Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

Għażiż Pubblikatur tas-Saltna Seħibna,

POĠĠI ruħek fiż-​żarbun taʼ membru tal-​familja Betel fi Brooklyn il-​Ġimgħa filgħodu, 2 t’Ottubru 1914. Qiegħed bilqiegħda fil-​post tas-​soltu mal-​mejda tal-​ikel u qed tistenna lil Ħuna C. T. Russell jasal. F’daqqa waħda jinfetaħ il-​bieb tal-​kamra tal-​ikel u jidħol Ħuna Russell. Jieqaf għal ftit, kif inhu mdorri jagħmel, u b’mod dħuli jgħid: “Bonġu għalikom.” Imma mbagħad, minflok ma jpoġġi bilqiegħda f’ras il-​mejda, iċapċap idejh u jagħmel avviż eċċitanti: “Żminijiet il-​Ġentili spiċċaw; is-​slaten tagħhom waslu fi tmiemhom!” Tħossok ferħan se ttir—ilek żmien twil tħares ’il quddiem għal dan iż-​żmien! Flimkien mal-​kumplament tal-​familja Betel, int iċċapċap fit-​tul b’entużjażmu minħabba din l-​aħbar eċċitanti.

Għaddew ħafna għaxriet taʼ snin minn mindu Ħuna Russell għamel din l-​istqarrija eċċitanti. Is-​Saltna x’wettqet minn dak iż-​żmien s’issa? Bosta affarijiet! Permezz tal-​arranġament tas-​Saltna, Ġeħova bil-​mod il-​mod kien u għadu qed jirfina u jħarreġ lin-​nies tiegħu—minn ftit eluf fl-​1914 sa iktar minn sebaʼ miljuni u nofs illum il-​ġurnata. Int kif ibbenefikajt personalment minn dan it-​taħriġ?

Illum, spiss nisimgħu lil ħutna jgħidu, “Il-​karru ċelestjali taʼ Ġeħova jinsab miexi!” u dan hu minnu. Madanakollu, fir-​realtà sa mill-​1914, il-​karru ċelestjali, li jagħti stampa tal-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kien miexi b’ħeffa kbira. Dan se tarah ċar meta taqra bir-​reqqa din il-​pubblikazzjoni. Sabiex jippritkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja kollha, il-​pubblikaturi tas-​Saltna użaw varjetà taʼ metodi ġodda, fosthom il-​gazzetti, il-​marċi bil-​kartelluni, il-​preżentazzjonijiet bl-​istampi, il-​kards tat-​testimonjanza, il-​fonografi, ir-​radju, u anke l-​Internet.

Bil-​barka taʼ Ġeħova fuq ix-​xogħol, issa nistgħu nippubblikaw il-​letteratura mill-​isbaħ tagħna bbażata fuq il-​Bibbja b’iktar minn 670 lingwa u noffruha lil kulħadd bla ħlas. Volontieri bla egoiżmu jgħinu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna, Swali tal-​Assemblea, u faċilitajiet tal-​fergħa, kemm f’pajjiżi sinjuri kif ukoll f’pajjiżi b’riżorsi limitati. U meta jkun hemm xi diżastru, l-​aħwa rġiel u nisa bi mħabba jkunu minn tal-​ewwel biex jgħinu lil dawk li jkunu ġew effettwati, u b’hekk juru li tassew huma ‘aħwa mweldin għal meta jkun hemm in-​niket.’—Prov. 17:17.

Xi kultant, il-​kleru u opponenti oħra jippjanaw “l-​inkwiet permezz taʼ digriet,” imma l-​fidi tagħna tissaħħaħ meta naraw kif darba wara l-​oħra l-​isforzi mhux għaqlin tagħhom irriżultaw “fl-​avanz taʼ l-​aħbar tajba.”—Salm 94:20; Flp. 1:12.

Huwa l-​privileġġ tagħna li nissieħbu magħkom, il-​‘qaddejja taʼ dar’ Ġesù. Jekk jogħġobkom, aċċertaw ruħkom mill-​imħabba kbira li għandna għalikom ilkoll. Nittamaw li din il-​pubblikazzjoni se tgħinkom tapprezzaw il-​wirt spiritwali tagħkom iktar minn qatt qabel.—Mt. 24:45.

B’xewqat sbieħ,

Ħutkom,

Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova