollha mhuwiex biss kwistjoni taʼ kemm inqattgħu ħin fil-ministeru. Iċ-ċirkustanzi taʼ kulħadd huma differenti. Individwu li jqattaʼ biss madwar siegħa jew tnejn fil-ministeru kull xahar jistaʼ jogħġob ħafna lil Ġeħova, jekk dan huwa tassew dak kollu li saħħtu tippermettilu jagħmel. (Qabbel Marku 12:41-44.) Għalhekk, sabiex inkunu nafu xi jfisser għalina personalment is-servizz t’Alla b’ruħna kollha, jeħtieġ nanalizzaw b’onestà ċ-ċirkustanzi u l-abbiltajiet tagħna. Bħala segwaċi taʼ Kristu rridu wkoll inġibu l-ħarsa tagħna fi qbil mal-ħarsa tiegħu. (Aqra Rumani 15:5; 1 Kor. 2:16) Ġesù x’poġġa l-ewwel f’ħajtu? Hu qal lill-folol f’Kafarnahum: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla . . . , għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43; Ġw. 18:37) Żomm f’moħħok kemm Ġesù kien żeluż fil-ministeru u mbagħad evalwa ċ-ċirkustanzi tiegħek biex tara jekk tistax tespandi l-ministeru.—1 Kor. 11:1.
14. B’liema modi nistgħu nespandu l-ministeru tagħna?
14 Jekk inqisu bis-serjetà ċ-ċirkustanzi tagħna, għandna mnejn naslu għall-konklużjoni li nistgħu nqattgħu iżjed ħin fil-ministeru. (Mt. 9:37, 38) Pereżempju, bosta eluf taʼ żgħażagħ fostna li għadhom kif spiċċaw l-iskola espandew il-ministeru tagħhom, u issa qed jesperjenzaw il-ferħ li jiġi meta wieħed jaqdi biż-żelu bħala pijunier. Tixtieq tesperjenza dan il-ferħ int ukoll? Xi aħwa eżaminaw iċ-ċirkustanzi tagħhom u ddeċidew li setgħu jmorru jgħixu f’xi nħawi oħrajn f’pajjiżhom stess, jew saħansitra barra minn pajjiżhom fejn il-bżonn għal pubblikaturi tas-Saltna hu akbar. Jerġaʼ oħrajn tgħallmu lingwa oħra biex jgħinu lil uħud li jitkellmu b’lingwa barranija. Waqt li jistaʼ jkun taʼ sfida li nespandu l-ministeru tagħna, dan iġib barkiet kbar u nistgħu ngħinu lil ħafna oħrajn “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:3, 4; 2 Kor. 9:6.
Eżempji Bibliċi taʼ Min Isegwihom
15, 16. Liema eżempji taʼ wħud li kienu segwaċi żelużi taʼ Kristu nistgħu nimitaw?
15 Xi wħud li saru appostli kif irreaġixxew meta Kristu sejħilhom biex ikunu segwaċi tiegħu? Dwar Mattew, ir-rakkont jgħid: “Telaq kollox, qam, u mar warajh.” (Lq. 5:27, 28) Dwar Pietru u Indrì li kienu qed jistadu, naqraw: “Mill-ewwel abbandunaw ix-xbieki, u marru warajh.” Imbagħad, Ġesù ra lil Ġakbu u lil Ġwanni li kienu qed isewwu x-xbieki tagħhom flimkien ma’ missierhom. Kif irreaġixxew għall-istedina taʼ Ġesù? “Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.”—Mt. 4:18-22.
16 Eżempju ieħor mill-aqwa hu dak taʼ Sawl li iktar tard sar l-appostlu Pawlu. Għalkemm kien persekutur fanatiku tas-segwaċi taʼ Kristu, hu biddel ħajtu u sar “strument magħżul” biex iġorr isem Kristu. “Minnufih [Pawlu] beda jippriedka fis-sinagogi dwar Ġesù, li Dan hu l-Iben t’Alla.” (Atti 9:3-22) Avolja kellu jissaporti ħafna tbatijiet u persekuzzjonijiet, Pawlu qatt ma tilef iż-żelu tiegħu.—2 Kor. 11:23-29; 12:15.
17. (a) X’inhi x-xewqa tiegħek rigward li timxi wara l-Kristu?(b) Liema barkiet ingawdu hekk kif nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova b’qalbna u b’saħħitna kollha?
17 Ċertament irridu nimitaw l-eżempji mill-aqwa taʼ dawn id-dixxipli u naġixxu bil-ħerqa u bla ma noqogħdu naħsbuha darbtejn. (Ebr. 6:11, 12) Liema barkiet se ngawdu hekk kif nitħabtu biex insegwu lil Kristu bis-sħiħ u biż-żelu? Se jkollna ferħ ġenwin meta nagħmlu r-rieda t’Alla u se nesperjenzaw is-sodisfazzjon li jiġi meta naċċettaw iżjed privileġġi taʼ servizz u responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. (Salm 40:8; aqra l-1 Tessalonikin 4:1.) Hekk kif nistinkaw bil-ħeġġa biex nimxu wara l-Kristu, se ngawdu barkiet kbar u dejjiema bħalma huma l-paċi tal-moħħ, is-sodisfazzjon, il-kuntentizza, l-approvazzjoni t’Alla, u l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—1 Tim. 4:10.
Tiftakar Int?
• Liema xogħol importanti ngħatajna, u kif għandna nqisuh?
• Għal liema tendenza umana għandna noqogħdu għassa, u għala?
• X’għandna nanalizzaw b’onestà?
• X’se jgħinna nibqgħu nimxu wara l-Kristu?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]
X’Se Jgħinek Tkompli Timxi Wara l-Kristu?
▪ Aqra l-Kelma t’Alla kuljum u immedita fuq dak li taqra.—Salm 1:1-3; 1 Tim. 4:15.
▪ Itlob spiss għall-appoġġ u l-gwida tal-ispirtu t’Alla.—Żak. 4:6; Lq. 11:9, 13.
▪ Assoċja ma’ dawk li juru żelu mill-qalb għall-ministeru.—Prov. 13:20; Ebr. 10:24, 25.
▪ Agħraf l-urġenza taż-żminijiet li qed ngħixu fihom.—Efes. 5:15, 16.
▪ Kun konxju tal-konsegwenzi serji li hemm meta wieħed ‘iġib skużi.’—Lq. 9:59-62.
▪ Irrifletti regolarment fuq il-wegħda tad-dedikazzjoni tiegħek u l-barkiet abbundanti li jiġu meta taqdi lil Ġeħova u meta timxi wara l-Kristu b’qalbek kollha.—Salm 116:12-14; 133:3; Prov. 10:22.