Meta d-Dinja Marret għall-Agħar
Meta d-Dinja Marret għall-Agħar
IN-NIES meta ma baqgħux jimpurtahom mit-tajjeb u l-ħażin? Tiftakar int meta n-nies inbidlu? Xi nies jgħidu li dan ġara fl-1914, meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Fil-ktieb The Generation of 1914, il-professur tal-istorja Robert Wohl kiteb: “Dawk li għexu fil-gwerra kienu jafu li d-dinja nbidlet ħafna u qatt mhu se terġaʼ tkun l-istess.”
Studjuż tal-istorja jgħid: “Kull fejn tmur, l-attitudni tan-nies marret għall-agħar. Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija [1914-18] tant kemm mietu nies li l-ħajja ma kienet tiswa xejn. Politikanti u ġenerali tal-gwerra kienu jibagħtu nies għall-gwerra u ma kienx jinteressahom li ħafna minnhom kienu qed imutu. Minħabba f’hekk, in-nies ma waqfu jimpurtahom minn xulxin u bdew jittrattaw lil xulxin ħażin.”
Studjuż ieħor qal li n-nies biddlu l-idea tagħhom taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin meta bdew jemmnu bl-evoluzzjoni. In-nies bdew jemmnu li l-bnedmin huma xi tip t’annimal, imma huma iżjed intelliġenti minn annimali oħra. Kien hemm min qabbel lin-nies maʼ klieb salvaġġi, allura kien normali li tuża l-vjolenza fuq dawk li huma inqas b’saħħithom minnek.
L-Ewwel Gwerra Dinjija biddlet għalkollox x’jaħsbu n-nies dwar x’inhu tajjeb u ħażin. In-nies ma kienx jimpurtahom x’jgħidu dawk li huma ikbar minnhom dwar il-politika, il-ħwejjeġ, u s-sess. Dan ġara wkoll għax il-knejjes aċċettaw l-evoluzzjoni u inkuraġġew lin-nies biex imorru għall-gwerra. Uffiċjal tal-armata Ingliża qal: “Il-knejjes Kristjani aċċettaw u inkuraġġew lin-nies biex imorru għall-gwerra. L-armata kienet ferħana li kellha l-għajnuna tal-knejjes.”
In-Nies Injoraw X’Inhu Tajjeb u Ħażin
Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-iktar ħaġa importanti għan-nies kienet li jieħdu pjaċir. Huma injoraw x’inhu tajjeb u ħażin, u bdew jaċċettaw kollox. L-istudjuż tal-istorja Frederick Lewis Allen qal li l-għaxar snin taʼ wara l-gwerra kien żmien li n-nies kellhom manjieri ħżiena. Ħafna nies injoraw x’kienu jaħsbu li hu tajjeb u ħażin, u kien sar diffiċli biex tkun taf maʼ liema livelli għandek tgħix.
Wara l-1930, ħafna saru fqar ħafna minħabba l-kriżi ekonomika. Fl-1939, id-dinja reġgħet daħlet fi gwerra ikbar, li hi t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-pajjiżi bdew jagħmlu armi kbar ħafna. Għalkemm dawn għenu l-ekonomija, id-dinja batiet ħafna. Sal-aħħar tal-gwerra tkissru mijiet taʼ bliet. Żewġt ibliet fil-Ġappun kważi spiċċaw fix-xejn wara li fuq kull waħda tefgħu bomba nukleari! Miljuni mietu fil-kampijiet tal-konċentrament. F’dik il-gwerra mietu madwar 50 miljun persuna. Dawn kienu rġiel, nisa u tfal.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, in-nies għamlu li riedu u ma baqgħux jirrispettaw dak li kien aċċettat qabel. Il-ktieb Love, Sex and War—Changing Values, 1939-45, qal: “Matul dan iż-żmien, in-nies ma ħallew xejn iżommhom lura mis-sess. Peress li fil-gwerra kienu jagħmlu li jridu, meta marru lura d-dar kienu jagħmlu l-istess. Il-gwerra ġiegħlet lin-nies jaħsbu li l-ħajja hi qasira u ma tiswa xejn.” Wara l-gwerra bdew jaraw iż-żwieġ u l-familja bl-istess mod, li huma xi ħaġa temporanja.
