Privacy Settings

To provide you with the best possible experience, we use cookies and similar technologies. Some cookies are necessary to make our website work and cannot be refused. You can accept or decline the use of additional cookies, which we use only to improve your experience. None of this data will ever be sold or used for marketing. To learn more, read the Global Policy on Use of Cookies and Similar Technologies. You can customize your settings at any time by going to Privacy Settings.

Mara ferħana u kunfidenti f’belt kbira.

SIB MOD KIF TNAQQAS L-ISTRESS

X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat

X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat

Sabiex jirnexxilek tnaqqas l-​istress, se jkollok bżonn taħseb dwar is-​saħħa fiżika tiegħek, il-​mod kif tikkomunika m’oħrajn, u l-​miri u l-​prijoritajiet tiegħek fil-​ħajja—jiġifieri, dak li int tqis li hu verament importanti. F’dan l-​artiklu se naraw xi prinċipji prattiċi li jistgħu jgħinuk kif tittratta aħjar mal-​istress u forsi anke tnaqqsu.

Għix Ġurnata b’Ġurnata

Mara ferħana u kunfidenti miexja f’belt kbira.

“Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu.”—MATTEW 6:34.

Xi jfisser: L-​ansjetajiet taʼ kuljum huma parti mill-​ħajja. Imma l-​ansjetajiet t’għada żżidhomx maʼ tal-​lum. Ipprova għix ġurnata b’ġurnata.

  • L-​istress jistaʼ jagħmilna ansjużi. Allura pprova dan: L-​ewwel, trid taċċetta li ċertu stress ma tistax tevitah. Li tinkwieta fuq affarijiet li m’għandekx kontroll fuqhom iżidlek l-​istress. It-​tieni, ifhem li spiss l-​affarijiet li ninkwetaw dwarhom ma jiġrux.

Kun Raġunevoli Miegħek Innifsek

‘L-​għerf li ġej minn fuq hu raġunevoli.’—ĠAKBU 3:17.

Xi jfisser: Tkunx perfezzjonist. Tistenniex iżżejjed minnek innifsek jew minn oħrajn.

  • Kun modest, agħmel miri raġunevoli, u qis il-​limitazzjonijiet tiegħek u dawk t’oħrajn. Meta tagħmel dan, se tnaqqas l-​istress kemm għalik kif ukoll għal ħaddieħor u se tagħmilha eħfef għalik u għal oħrajn li jkollkom iżjed suċċess. Ukoll, tgħallem idħaq. Meta tidħaq—anke meta xi ħaġa tmur żmerċ—l-​istress jitnaqqas u jkollok burdata aħjar.

Kun Af x’Jistressjak

“Bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.”—PROVERBJI 17:27.

Xi jfisser: Emozzjonijiet negattivi, bħal rabja, ansjetà, u nuqqas taʼ paċenzja, jistgħu ma jħallukx taħseb ċar, allura pprova ibqaʼ kalm.

  • Identifika dak li jistressjak u nnota kif tirreaġixxi. Pereżempju, meta tħossok stressjat innota l-​ħsibijiet, l-​emozzjonijiet, u l-​imġiba tiegħek, forsi anke żżomm nota tagħhom bil-​miktub. Billi ssir taf kif tirreaġixxi għall-​istress, int għandek mnejn tkun tistaʼ tikkontrollah b’mod iktar effettiv. Ukoll, aħseb kif tneħħi affarijiet li jagħmlulek stress f’ħajtek. Jekk dan mhux realistiku, fittex modi kif tnaqqas l-​effett tagħhom fuqek, forsi billi tara kif tistaʼ tagħmel xi biċċa xogħol aħjar jew torganizza l-​ħin tiegħek.

  • Ipprova ara l-​affarijiet minn lenti oħra. Xi ħaġa li tistressja lilek tistaʼ ma tistressjax lil ħaddieħor. Id-​differenza tistaʼ tkun fil-​ħarsa tiegħek lejn l-​affarijiet. Ikkunsidra dawn it-​tliet suġġerimenti:

    1. Taqbadx u taħseb ħażin f’kull ħaġa li tiġri madwarek. Xi ħadd jistaʼ jaqbżek fi kju. Jekk taħseb fuq kemm kienet pastaża dil-​persuna, tistaʼ tibda tirrita ruħek. Minflok, għala ma taħsibx li kellha raġuni tajba għal dak li għamlet? Forsi jkollok raġun!

