Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int ‘Prokuratur tal-Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa t’Alla’?

Int ‘Prokuratur tal-Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa t’Alla’?

“Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—RUM. 12:10.

1. Liema assiguranzi nsibu fil-​Kelma t’Alla?

 IL-​KELMA T’ALLA tassigurana ripetutament li Ġeħova se jgħinna meta nkunu skuraġġiti jew qalbna maqsuma. Per eżempju, innota dan il-​kliem taʼ faraġ: “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.” “Qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 145:14; 147:3) Iktar minn hekk, Missierna tas-​sema nnifsu jistqarr: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Is. 41:13.

2. Ġeħova kif jappoġġa lill-​qaddejja tiegħu?

2 Iżda, Ġeħova—li jgħammar fis-​smewwiet inviżibbli—kif ‘jaqbadna minn idna’? Kif ‘iqajjimna meta nkunu mtaqqlin’ b’uġigħ taʼ qalb? Alla Ġeħova jipprovdi appoġġ bħal dan b’diversi modi. Per eżempju, hu jagħti lin-​nies tiegħu “qawwa iktar min-​normal” permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (2 Kor. 4:7; Ġw. 14:16, 17) Il-​qaddejja t’Alla jħossu wkoll il-​qawwa li ssaħħaħhom li jagħti l-​messaġġ misjub fil-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja. (Ebr. 4:12) Għad hemm jerġaʼ xi mod ieħor kif Ġeħova jsaħħaħna? It-​tweġiba nsibuha fil-​ktieb taʼ l-​Ewwel Pietru.

Il-​“Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa t’Alla Espressa b’Diversi Modi”

3. (a) L-​appostlu Pietru liema stqarrija jagħmel dwar il-​provi? (b) X’inhu diskuss fl-​1 Pietru kapitlu 4?

3 Meta jikteb lil uħud li jemmnu u li huma midlukin bl-​ispirtu, l-​appostlu Pietru jgħidilhom li għandhom raġuni tajba biex ikunu ferħanin għaliex hemm jistenniehom premju sabiħ. Imbagħad iżid: “Għalkemm issa, għal ftit żmien, jekk għandu jkun hekk, qed titnikktu b’diversi provi.” (1 Pt. 1:1-6) Innota l-​kelma “diversi.” Din tissuġġerixxi li l-​provi se jkunu differenti. Madankollu, Pietru ma jiqafx hemm u jħalli lill-​aħwa jaħsbu jekk humiex se jkunu jistgħu jkampaw maʼ dawn il-​provi differenti. Minflok, Pietru jindika li l-​Kristjani jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jgħinhom ikampaw maʼ kull prova li jiltaqgħu magħha, tkun xi tkun in-​natura tagħha. Din l-​assiguranza tingħata fl-​aħħar parti taʼ l-​ittra taʼ Pietru, fejn l-​appostlu jiddiskuti kwistjonijiet relatati mat-​“tmiem taʼ kollox.”—1 Pt. 4:7.

4. Il-​kliem taʼ l-​1 Pietru 4:10 għala hu taʼ faraġ għalina?

4 Pietru jistqarr: “Bħala prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi, aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pt. 4:10) Pietru jerġaʼ juża l-​kelma “diversi.” Fil-​fatt, hu jgħid, ‘Il-​provi jiġu f’ħafna forom differenti, imma l-​espressjonijiet tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jiġu f’ħafna forom differenti wkoll.’ Din l-​istqarrija għala hi taʼ faraġ? Għax timplika li tkun xi tkun in-​natura tal-​prova tagħna, dejjem se jkun hemm espressjoni tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li se tgħinna nissaportuha. Iżda, innotajt int fl-​istqarrija taʼ Pietru kif Ġeħova jesprimi l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu lejna? Permezz taʼ sħabna l-​Kristjani.

‘Naqdu lil Xulxin’

5. (a) Kull Kristjan x’għandu jagħmel? (b) B’liema ħaġa ġejna inkarigati?

5 Meta jkellem lill-​membri kollha tal-​kongregazzjoni Kristjana, Pietru jgħid: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.” Imbagħad iżid: “Aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pt. 4:8, 10) Għaldaqstant, kull wieħed fil-​kongregazzjoni għandu jkollu sehem f’li jibni lil sħabu l-​Kristjani. Aħna ġejna inkarigati biex nieħdu ħsieb xi ħaġa prezzjuża li hi taʼ Ġeħova, u aħna responsabbli biex inqassmuha lil oħrajn. Allura, b’liema ħaġa ġejna fdati? Pietru jgħid li hi “għotja.” X’inhi din l-​għotja? Kif nużawha biex ‘naqdu lil xulxin’?

6. Liema huma xi għotjiet li bihom huma fdati l-​Kristjani?

6 Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej minn fuq.” (Ġak. 1:17) Tabilħaqq, l-​għotjiet kollha li bihom Ġeħova jafda lill-​poplu tiegħu huma espressjonijiet tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. Għotja waħda li tispikka u li jagħtina Ġeħova hi l-​ispirtu qaddis. Din l-​għotja tgħinna nikkultivaw kwalitajiet divini bħalma huma l-​imħabba, it-​tjubija, u l-​ħlewwa. Mill-​banda l-​oħra, dawn il-​kwalitajiet iqanqluna biex lil sħabna fit-​twemmin nuruhom affezzjoni mill-​qalb u nkunu lesti li ngħinuhom. L-​għerf veru u l-​għarfien huma wkoll fost l-​għotjiet tajbin li niksbu bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis. (1 Kor. 2:10-16; Gal. 5:22, 23) Fil-​fatt, l-​enerġiji, l-​abbiltajiet, u t-​talenti kollha tagħna jistgħu jitqiesu bħala għotjiet li għandna nużawhom biex infaħħru u nonoraw lil Missierna tas-​sema. Għandna r-​responsabbiltà mogħtija minn Alla biex nużaw l-​abbiltajiet u l-​kwalitajiet tagħna bħala mezz biex inwasslu espressjonijiet tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla lil sħabna fit-​twemmin.

Użaha Biex ‘Taqdi’ —Kif?

7. (a) X’inhu indikat mit-​terminu “skond”? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna, u għala?

7 Rigward l-​għotjiet li rċivejna, Pietru jgħid ukoll: “Aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” It-​terminu “skond” jindika li l-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet jistgħu jvarjaw mhux biss fin-​natura imma wkoll fid-​diversità. Hi x’inhi l-​għotja, ilkoll aħna mħeġġin biex ‘skond l-​għotja [jiġifieri, kwalunkwe għotja partikulari li rċivejna] naqdu lil xulxin.’ Iktar minn hekk, l-​espressjoni “bħala prokuraturi mill-​aħjar . . . aqdu” hija kmand. Għalhekk, għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Nużahom jien tassew l-​għotjiet li jien fdat bihom biex insaħħaħ lil sħabi fit-​twemmin?’ (Qabbel l-​1 Timotju 5:9, 10.) ‘Jew nuża l-​abbiltajiet li rċivejt mingħand Ġeħova prinċipalment għall-​profitt tiegħi stess—forsi biex nakkwista rikkezzi jew sabiex nikseb stat soċjali?’ (1 Kor. 4:7) Jekk nużaw l-​għotjiet tagħna ‘biex naqdu lil xulxin’ inkunu qed nogħġbu lil Ġeħova.—Prov. 19:17; aqra Ebrej 13:16.

8, 9. (a) Semmi xi modi kif il-​Kristjani madwar id-​dinja jaqdu għan-​nom taʼ sħabhom fit-​twemmin. (b) L-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni tiegħek kif jgħinu lil xulxin?

8 Il-​Kelma t’Alla ssemmi diversi modi kif il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu qdew lil xulxin. (Aqra Rumani 15:25, 26; it-2 Timotju 1:16-18.) B’mod simili llum, il-​kmand biex wieħed juża l-​għotja tiegħu għan-​nom taʼ sħabu fit-​twemmin qed jitwettaq b’qalb sħiħa mill-​Kristjani veri. Ikkunsidra xi modi kif qed isir dan.

9 Ħafna aħwa jqattgħu sigħat sħaħ kull xahar biex jippreparaw xi parti li jkollhom fil-​laqgħat. Fil-​laqgħat, meta jwasslu xi ftit mill-​informazzjoni spiritwali prezzjuża li jkunu sabu waqt l-​istudju tal-​Bibbja tagħhom, kliemhom mimli dehen iqanqal lil kulħadd fil-​kongregazzjoni biex jissaporti. (1 Tim. 5:17) Għadd t’aħwa rġiel u nisa huma magħrufin għall-​imħabba u l-​mogħdrija tagħhom lejn sħabhom fit-​twemmin. (Rum. 12:15) Xi wħud iżuru regolarment lil dawk li huma dipressi u jitolbu magħhom. (1 Tess. 5:14) Oħrajn b’qalb tajba jiktbu xi kliem minn qalbhom biex jinkuraġġixxu lil sħabhom il-​Kristjani li jkunu qed ikampaw maʼ xi prova. Jerġaʼ oħrajn b’qalb tajba jgħinu lil dawk li huma limitati fiżikament biex jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Eluf taʼ Xhieda jagħmlu xogħol biex jgħinu lil dawk fil-​bżonn, billi jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin jerġgħu jibnu djarhom li jkunu ntlaqtu minn xi diżastru. L-​affezzjoni tenera u l-​assistenza prattika offruti minn dawn l-​aħwa rġiel u nisa li jimpurtahom minn ħuthom huma kollha manifestazzjonijiet tal-​“qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi.”—Aqra l-1 Pietru 4:11.

Liema Hu Iktar Importanti?

10. (a) Pawlu kien konċernat dwar liema żewġ aspetti tas-​servizz tiegħu lil Alla? (b) Illum, kif nimitawh lil Pawlu?

10 Il-​qaddejja t’Alla m’humiex fdati biss b’għotja li trid tintuża għan-​nom taʼ sħabhom fit-​twemmin imma wkoll b’messaġġ li jridu jaqsmuh maʼ sħabhom il-​bnedmin. L-​appostlu Pawlu rrikonoxxiehom dawn iż-​żewġ aspetti tas-​servizz tiegħu lil Ġeħova. Hu kiteb lill-​kongregazzjoni f’Efesu rigward “il-​prokura tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla” li ngħatatlu għall-​benefiċċju tagħhom. (Efes. 3:2) Madankollu, hu qal ukoll: “Ġejna misjubin xierqa minn Alla biex niġu fdati bl-​aħbar tajba.” (1 Tess. 2:4) Bħal Pawlu, aħna wkoll nirrikonoxxu li ġejna fdati bl-​inkarigu taʼ li naqdu bħala predikaturi tas-​Saltna t’Alla. Billi nieħdu sehem b’mod żeluż fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, aħna nistinkaw biex nimitaw l-​eżempju li tana Pawlu bħala proklamatur taʼ l-​aħbar tajba li ma jgħejja qatt. (Atti 20:20, 21; 1 Kor. 11:1) Aħna nafu li l-​ippridkar tal-​messaġġ tas-​Saltna jistaʼ jsalva l-​ħajjiet. Madankollu, fl-​istess ħin, nistinkaw ukoll biex nimitaw lil Pawlu billi nfittxu opportunitajiet sabiex ‘nagħtu xi għotja spiritwali’ lil sħabna fit-​twemmin.—Aqra Rumani 1:11, 12; 10:13-15.

11. Kif għandna nqisuhom l-​inkarigi tagħna biex nippridkaw u biex nibnu lil ħutna?

11 Liema minn dawn iż-​żewġ attivitajiet Kristjani hija iktar importanti? Il-​fatt li tistaqsi mistoqsija bħal din hu kemxejn bħal li tistaqsi dwar għasfur: Liema miż-​żewġ ġwienaħ tiegħu hu iktar importanti? Ir-​risposta hi ovvja. Għasfur għandu bżonn juża ż-​żewġ ġwienaħ sabiex itir sewwa. Bl-​istess mod, aħna għandna bżonn nieħdu sehem fiż-​żewġ aspetti tas-​servizz tagħna lil Alla sabiex inkunu kompleti bħala Kristjani. B’hekk, minflok ma nqisu l-​inkarigi tagħna biex nippridkaw l-​aħbar tajba u biex nibnu lil sħabna fit-​twemmin bħala li m’humiex relatati, aħna nqisuhom sewwasew bħalma qisuhom l-​appostli Pietru u Pawlu—bħala responsabbiltajiet li jikkumplimentaw lil xulxin. B’liema mod?

12. Kif naqdu bħala strument f’id Ġeħova?

12 Bħala evanġelizzaturi, aħna nużaw kwalunkwe sengħa tat-​tagħlim li jistaʼ jkollna sabiex nipprovaw immissu l-​qlub taʼ sħabna l-​bnedmin bil-​messaġġ edifikanti tas-​Saltna t’Alla. B’dan il-​mod, aħna nittamaw li ngħinuhom biex isiru dixxipli taʼ Kristu. Madankollu, nużaw ukoll kwalunkwe abbiltà u għotja oħra li jistaʼ jkollna biex nipprovaw ninkuraġġixxu lil sħabna fit-​twemmin bi kliem edifikanti u għemejjel t’għajnuna—espressjonijiet tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. (Prov. 3:27; 12:25) B’dan il-​mod, nittamaw li ngħinuhom jibqgħu dixxipli taʼ Kristu. Fiż-​żewġ attivitajiet—li nippridkaw lill-​pubbliku u li ‘naqdu lil xulxin’—għandna l-​privileġġ meraviljuż li naqdu bħala strument f’id Ġeħova.—Gal. 6:10.

“Ħa Jkollkom Affezzjoni Tenera Lejn Xulxin”

13. X’jiġri jekk inżommu lura milli ‘naqdu lil xulxin’?

13 Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) Tabilħaqq, l-​affezzjoni lejn ħutna ġġegħelna naqdu b’qalbna kollha bħala prokuraturi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. Aħna nirrealizzaw li jekk Satana jirnexxilu jżommna lura milli ‘naqdu lil xulxin,’ hu jdgħajjef l-​unità tagħna. (Kol. 3:14) Mill-​banda l-​oħra, nuqqas t’unità jwassal għal nuqqas taʼ żelu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Satana jaf tajjeb li hu għandu bżonn iferilna biss wieħed mill-​ġwienaħ tagħna, biex ngħidu hekk, sabiex ma jħalliniex intiru.

14. Min jibbenefika meta ‘naqdu lil xulxin’? Agħti eżempju.

14 Il-​fatt li ‘naqdu lil xulxin’ ma jibbenefikax biss lil dawk li jirċievu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla imma wkoll lil dawk li juruha. (Prov. 11:25) Per eżempju, ħu lil Ryan u lil Roni, koppja f’Illinois, l-​Istati Uniti. Meta saru jafu li l-​Uragan Katrina kien qered mijiet taʼ djar taʼ Xhieda sħabhom, l-​imħabba lejn l-​aħwa qanqlithom biex jitilqu l-​impjieg tagħhom, jitilqu l-​appartament tagħhom, jixtru trejler użat, jirranġawh, u jivvjaġġaw 1,400 kilometru lejn Louisiana. Huma għexu hemmhekk għal iktar minn sena waqt li taw mill-​ħin, mis-​saħħa, u mir-​riżorsi tagħhom biex jgħinu lil ħuthom. “Is-​sehem tiegħi f’xogħol biex ngħin lil dawk fil-​bżonn ressaqni eqreb lejn Alla,” jgħid Ryan, li għandu 29 sena. “Rajt kif Ġeħova jieħu ħsieb in-​nies tiegħu.” Ryan iżid: “Il-​fatt li ħdimt m’aħwa akbar minni għallimni ħafna dwar kif nieħu ħsieb l-​aħwa. Tgħallimt ukoll li hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu aħna ż-​żgħażagħ fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.” Roni, li għandha 25 sena, tinnota: “Jien grata li kelli sehem f’li ngħin lil oħrajn. Inħossni iktar hienja minn qatt qabel f’ħajti. Naf li fis-​snin li ġejjin se nkompli naħsad il-​benefiċċji minn din l-​esperjenza taʼ l-​għaġeb.”

15. X’raġunijiet tajbin għandna biex inkomplu naqdu bħala prokuraturi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

15 Tabilħaqq, li nobdu l-​kmand t’Alla biex nippridkaw l-​aħbar tajba u nibnu lil sħabna fit-​twemmin iġib barkiet lil kulħadd. Dawk li ngħinu se jissaħħu spiritwalment, waqt li aħna se nesperjenzaw il-​ferħ fil-​qalb li l-​għoti biss jistaʼ jġib. (Atti 20:35) Il-​kongregazzjoni kollha tikber fl-​imħabba hekk kif kull membru jieħu interess bi mħabba f’oħrajn. Barra minn hekk, l-​imħabba u l-​affezzjoni li nuru lejn xulxin jidentifikawna b’mod ċar bħala Kristjani veri. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:35) Fuq kollox, l-​unur imur għand Missierna, Ġeħova, li jimpurtah minna, hekk kif ix-​xewqa tiegħu biex isaħħaħ lil dawk fil-​bżonn tiġi riflessa fil-​qaddejja tiegħu fuq l-​art. Għalhekk, kemm raġunijiet tajbin għandna biex nużaw l-​għotja tagħna li ‘naqdu lil xulxin bħala prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla’! Se tkompli int tagħmel hekk?—Aqra Ebrej 6:10.

X’Tiftakar?

• Ġeħova b’liema modi jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu?

• B’liema ħaġa aħna fdati?

• X’inhuma xi modi kif nistgħu naqdu lil sħabna fit-​twemmin?

• X’se jqanqalna nkomplu nużaw l-​għotja tagħna biex ‘naqdu lil xulxin’?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 13]

Tużaha int l-​“għotja” tiegħek biex taqdi lil oħrajn jew biex togħġob lilek innifsek?

[Stampi f’paġna 15]

Aħna nippridkaw l-​aħbar tajba lil oħrajn u nappoġġaw lil sħabna l-​Kristjani

[Stampa f’paġna 16]

Dawk li jagħmlu xogħol biex jgħinu lil min ikun fil-​bżonn huma taʼ min ifaħħarhom għall-​ispirtu li juru biex jissagrifikaw lilhom infushom