Minħabba li n-nies ma kinux jafu meta se jmutu, huma riedu jħossuhom maħbubin, anki jekk għal ftit. Mara miżżewġa mill-Brittanja tispjega: “Ma konna qed nagħmlu xejn ħażin, għax konna qed ngħixu fi gwerra.” Suldat Amerikan ammetta: “Għal ħafna nies konna qed nagħmlu xi ħaġa ħażina, imma konna żgħar u stajna mmutu l-għada.”
Ħafna nies, anki jekk fi żmien il-gwerra kienu tfal, għadhom ibatu meta jiftakru x’ġara. Ħafna ma baqgħux jemmnu f’Alla u ma kinux jafu eżatt x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Għalhekk, huma ħasbu li dak li hu tajjeb u ħażin jiddependi miċ-ċirkustanzi.
Dak li Beda Jiġi Aċċettat
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħarġu xi rapporti dwar is-sess. Il-Kinsey Report hu wieħed minnhom li ħareġ fl-Amerka fl-1948. Dan kellu iktar minn 800 paġna. Wara li ħareġ dan l-istudju, in-nies ma baqgħux jiddejqu jitkellmu dwar is-sess. Għalkemm ħafna mill-informazzjoni kienet esaġerata, dan l-istudju wera li waqt il-gwerra n-nies bidlu l-ħarsa tagħhom dwar is-sess.
Għal xi żmien, in-nies provaw juru li jirrispettaw dak li hu tajjeb. Pereżempju, l-awtoritajiet provaw ineħħu kull ħaġa immorali mir-radio, films, u televixin. Imma dan ma tantx dam. William Bennett, li kien ministru tal-edukazzjoni fil-gvern Amerikan, qal: “Bejn l-1960 u l-1970, l-Amerka bdiet tbiddel malajr ħafna l-livelli taʼ x’inhu tajjeb u ħażin.” Ħafna pajjiżi oħra għamlu l-istess. Dan għala ġara?
F’dawk l-għaxar snin, in-nisa kellhom iktar drittijiet, u n-nies ma baqgħux iħarsu lejn is-sess bl-istess mod. Ukoll, f’dak iż-żmien kienu ħarġu l-pinnoli tal-birth-control. Dan għamilha possibbli biex mara setgħet torqod maʼ raġel mingħajr ma toħroġ tqila. Allura kien sar komuni li n-nies jorqdu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin.
Fl-istess ħin, il-ġurnalisti, il-films, u t-televixin bdew juru affarijiet li qatt ma kienu juru qabel. Aktar tard, uffiċjal tal-gvern Amerikan qal hekk dwar dak li beda jidher fuq it-televixin: “Dawn il-programmi juru li l-iżjed ħaġa importanti hi li tieħu pjaċir, li l-vjolenza hi normali, u li huwa tajjeb li torqod maʼ ħafna nies differenti.”
Bejn l-1970 u l-1980 saru popolari l-video tapes. Allura, ħafna nies mid-dar tagħhom setgħu jaraw films ħżiena li qatt ma kienu jmorru jarawhom is-cinema. Issa, mad-dinja kollha, bl-internet tistaʼ tara l-iżjed pornografija diżgustanti.
Issa qed naraw il-konsegwenzi taʼ dan kollu. Pereżempju, gwardjan taʼ ħabs qal li għaxar snin ilu, meta kien jidħol żagħżugħ il-ħabs, setaʼ jkellmu dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Imma issa ż-żgħażagħ lanqas għadhom jafu d-differenza.
Fejn Tistaʼ Ssib Għajnuna Tajba?
Il-knejjes ma jistgħux jgħinuna nkunu nafu x’inhu tajjeb u ħażin. Minflok ma jobdu dak li Ġesù u d-dixxipli tiegħu għallmu, huma saru parti minn din id-dinja ħażina. Kittieb qal: “F’kull gwerra kulħadd jgħid li Alla qed jgħinu.” Xi snin ilu, mexxej reliġjuż fil-belt taʼ New York qal li hu iżjed faċli biex issir membru taʼ knisja milli biex titlaʼ fuq tal-linja.
Hemm bżonn li ssir xi ħaġa biex din id-dinja tinbidel. Imma x’hemm bżonn li jsir? Min se jagħmel dan, u kif se jsir?
[Blurb on page 5]
“Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija [1914-18] tant kemm mietu nies li l-ħajja ma kienet tiswa xejn”
[Picture on page 6, 7]
Illum sar iżjed faċli biex tara films u programmi ħżiena