Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inti Tmur Tajjeb Meta Taħdem m’Oħrajn?

Inti Tmur Tajjeb Meta Taħdem m’Oħrajn?

“KONT maġenbu bħala ħaddiem tas-​sengħa, .  . . kont nieħu pjaċir quddiemu l-​ħin kollu.” (Prov. 8:30) Dan il-​vers fil-​Bibbja jiddeskrivi kif Ġesù ħadem maʼ Missieru għal ħafna snin qabel ma ġie fuq l-​art. Minn dan il-​vers nitgħallmu wkoll li Ġesù ‘ħa pjaċir’ meta hu ħadem maʼ Missieru.

Fis-​sema Ġesù tgħallem kwalitajiet li għenuh biex imur tajjeb meta jaħdem m’oħrajn. Imbagħad meta ġie fuq l-​art hu kien eżempju mill-​aqwa. Aħna kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Ġesù? Billi nistudjaw l-​eżempju tiegħu, aħna nistgħu nsibu tliet prinċipji li se jgħinuna mmorru tajjeb m’oħrajn meta naħdmu magħhom. Dawn il-​prinċipji se jgħinuna nkunu iktar magħqudin maʼ ħutna.

Żomm f’moħħok l-eżempji taʼ Ġeħova u Ġesù u kun lest biex taqsam dak li taf maʼ dawk li jaħdmu miegħek

L-​1 PRINĊIPJU: ‘NONORAW LIL XULXIN’

Xi ħadd li jaħdem tajjeb m’oħrajn irid ikun umli, iqis lil dawk li jaħdmu miegħu importanti, u ma jiġbidx l-​attenzjoni lejh. Ġesù tgħallem l-​umiltà minn Missieru. Għalkemm Ġeħova biss jistħoqqlu li jissejjaħ il-​Ħallieq, hu ried li oħrajn ikunu jafu dwar ix-​xogħol importanti li Ibnu għamel. Nistgħu naraw dan meta Ġeħova qal: “Ħa nagħmlu l-​bniedem fix-​xbieha tagħna.” (Ġen. 1:26) Meta Ġeħova qal dan il-​kliem, Ġesù ra kemm Ġeħova hu umli.—Salm 18:35.

Meta Ġesù kien fuq l-​art ukoll wera li kien umli. Pereżempju, meta n-​nies faħħruh hu faħħar lil Alla. (Mk. 10:17, 18; Ġw. 7:15, 16) Ġesù lid-​dixxipli ttrattahom bħala ħbieb u mhux bħala skjavi. Dan għen biex ikun hemm l-​għaqda bejniethom. (Ġw. 15:15) Biex jgħallimhom lezzjoni dwar l-​umiltà hu anke ħaslilhom saqajhom. (Ġw. 13:5, 12-​14) Bħalu, aħna wkoll irridu nqisu lil ħutna importanti. Dan billi npoġġu l-​interessi personali tagħhom qabel tagħna. Meta ‘nonoraw lil oħrajn’ u ma noqogħdux ninkwetaw dwar min se jieħu l-​krettu, se nwettqu iktar xogħol.—Rum. 12:10.

Persuna umli tifhem ukoll li l-​pjanijiet “jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.” (Prov. 15:22) Għandna kemm għandna abbiltajiet u esperjenza, irridu niftakru li ma nafux kollox. Anke Ġesù ammetta li kien hemm affarijiet li ma kienx jaf. (Mt. 24:36) Ukoll, hu kien jimpurtah x’jaħsbu u x’jafu d-​dixxipli imperfetti tiegħu. (Mt. 16:13-​16) Mhux taʼ b’xejn li huma ħassewhom komdi jaħdmu flimkien miegħu! Bl-​istess mod, meta nkunu umli u niftakru li ma nafux kollox u nisimgħu l-​ideat t’oħrajn, aħna wkoll se nkunu magħqudin maʼ ħutna u flimkien ‘se nirnexxu.’

Huwa importanti ħafna li l-​anzjani bejniethom jimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù. Huma jridu jiftakru li l-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħin lil kwalunkwe anzjan fil-​ġemgħa tal-​anzjani. Jekk fil-​laqgħat tagħhom l-​anzjani jagħmlu ċert li kulħadd iħossu komdu jitkellem, flimkien se jieħdu deċiżjonijiet li se jkunu taʼ benefiċċju għall-​kongregazzjoni.

IT-​2 PRINĊIPJU: “ĦA JKUN JAF KULĦADD KEMM INTOM RAĠUNEVOLI”

Xi ħadd li jaħdem tajjeb m’oħrajn ikun raġonevoli. Ikun wieħed li jċedi u mhux dejjem irid li tgħaddi tiegħu. Bla dubju, Ġesù kellu ħafna opportunitajiet fejn setaʼ jara li Missieru hu raġonevoli. Pereżempju, għalkemm in-​nies kien ħaqqhom imutu, Ġeħova bagħat lilu biex isalvahom.—Ġw. 3:16.