    2. Ara n-​naħa pożittiva taʼ sitwazzjoni. Se jkollok inqas stress jekk tuża l-​ħin li ddum tistenna f’ajruport jew biex tidħol għand it-​tabib f’li toqgħod taqra jew tagħmel xi xogħol jew tara l-​e-​mails.

    3. Tiffokax fuq affarijiet żgħar. Staqsi lilek innifsek, ‘Din il-​problema se naraha daqshekk kbira għada jew il-​ġimgħa d-​dieħla?’ Agħmel differenza bejn kwistjonijiet żgħar u dawk iktar serji.

Ipprova Kun Organizzat

Mara żżomm il-mowbajl u tuża app tal-iskeda tagħha.

“Ħa jsir kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.”—1 KORINTIN 14:40.

Xi jfisser: Ipprova kun organizzat, jew żomm l-​ordni, fil-​ħajja tiegħek.

  • Kulħadd jieħu pjaċir ikollu ammont raġunevoli taʼ ordni fil-​ħajja. Ħaġa li tistaʼ twassal għal diżordni u stress hi li toqgħod tittratieni, u dan jistaʼ jwassal għal lista li dejjem tiżdied taʼ xogħol nofsu lest. Għala ma tipprovax dawn iż-​żewġ suġġerimenti?

    1. Agħmel skeda realistika u żomm magħha.

    2. Identifika u kkoreġi kwalunkwe attitudni li ġġiegħlek tittratieni.

Għix Ħajja Bilanċjata

“Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.”—EKKLEŻJASTI 4:6.

Xi jfisser: Nies li ħsiebhom biss biex jaħdmu jistgħu jċaħħdu lilhom infushom mill-​benefiċċji taʼ żewġ idejn “mimlijin bix-​xogħol iebes.” Għandhom mnejn ma jibqgħalhomx ħin u enerġija biex igawdu dak li ħadmu għalih.

  • Ara li jkollok ħarsa realistika tax-​xogħol u l-​flus. Iżjed flus ma jfissirx iżjed kuntentizza jew inqas stress. Fil-​fatt, il-​kuntrarju taʼ dan jistaʼ jkun veru. “L-​abbundanza taʼ l-​għani mhix qed tħallih jorqod,” jgħid Ekkleżjasti 5:12. Għalhekk, tonfoqx flus iżjed milli għandek.

  • Ħalli l-​ħin biex tirrilassa. Int tnaqqas l-​istress meta tagħmel affarijiet li tieħu pjaċir tagħmilhom. Madankollu, rikreazzjoni passiva, bħal li tara t-​televixin, tistaʼ ma tgħinx.

  • Żomm it-​teknoloġija f’postha. Evita li toqgħod il-​ħin kollu tiċċekkja l-​e-​mails, il-​messaġġi, jew is-​siti tal-​midja soċjali. Sakemm iċ-​ċirkustanzi ma jitolbux mod ieħor, tiċċekkjax e-​mails li għandhom x’jaqsmu max-​xogħol meta ma tkunx xogħol.

Ħu Ħsieb Saħħtek

Żagħżugħ jitbissem waqt li qed jiġri barra.

“It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju.”—1 TIMOTJU 4:8.

Xi jfisser: Eżerċizzju regolari hu tajjeb għal saħħa aħjar.

  • Żviluppa drawwiet tajbin għas-​saħħa. L-​attività fiżika tistaʼ tgħinek tħossok aħjar u ttejjeb il-​mod kif ġismek jirreaġixxi għall-​istress. Kul ikel nutrittiv, u pprova evita li taqbeż xi ikla. Kun ċert li tistrieħ biżżejjed.

  • Evita “soluzzjonijiet” taʼ ħsara għall-​istress, bħat-​tipjip jew l-​abbuż mid-​drogi u l-​alkoħol. Fl-​aħħar mill-​aħħar, dawn iżidulek l-​istress, forsi billi jiħdulek saħħtek u l-​flus li tkun ħdimt iebes għalihom.

  • Mur għand it-​tabib tiegħek jekk l-​istress jiżdied. Li titlob għajnuna professjonali mhix xi ħaġa taʼ mistħija.

Agħmel Prijoritajiet

‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—FILIPPIN 1:10.

Xi jfisser: Aħseb sew dwar l-​affarijiet iktar importanti.

  • Agħmel lista tal-​affarijiet li trid tagħmel skont l-​importanza tagħhom. Dan se jgħinek tiffoka fuq xogħlijiet iktar importanti minn oħrajn, u b’hekk se tkun taf x’tistaʼ ma tagħmilx immedjatament, liema affarijiet tagħti lil xi ħadd biex jagħmilhomlok, jew liema saħansitra twarrab.

  • Żomm nota taʼ kif tuża l-​ħin tiegħek għal ġimgħa. Imbagħad ara kif tistaʼ tużah aħjar. Iktar ma tikkontrolla l-​mod kif tqattaʼ ħinek, inqas se tħossok stressjat.

  • Ħalli ftit ħin biex tirrilassa. Anke ħinijiet qosra jistgħu jerġgħu jagħtuk is-​saħħa u jnaqqsulek l-​istress.

Missier u omm iqattgħu ħin mat-tifel u t-tifla tagħhom.

Fittex is-​Sapport

“L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.”—PROVERBJI 12:25.

Xi jfisser: Kliem ħelu u li jintqal b’qalb tajba minn oħrajn jistaʼ jinkuraġġik.

  • Tkellem dwar dak li tħoss maʼ xi ħadd li jifhmek. Persuna li tafdaha tistaʼ tgħinek tara l-​affarijiet b’mod differenti jew anke ssib soluzzjoni li ma tkunx ħsibt fiha qabel. Li biss tiftaħ qalbek jistaʼ jgħinek tħossok aħjar.

  • Itlob l-​għajnuna. Tistaʼ tagħti xi biċċa xogħol milli għandek lil ħaddieħor jew tagħmilha flimkien miegħu?

  • Jekk xi ħadd li taħdem miegħu jistressjak, fittex mod kif ittejjeb is-​sitwazzjoni. Pereżempju, tistaʼ int b’qalb tajba u tattika tgħidlu kif iġiegħlek tħossok? (Proverbji 17:27) Jekk dan ma jirnexxix, tistaʼ tnaqqas il-​ħin li tqattaʼ maʼ din il-​persuna?

Qis il-​Bżonn taʼ Gwida mingħand Alla

Raġel taʼ negozju jitlob fil-post tax-xogħol tiegħu.

“Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”—MATTEW 5:3.

Xi jfisser: Bħala bnedmin, neħtieġu iktar milli jkollna x’nieklu, x’nilbsu, u dar fejn noqogħdu. Aħna għandna l-​bżonn spiritwali, jew il-​gwida mingħand Alla. Sabiex inkunu ferħanin, għandna nkunu konxji taʼ dan il-​bżonn u nieħdu ħsiebu.

  • It-​talb jistaʼ jgħin ħafna. Alla jistiednek ‘titfaʼ l-​ansjetà kollha tiegħek fuqu, għax hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Bit-​talb u l-​meditazzjoni jistaʼ jkollok paċi tal-​moħħ vera.—Filippin 4:6, 7.

  • Aqra affarijiet li se jressquk qrib t’Alla. Il-​prinċipji diskussi f’din ir-​rivista huma meħudin mill-​Bibbja, li nkitbet biex tissodisfa l-​bżonn spiritwali tagħna. Dawn il-​prinċipji jippromwovu “l-​għaqal u l-​abbiltà li taħseb.” (Proverbji 3:21) Għala ma tagħmilx mira li taqra l-​Bibbja? Il-​ktieb tal-​Proverbji jistaʼ jkun ideali li tibda minnu.