Meta kien hemm bżonn u meta kien il-​waqt, Ġesù dejjem ċeda. Pereżempju, hu għen lill-​mara mill-​Feniċja minkejja li kien mibgħut biex jipprietka lil-​Lhud. (Mt. 15:22-​28) Ġesù ma kienx jistenna iżjed minn dak li setgħu jagħmlu d-​dixxipli tiegħu. U anki wara li l-​ħabib tal-​qalb tiegħu Pietru ċaħdu quddiem in-​nies, hu kien lest li jaħfirlu. Iktar tard, lil Pietru tah responsabbiltajiet importanti. (Lq. 22:32; Ġw. 21:17; Atti 2:14; 8:14-​17; 10:44, 45) L-​eżempju taʼ Ġesù jurina b’mod ċar li aħna rridu nuru lil ‘kulħadd kemm aħna raġonevoli’ billi nċedu.—Flp. 4:5.

Meta nkunu raġonevoli se jgħinna wkoll biex naddattaw kif naħdmu m’oħrajn. Ġesù tant kien jittratta lil kulħadd b’mod tajjeb li dawk li kienu jgħiru għalih qalu li kien “ħabib tal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin” li wħud minnhom aċċettaw il-​messaġġ tiegħu. (Mt. 11:19) Nistgħu aħna bħal Ġesù naħdmu maʼ dawk li huma differenti minna? Louis, ħu li ħadem maʼ ħafna nies differenti, peress li kien jaqdi bħala circuit overseer u f’Betel jgħid: “Meta taħdem maʼ nies imperfetti, hu bħallikieku qed tibni ħajt b’ġebel taʼ daqs differenti. Minħabba li l-​ġebel mhux indaqs, trid tagħmel sforz akbar, imma l-​ħajt xorta jistaʼ jiġi dritt. Jien adattajt ruħi biex inkun nistaʼ naħdem m’oħrajn u b’hekk ix-​xogħol isir.” Kemm hu eżempju tajjeb li għandna nimitaw!

Ħaddiem li jmur tajjeb m’oħrajn ma jżommx għalih informazzjoni li tistaʼ tgħinhom biex jidher aħjar minnhom

X’opportunitajiet għandna biex nuru lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni li aħna raġonevoli? Nistgħu nuru dan meta aħna naħdmu fil-​ministeru mal-​aħwa tal-​grupp tagħna. Nistgħu naħdmu m’aħwa li għandhom responsabbiltajiet differenti fil-​familja jew huma ikbar jew iżgħar minna. Kif nistgħu nadattaw ruħna meta nkunu qegħdin nippritkaw magħhom biex huma jieħdu pjaċir iktar fil-​ministeru?

IT-​3 PRINĊIPJU: ‘KUN LEST BIEX TAQSAM M’OĦRAJN’

Ħaddiem li jmur tajjeb m’oħrajn ‘ikun lest li jaqsam’ dak li jaf magħhom. (1 Tim. 6:18) Meta Ġesù kien qed jaħdem maʼ Missieru, żgur innota li Ġeħova ma ħbielu xejn. Meta Ġeħova “ħejja s-​smewwiet,” Ġesù kien hemm u setaʼ jitgħallem minnu. (Prov. 8:27) Iktar tard, Ġesù kien kuntent li jaqsam mad-​dixxipli tiegħu ‘kulma semaʼ mingħand Missieru.’ (Ġw. 15:15) Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi ngħidu lil ħutna dak li tgħallimna. Ħaddiem li jmur tajjeb m’oħrajn mhux se jipprova jidher aħjar minnhom billi ma jgħidilhomx dak li għandhom bżonn ikunu jafu jew xi informazzjoni li tistaʼ tgħinhom. Hu jieħu pjaċir jaqsam m’oħrajn l-​affarijiet li jkun tgħallem.

Aħna nistgħu wkoll ninkuraġġixxu lil dawk li jaħdmu magħna. Meta xi ħadd jinnota u japprezza l-​isforz li nagħmlu, ma nħossuniex aħjar? Ġesù ħa l-​ħin biex jgħid lil dawk li kienu jaħdmu miegħu l-​affarijiet tajbin li kellhom. (Qabbel Mattew 25:19-​23; Luqa 10:17-​20.) Hu qalilhom ukoll li huma kienu ‘se jagħmlu għemejjel akbar minn’ tiegħu. (Ġw. 14:12) Fil-​lejl qabel miet, hu faħħar lill-​appostli tiegħu billi qalilhom: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi.” (Lq. 22:28) Immaġina kemm il-​kliem tiegħu inkuraġġiehom u żgur li mmotivahom biex jagħmlu aktar! Jekk nieħdu l-​ħin biex infaħħru lil dawk li naħdmu magħhom, bla dubju huma se jkunu iktar kuntenti u x’aktarx se jagħmlu iżjed xogħol.

TISTAʼ TKUN PERSUNA LI OĦRAJN JIEĦDU PJAĊIR JAĦDMU MIEGĦEK

Ħu jismu Kayode jgħid: “Ħaddiem li jmur tajjeb m’oħrajn ma jfissirx li jkun perfett, imma hu jagħmel lil dawk li jaħdmu miegħu kuntenti u jagħmilhielhom faċli biex jagħmlu x-​xogħol.” Dawk li jaħdmu miegħek hekk iħossuhom? Forsi tistaʼ tistaqsi lil xi aħwa li jaħdmu miegħek biex tara x’jaħsbu dwarek. Jekk huma jieħdu pjaċir jaħdmu miegħek, bħalma d-​dixxipli ħadu pjaċir jaħdmu maʼ Ġesù, int tistaʼ tgħid bħalma qal l-​appostlu Pawlu: “Aħna ħaddiema sħabkom għall-​ferħ tagħkom.”—2 Kor. 1:24.